Share the love

Il-kelma ‘Doula’ taf l-oriġini tagħha lill-kelma Griega li tfisser “qaddejja”. Filfatt, id-‘doula’ kienet ikkunsidrata bħala l-qaddejja l-favurita tan-nisa nobbli minħabba li kienet tagħtihom sapport u għajnuna tul l-esperjenza tal-maternita’ tagħhom. Ħrafa antika tgħid li l-ewwel ‘doula’, Galati, għenet lill-Alcmena twelled lil Hercules bil-preżenza u l-intuwizzjoni perfetta tagħha.

Illum il-ġurnata, id-‘doula’ hija kkunsidrata bħala persuna ta’ min jafdaha, li takkumpanja l-mara kemm waqt it-tqala kif ukoll waqt u wara l-ħlas. Hi l-persuna li tkun hemm maġembek, li tipprovdilek spalla meta jkollok bżonnha, tgħinek torjenta ruħek fis-sitwazzjoni li tkun fiha, kif ukoll tiggwidak biex tagħmel id-deċiżjonijiet li jkun hemm bżonn.

Id-‘doula’ tippreparak kemm għal dak il-mument tant mistenni tal-ħlas, kif ukoll għal ħajja ġdida tiegħek mat-tarbija. L-għan aħħari tagħha hu li tgħinek biex ikollok l-aħjar esperjenza possibbli f’ dan iż-żmien tant importanti fil-ħajja tal-mara.

Id-‘doula’ hija dik il-persuna li qatt m’hu ħa tiġġudikak, iżda li tissapportjak f’ kull deċiżjoni li tieħu.

Imma x’inhu x-xogħol tad-‘doula’ eżattament?  

Id-‘doula’ toffrilek sapport flessibbli kemm jista jkun, speċjalment minħabba li taf li kull familja għandha bżonnijiet differenti mill-oħra. Dawn li ġejjin huma xi ftit eżempji tas-sapport li d-‘doula’ tista tipprovdilek:

  • Id-‘doula’ tipprovdilek sapport emozzjonali kif ukoll għajnuna bil-preżenza tagħha, billi tisimgħek, tipprovdilek ikel u ‘herbal teas’, ‘massaġġi, meditazzjoni…Tinkuraġġik biex taffronta d-dubji u l-biżgħat tiegħek, jew biex tistrieħ meta jkollok bżonn, biex b’hekk issostni lilek innifsek kemm fiżikament kif ukoll mentalment. Id-‘doula’ tipprovdilek l-informazzjoni kollha li għandek bżonn biex inti tkun tista toħloq pjan għal mument tal-ħlas tiegħek.  
  • Waqt il-ħlas, id-‘doula’ tipprovdilek serħan il-moħħ bil-preżenza familjari tagħha. Qatt mhu ħa tinterrompi x-xogħol tal-qwiebel u t-tobba. L-irwol tagħha huwa li tipprovdilek sapport u għajnuna kontinwa, massaggi, kif ukoll tiggwidak b’ metodi li jgħinuk tnaqqas l-uġigħ tal-ħlas.
  • Id-‘doula’ tissapportjak biex iżżomm mal-pjanijiet li tkun għamilt għal waqt il-ħlas, u tibqa tipprovdilek sapport anke jekk inti tiddeċiedi li tbiddel dawn il-pjanijiet qabel jew waqt il-ħlas.
  • Id-‘doula’ toffri għajnuna għal wara t-twelid, inkluża għajnuna fl-ewwel jiem tiegħek id-dar mat-tarbija. Dan jinkludi għajnuna mat-tarbija kif ukoll ma’ aħwa oħra, sapport fi treddigħ jew ‘bottle feeding’, pariri dwar għajnuna b’ aromatherapy, preparazzjoni ta’ ikliet, pariri dwar l-aħjar ikel u rimedji, massaġġi bażiċi, sapport emozzjonali, u dak kollu li jista itejjeb l-ewwel ġranet tal-esperjenza materna tiegħek.
  • Ċertu ‘doulas’ jispeċjalizzaw ukoll f’ massaġġi apposta għal waqt it-tqala kif ukoll wara l-ħlas. Uħud joffru wkoll anke ritwali u ċerimonji fejn inti tkun tista tiċċelebra dal-perjodu tant importanti fil-ħajja tiegħek minn mara għal omm.

Hawn min jgħid li d-‘doulas’ huma bħal gwidi fil-muntanji…ma jimxux għalik iżda jkunu miegħek pass wara pass, u jgħinuk tkompli tiela l-fuq meta l-għolja ssir aktar diffiċli.

Ifakkruk dejjem biex tiffoka fuq is-sabiħ tal-vjaġġ tiegħek anke meta tkun qed tissara biex tasal fejn trid. Il-preżenza tagħhom tgħinek tasal fid-destinazzjoni tiegħek mingħajr periklu u b’ moħħok mistrieħ.


Share the love

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *