Share the love

Meta kelli 30 sena, ideċċidejt li ridt tarbija u l-fortuna daħkitli, tant li ħrigt tqila tlett xhur biss wara li bdejt nipprova. Minn dejjem kont it-tip ta’ persuna li naħdem bla qies għal dak li rrid u nagħmel ħilti kollha f’kollox, imma l-ewwel tqala tiegħi wrietni kemm kont kapaċi nkun vulnerabbli u mwerwra.

Għamilt riċerka fuq kollox, u kilt kif kien xieraq: la qatt kilt laħam ipproċessat u lanqas missejt kafeina. Minkejja dan l-isforz kollu, waqt il-vista mal-ġinekologu tiegħi, f’egħluq it-28 ġimgħa fit-tqala tiegħi, dan qalli biex immur inqatta’ tmiem il-ġimgħa l-isptar għax il-pressjoni kienet kemxejn inkwetanti.

Dak il-ħin, ma stajtx naħseb u nara ċar. Bdejt niftakar meta r-raġel tiegħi kien ħadni nixtri l-kot u jien ma ridtx għax kont ċerta li kien hemm xi ħaġa ħażina fit-tqala u l-kot ma kinitx se tintuża. Mort l-isptar, taqqbuni, immoniterjawni u xi wħud mit-tobba bdew jitkellmu minn taħt l-ilsien. F’ħin minnhom, meta semmejt mat-tabib li xtaqt nistrieħ ftit qalli biex noqgħod attenta ma jmurx itini tal-qamar! Daqshekk biss qalli u ħareġ il-barra mill-kamra. Kif tistgħu timmaginaw, dak il-ħin ma stajtx nagħlaq għajn m’għajn, u jien, ta’ riċerkatriċi li jien, mort fuq google infittex iktar informazzjoni. Hemm kien il-mument meta qrajt dawk il-kelmiet li kont ser inkun misħuta li nisma’ mhux darba jew tnejn: Pre-Eclampsia.

Il-gynae twajjeb tiegħi ikkonfermali dan kollu l-għada.

Kont qed nesperjenza każ gravi ta’ Pre-Eclampsia. Prinċipalment, f’termini sempliċi, ġismi kien qed jiċħad lit-tarbija, filwaqt li t-tarbija tiegħi kienet qed tissielet kontinwament għal ħajjitha – prattikament kienu qegħdin joqtlu lil xulxin.

F’dak il-punt, qaluli li t-tarbija tiegħi ma kinitx se titwieled ta’ 9 xhur. F’ħin minnhom, wieħed mit-tobba bic-ċajt qalli li ma kinitx l-aħħar tad-dinja, għax kien aħjar għall-istretch marks li jkollok tarbija żgħira u li jmissni nkun kuntenta għax ġenbejja ma kinux se jikbru ħafna…għax bħal li kieku aħna n-nisa f’dak biss jimpurtana. Li ma kinux qed jirrealizzaw kien li jien qatt ma kont esperjenzajt xi ħaga daqshekk tal-biża f’ħajti. Domt l-isptar sitt gimgħat, fejn kull jumejn kienu jgħidulna jekk it-tarbija kinitx se titwieled illum jew konniex se nirbħu xi jumejn oħra.

Dan kien bla dubju l-iktar żmien ta’ stennija ikrah f’ħajti.

Ħassejtni qiegħda nitlef l-isperanza, u kont qed nitlef it-tama’ f’kollox u f’kulhadd. Kont fortunata li kelli raġel daqshekk ħelu, dejjem ħdejja, u gynae li kien kapaċi jevitani minn kummenti bla sens bħal ma kont smajt qabel. Kien jagħmilli l-kuraġġ imma xorta jgħidli l-fatti kif inhuma.

Niftakarni kuljum inqum ninħasel, nagħmel il-make-up u nixgħel il-laptop biex naħdem, biex inħoss dik in-naqra normalita’ madwari. Niftakarni, qiegħda ġo kamra mimlija nisa jgergru fuq kemm ħxienu. Niftakarni nisma’ n-nisa jispjegaw kemm kienet kiefra li wasslu sal-erbgħin ġimgħa tqala u li kienu għadhom ma welldux. Niftakarni ngħir meta nisma’ numru akbar minn 37, meta jien kull ma ridt kien li nġerri l-arloġġ il-quddiem u nkun naf li t-tarbija tiegħi kienet se ssalva. Niftakarni nisma’ omm twerżaq f’nofs ta’ lejl għax kienet għadha kemm tilfet it-tarbija tagħha, immaġinajt kif dik l-omm setgħat kienet jien fi ftit ġimgħat wara.

