Kitba riċenti li qrajt fuq Facebook dwar it-tkabbir tal-individwu fil-biża’ verament laqtitni minħabba li hija mimlija verita’. Jiena mara fil-bidu tal-erbgħinijiet u għandi rabja kbira lejn il knisja rigward il-mod ta’ kif għallmitna l-biża’ minn Alla u mill-infern.
Mill-memorji ta’ priedki li dejjem jispiċċaw bit-tbatija gglorifikata għall-premju finali tal-ġenna… għal konnessjoni tan-nisa mal-ħażen kollu.
Anke ċ-ċajt relatat ma’ Eva, jew il-messaġġi sottili li jirrakkomandaw li n-nisa jridu jkunu sudditi, ibagħtu l-uġigħ, u bażikament jeżistu biex iġorru u jmantnu lit-tfal, iżommu d-dar fl-ordni, isajru u jissodisfaw lill-irġiel tagħhom. U ovjament, mara tajba ma tgawdix il-pjaċir tas-sess – hija tissaportih biss. Tagħmel dan biex tissodisfa r-raġel u ġġib lit-tfal fid-dinja. U jekk f’moħħha temmen li hija xi qaddisa . . . jekk tieħu gost, tkun ‘kinky’ jew (Alla tiegħi!!) tibdiha hi, tieħu gost jew ikollha forsi … torgażma … Hija ħazina. Tax-xitan!
Qed nipprova naħseb dwar kemm hemm nisa ta’ daqsi li seta’ kellhom diskursata sew m’ ommhom fuq is-sess. Lili ommi qatt ma kellmitni fuq is-suġġett.
Ommi assumiet li jien kont attiva sesswalment u kienet tagħtini twissijiet sottili bħall “ma nafx ‘toqgħodu tagħmlu… ma tibżgħux minn Alla… issa jkun hemm konsegwenzi u ejja ma wiċċi”.. imma qatt ma tkellimna fuq kif ħassni, jekk kienx iħossni tajba, jekk niħux gost waqt l-att sesswali jew jekk inħossnix rispettata… jekk kontx nuża protezzjoni… id-diskursata kienet dejjem tkun fuq id-dnub u ‘damnation’.
Kwistjoni oħra li tirritani hija li suppost għandi noqgħod u naċċetta l-uġigħ. In-nisa jridu jsofru fil-kwiet u jridu jaċċettaw dan il-fatt – “soffrieha għal dnubietek” – anke jekk huwa l-uġigħ ikkawżat mill-mestrwazzjoni. U l-medikazzjoni; ara jfettillek tieħu xi ħaġa biex jittaffielek il-fluss tqil, “dawk affarijiet normali, tal Bambin”. Jew jekk tuża kontraċezzjoni artifiċjali waqt li tkun miżżewġa, qisek trid toqgħod kwieta fuqha, qisek qegħda f’xi tip ta’ negozju illegali
Nemmen li l-agħar għedewwa tan-nisa huma nisa oħra stess. Xi kultant nies tal-familja jħobbu jibgħatu messaġġi sottili u aspettattivi. Personalment qatt ma ħassejtni bħala mara tipika jien u nikber.
Qatt ma’ kelli x-xewqa li niżżewweġ u jkolli t-tfal meta kont żgħira. Qatt ma esperjenzajt eċitament meta ħsibt dwar sulari nodfa mmens jew twieqi frizzanti. Il-ħsieb li nixtri għadd ta’ settijiet ta’ folji u xugamani fl-addoloxxenza tiegħi kien pjuttost orribli. Sal-lum il-ġurnata, għadni nħossni kuntenta li ma kontx nagħmel parti mis-sistema tad-‘dota’, avolja sħabi kollha kienu parti minnha. Kont inħossni stramba, qisni minix mara kompluta. U issa rrealiżżajt li kont niskuża lili nnifsi talli nħossni hekk.
Bis-saħħa ta’ nisa oħra li tkellmu fuq l-esperjenzi personali fuq pjattaformi diversi bħal Wham u ‘Women for Women’, m’għadnix inħossni waħdi jew stramba li nħoss il-bżonn li niddiskuti kwistjonijiet importanti, jew li nixtieq inkun parti mill-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, jew talli ma nħossnix eċitata dwar riħa ġdida ta’ ‘fabric conditoner’… m’għadnix inħossni ħatja meta nieħu gost waqt is-sess, jew li ngħid dak li għandi fuq moħħi. Kelli nieħu deċiżjonijiet tradizzjonali f’ ħajti u għandi sehem ġust ta’ dispjaċir grazzi għall-biża’ li s-soċjetà u l-knisja għallmuni.
Jien ma nikkundannax jew nirredikola il-mara “tipika” jew in-nisa li jaqblu ma’ dan l-isterjotip, imma nixtieq li nistgħu nittolleraw u naċċettaw li le, mhux in-nisa kollha inħolqu biex jidħlu f’forma fabbrikata minn qabel. Li nkunu differenti huwa dak li jagħmilna speċjali. Hekk biss nistgħu nitgħallmu verament ngħixu u nħallu n-nies jgħixu!