Daħlet mara fil-klinika tiegħi b’taħlita ta’ rwejjaħ. Stajt inxomm it-tewm, ‘chewing gum’ u riħa tfuħ tal-fjuri. Naħseb rat il-ħarsa mimlija mistoqsijiet tiegħi għax qaltli, “Tabiba, sigriet. Tgħidx lir-raġel imma ġimgħa ilu erġajt bdejt inpejjep.” Kienet waqfet għal sena. Imma waqt ikla ma’ kollegi tagħha, gawdew ftit tipjip u dlonk reġgħet bdiet tixtri s-sigaretti.
Din hija storja komuni ma’ ħafna, u bħal ma tħobb tgħid il-furnara lokali tiegħi filwaqt li tbaxxi rasha: “L-aħjar li qatt ma tibda!”
Studji riċenti juru li 20% tal-popolazzjoni f’Malta jpejjpu, bl-irġiel fost l-aktar li jpejjpu minn nisa. Filwaqt li fl-istatistika naraw li Malta hija ftit ‘il fuq mill-medja tal-Unjoni Ewropea, in-numri baqgħu konsistenti waqt l-aħħar għaxar snin waqt li pajjiżi oħra Ewropej raw nuqqas konsistenti fin-numri. Fortunatament, fejn jidħlu ż-żagħżagħ l-oppost jidher li hu veru, jiġifieri li qed isiru inqas probabbli li jibdew it-tipjip (ara r-referenza), eżatt bħal ma tgħid il-furnara li semmejt aktar il-fuq.
Kulħadd jaf li s-sigaretti huma ppakkjati bit-tar waqt li jerħu kimiċi perikolużi. Ħafna kampanji favur is-saħħa jinfurmaw lin-nies b’mod effettiv fuq l-effetti negattivi tat-tipjip, inklużi l-kanċer tal-pulmun u mard tal-qalb. Konsegwenzi oħra li ma tantx nisimgħu bihom huma l-effetti negattivi fuq il-ġilda, tibdil fil-kulur tas-snien u anke kanċer fil-bużżieqa ta’ l-awrina. Is-sigaretti jistgħu joħolqu ġenn fis-sistema ċirkulatorja, li mbagħad iżidu ċ-ċans b’ mod drastiku għal puplesiji, trombożi u problemi fil-kliewi.
It-tipjip huwa vizzju ħażin. Vizzju li mhux faċli teħles minnu. B’medja ta’ €5.50 għal kull pakkett, wieħed li jpejjep pakkett kuljum jonfoq €38.50 kull ġimgħa, €165 kull xahar u €2,007 kull sena. Xi wħud iħobbu jpoġġu l-flus li kienu jonfqu fuq is-sigaretti mal-ġenb għalihom infushom perjodikament. Meta tagħmel hekk tkun tista’ tuża dawn il-flus biex tmur tiekol fir-ristorant favorit tiegħek kull ġimgħa, tgawdi minn xi ‘full body massage’ darba f’xahar u anke tmur vaganza ‘skiing’.
Mela, minn fejn għandek tibda biex tieqaf tpejjep?
Kollha kemm aħna smajna stejjer ta’ nies li għaffġu l-pakkett kurrenti li kellhom, ramewħ u qatt ma reġgħu ħarsu lura. Ammirabbli, veru, u jeħtieġ ħafna soluzzjonijiet biex tirranġa s-sitwazzjoni. Madankollu, il-maġġoranza tan-nies għandhom bżonn is-sapport biex iwaqqfu l-vizzju tat-tipjip.
Huwa difficli biex tieqaf tpejjep għax is-sigaretti jipprovdu kimika essenzjali lill-moħħna – in-nikotina.
Kull persuna għandha n-nikotina fis-sistema tagħha: tpejjep u ma tpejjipx; tiġi kkreata mill-moħħ. Meta l-moħħ jirrealizza li n-nikotina tkun ġejja minn barra, jieqaf jipproduċi n-nikotina tiegħu – il-ġisem ma jaħlix riżorsi. Minn hemmekk tibda tiddependi fuq il-‘puff’ li jmiss..għalhekk huwa iebes li twaqqaf il-vizzju. Il-moħħ ikun irid jifhem li mhux se jerġa’ jirċievi n-nikotina mis-sigaretti u se jkollu jerġa jipproduċi n-nikotina hu stess.
Tista’ tipprova tqarraq b’moħħok biex jibda jaħseb li qed jieħu l-istess ammont tas-soltu billi tneħħi sigarett mill-pakkett kull filgħodu. Jiġifieri jekk is-soltu tpejjep 20 sigarett kuljum, oħroġ wieħed u ħallih mal-ġenb. Ibqa’ agħmel dan għal ġimgħatejn. Fit-tielet ġimgħa, neħħi żewġ sigaretti. Ibqa’ sakemm ma jifdal xejn. Hekk tagħti ċans lil ġismek jirrealizza x’inhu jiġri, u jibda’ jipproduċi n-nikotina hu stess.
Id-Dipartiment tal-‘Primary Healthcare’ f’Malta joffri sezzjonijiet regolari għal waqfien mit-tipjip. Ħafna sabu dawn is-sezzjonijiet bżonnjużi ħafna.
Is-sapport li jirċievu mill-għalliem u mill-persuni l-oħra li jattendu jgħinuhom jibqgħu fit-triq it-tajba. Ftakar li l-affarijiet spiss jiġu agħar qabel ma jiġu aħjar (sakemm il-moħħ jibda’ jipproduċi n-nikotina hu stess). Ċempel fuq 21231231 biex tagħmel appuntament għal sezzjoni fil-‘health centre’ li huwa qrib tiegħek. Tista’ wkoll takkwista sapport individwali billi timla din il-formola:
https://deputyprimeminister.gov.mt/en/health-promotion/Pages/Services/Quit-Smoking.aspx
Jekk taħseb li għandek bżonn aktar għajnuna biex tieqaf, kellem lill-GP tiegħek li jkun jista’ jiktiblek prodotti mediċinali biex jgħinuk fl-istadji tal-bidu li jkunu kemmxejn tqal. Dawn jiġu f’forom differenti: pilloli, ‘patches’, ‘chewing gum’ u ‘sprays’. M’humiex irħas, imma huma irħas minn pakkett sigaretti kuljum, u jittieħdu biss għal ftit xhur.
Iddiskuti mal-GP tiegħek il-ħinijiet tal-ġurnata li fihom taqbdek l-akbar lublieba għas-sigaretti. Din hija xi ħaġa ndividwali għal kull persuna li tpejjep. Xi wħud jaħsbu li ma jistgħux jipproċessaw ħsibijiethom mingħajr sigarett u kafe’ l-ewwel ħaġa filgħodu, filwaqt li oħrajn iħossu l-bżonn ipejjpu fi triqthom lejn ix-xogħol. Meta tiddiskuti dan tista’ tingħata trattament aħjar speċifikament għal bżonn tiegħek.
Ikun xi jkun il-metodu li tagħżel, nixtieqlek kull suċċess! Żomm f’moħħok li dawk li jippruvaw jirnexxu. Tieħu kemm tieħu żmien, eventwalment tasal fejn tixtieq. Tiqafx tipprova!
Referenza: State of Health in the EU – Malta – Country Health Profile 2019. Assessed at https://www.oecd-ilibrary.org/social-issues-migration-health/malta-country-health-profile-2019_05db1284-en on 2nd August 2020.
Dr Natalie Psaila bdiet tistudja għal tabiba fl-Universita’ ta’ Malta fl-2007. Hija kompliet l-istudji tagħha u akkwistat il-MMCFD u MRCGP (Int) biex laħqet speċjalista fil-Family Medicine fl-2013.