Imbagħad wasal is-Sibt, meta l-gynae tiegħi daħal b’ħarsa nkwetanti u fehemni kif nhar it-Tnejn konna se nagħmlu ċesarja.

Jien kont se nwelled tarbija ta’ 34 ġimgħa. Żammli jdejja w’ assigurani li kien se jagħmel minn kollox biex dan ikun suċċess, u minkejja li ħassejtni mwerwra, mill-banda l-oħra donnu hadt ir-ruħ. L-unika ħaga li forsi ħadd ma jgħidlek fuq il-pre – eclampsia hi li ġismek ikun qed ibagħti wkoll. Fil-lejl ta’ bejn il-Ħadd u t-Tnejn, l-infermiera ppruvawli l-pressjoni u din kienet m’għola s-smewwiet. Għaġġluni nbattal l-awrina f’ħafna kontenituri sabiex jiċċekkjaw kollox, u ssopponejt li kien hemm xi suspett ta’ xi ħaġa ħażina.

L-agħar ħaġa kienet li kulħadd beda jitkellem fuqi iżda mhux ikellem lili. Mort fuq l-infermiera u għedtilhom illi xtaqt lir-raġel ikun miegħi, u aċċettaw peress li t-tarbija kienet ġejja qabel iż-żmien. Bit-trattament li tawni u l-moniteraġġ kollu, irnexxielna nagħmlu ċ-ċesarja kif kienet ippjanata mal gynae.

Din kienet il-parti fejn ħadd ma seta’ jippreparani biżżejjed għaliha.

Iċ-ċesarja marret tajjeb, imma kif twieldet it-tarbija, telqu jiġru biha barra mill-kamra.

Niftakar kemm kont bkejt u bdejt nistaqsi lir-raġel, “mietet it-tarbija tagħna?” Iżda mbagħad daħlet il-qabla tghidilna li t-tifel kien tajjeb pero’ kien ser jinżamm ġewwa l-NPICU. Kont għadni kif wellidt tifel li kont ili nipprepara għalih dawn il-ġimgħat kollha u kont se nitilfu, u  lanqas biss stajt narah.

Poġġewni ġo kamra m’omm oħra li kienet għadha kif welldet u li kellha t-tarbija tagħha magħha. Ma stajtx niċċaqlaq, ġismi kien għajjien wisq. Imbagħad wasal l-ewwel lejl. Kont għadni kif wellidt, imma t-tarbija tiegħi ma kinitx ħdejja, iżda xorta stenbaħt minħabba l-biki ta’ tarbija oħra. F’ħin minnhom, nofsni rieqda, ħriġt idi minn ġos-sodda biex niċċekkja l-kot inviżibli ħdejn is-sodda tiegħi, sakemm ftakart li t-tarbija tiegħi ma kinitx qiegħda ħdejja. Jien kont ħallejt lit-tarbija tiegħi f’sala oħra, jien kont omm bla tarbija.

Minkejja l-uġigħ, minkejja l-punti, minkejja kollox, l-għada mxejt lejn NPICU biex niltaqa’ mat-tifel tiegħi.

Xejn ma seta’ jippreparani għal dehra bħal dik. Rajt lill-ibni b’ piż ta’ biss 1.5 kg, imdawwar kollu wajers, tant fraġli u żgħir, waħdu kompletament jistenna biex ikun maħbub.

Niftakarni nżommu għall-ewwel darba u dak kien meta ħassejt serenita’ għall-ewwel darba f’dawn ix-xhur kollha. Sfortunatament, wara dan il-mument esperjenzajt ħtija kbira. Ma ridtx inħallih waħdu w’ ħassejtni ħazin li ma kontx  miegħu minn qabel. Kont nobgħod narah b’dawk il-wajers kollha madwar ħafna beeps ħierga minn ġo kull wahda minn dawk il-makni… stħajjiltha alarm biex tgħidli li t-tarbija tiegħi kienet tilfet il-battalja. Ridt intih id-dinja, imma lanqas biss stajt insib ħwejjeġ li jiġuh jew ħrieqi li kienu addattati għalih.

