Ix-xiri online jista’ jkun pjuttost konvenjenti, speċjalment waqt dan iż-żmien li qed ngħixu fih. Hawn għandek issib dak kollu li għandek bżonn tkun taf dwar xiri online u l-ġimgħatejn ‘cooling off period’ – dritt tal-konsumatur…
B’ daqstant prodotti mixtrija u mibjugħa online f’dawn iż-żminijiet, aħna ta’ wham ħsibna li jkun tajjeb li nfakkru l-konsumaturi dwar id-drittijiet tagħhom, kif ukoll lill-bejjiegħa dwar ir-responsabbiltajiet tagħhom.
Affarijiet mixtrija online jew minn fuq it-telefon, kemm lokalment kif ukoll minn fornituri barranin huma suġġetti għal dak imsejjaħ ‘two-week cooling off period’. Dawn il-ġimgħatejn jibdew mill-ġurnata li fihom il-konsumatur jirċievi l-prodott. Dan ifisser li x-xerrej għandu d-dritt jirritorna l-prodott mixtri fi żmien ġimgħatejn u jingħata l-flus lura mingħajr problemi jew domandi. Għalkemm jeżistu eċċezzjonijiet, ir-regola ġenerali hija li jekk il-prodott ikun għadu ppakkjat fl-istess materjal li kien ippakkjat fih originarjament u ma jkunx ġie użat, il-fornitur għandu jaċċetta l-prodott lura u jagħti l-flus lura lill-konsumatur. Il-konsumatur f’dan il-każ m’għandux għalfejn jagħti spjegazzjoni dwar ir-raġuni li għaliha jkun qed jirritorna l-prodott. Sfortunatament, ċertu bejjiegħa jidher li ma jafux b’din ir-regola u jispiċċaw jirrifjutaw li jaċċettaw il-prodott tagħhom lura u jagħtu l-flus lura lill-konsumatur.
Il-bejjiegħa, kemm kbar kif ukoll żgħar, għandhom jimxu mar-responsabbiltajiet tagħhom lejn il-klijent. Jekk kellek xi esperjenza ħażina ta’ xiri online fejn il-fornitur irrifjuta li jagħtik il-flus lura, ikkuntattja lill-MCCAA fuq https://mccaa.org.mt/ – Jekk għandek esperjenza li tixtieq taqsam ma’ wham, kemm f’ismek kif ukoll b’mod anonimu, ibgħatilna imejl fuq [email protected]
Francesca Fenech Conti hija entużjasta dwar problemi soċjali u għandha BA fis-‘Social Policy’. Hija wkoll fundattriċi u kreattriċi tal-grupp fuq Facebook iddedikat għan-nisa biss Women for Women (Malta) u l-‘Women for Women Foundation’ li taħdem id f’id ma’ NGOs u negozji oħra li jagħtu s-setgħa u l-appoġġ lin-nisa, speċjalment nisa li jrabbu t-tfal weħidhom.
Riċentament, Francesca ħalqet Wham.com.mt bl-għan li tipprovdi spazju tant meħtieġ fix-xenarju tal-medja lokali biex tippromwovi l-ilħna tan-nisa Maltin u tipprovdi lin-nisa sorsi ta nformazzjoni rigward il-benesseri tagħhom.