Ħallewni l-isptar għal ftit ġranet taħt osservazzjoni, u tal-anqas tawni kamra waħdi. In-nies ġew jarawni u jistaqsuni kif qegħda nħossni, imma xi stajt ngħidilhom, li jien orrajt? Qwiebel kienu jħabbtu mall-bieb ta’ spiss, biex jiċċekkjaw lit-tarbija tiegħi, u jien b’għajnejja mimlijin dmugħ kien ikolli ngħidilhom li t-tarbija m’hix qiegħda miegħi.

Darba minnhom ħabiba kbira tiegħi li kienet għaddiet minn sitwazzjoni agħar bit-tarbija tagħha, żammitli jdejja u qaltli li le, jien m’għandix għalfejn inħossni orrajt, m’għandix għalfejn inkun ferħana u li kelli għalfejn iħossni hekk, imma li kelli niftakar li l-affarijiet setgħu kienu agħar.

Dawk kienu l-aqwa kliem li wieħed seta’ qalli f’dawn iż-zminijiet. Kien orrajt li nirrabja man-nies li kienu jgergru li t-tarbija tagħhom kienet kbira wisq, li t- tqala tagħhom nefħitilhom saqajhom, li xtaqu lit-tarbija tagħhom kienet l-NPICU sabiex ikunu jistgħu jorqdu lejl sħiħ id-dar tagħhom waħedhom. Kien orrajt li kelli rabja kbira lejn id-dinja kollha ta’ madwari. Kien orrajt ukoll li niftakar li kelli tarbija u li kienet f’saħħitha, u kull ma t-tifel kien jonqsu kien ostaklu ieħor sabiex ikun jista’ jiġi d-dar magħna. Kien orrajt li niftakar kemm il-gynae u l-familja tiegħi kienu tant impekkabbli miegħi f’dan il-perjodu fejn jien kont ninstab diżastru totali. Imma l-aktar importanti kien li kien orrajt li jien kont inħossni diżastru totali, u li nistaqsi għall-għajnuna.

Illum it-tifel għandu tlett snin u hu l-ġenju ċkejken tagħna, ossessjonat bl-ittri u bin-numri, u s-sena l-oħra kellna tifel ieħor li taħt il-gwida tal-gynae tiegħi, li segwieni sall-aħħar, wellidtu ta’ 9 xhur.

Dwar l-Awtriċi

Maris Catania preżentament qed tokkupa l-irwol ta’ Head of Responsible Gaming and Research f’ Kindred. Bdiet bħala Risk and Fraud Analyst ma’ Kindred u wara li għamlet il-Masters fil-Psikoloġija mill-Universita’ ta’ Leicester, ħadet l-irwol ta’ Responsible Gaming Manager. Għandha diploma fil-Gambling Addiction Counselling and Psychology, u bħalissa qed taħdem għad-dottorat taħt is-superviżjoni ta’ Prof. Mark Griffiths, b’ enfasi primarja fuq l-analiżi ta’ l-ewwel sinjali ta’ problemi onlajn, bħal gambling, gaming tools u promozzjoni responsabbli ta’ gaming.

Waqt riċerka għall-irwol tagħha, bdiet sistema innovattiva ma’ Kindred, magħrufa bħala PS-EDS (Player Safety – Early Detection System). Din uriet vantaġġ impressjonanti fil-kumpanija, kemm minn perspettiva ta’ riklamar kif ukoll internament dwar responsabbilta’ korporattiva soċjali. L-istess PS-EDS rebħet l-EGr Innovation of the Year award fl-2014. L-RG approach kurrenti f’Kindred rebħet ukoll diversi premjijiet industrijali, inklużi fl-2017 GIA Socially Responsible Operator of the Year, u Global Regulatory Awards and Women in Gaming awards in 2017.

Maris ġiet ukoll ippremjata bil-Gambling Compliance Most Significant Contribution to Responsible Gambling Research għal tlett snin konsekuttivi.


Share the love