Share the love

incontinence

“Tant dħakt li kważi għamilt taħti!”

Kemm il-darba smajna nisa jgħidu din il-frażi? Kemm il-darba għedtha inti stess? U xi ngħidu dwar ċajt relatat ma dan l-aċċident b’ mod dirett ma’ l-għatis?

Dan kollu huwa relatat mal-inkontinenza urinarja, li hija tnixxija involuntarja ta’ awrina kkawżata minn pressjoni fl-addominali bħal ma jiġri f’ każ ta’ sogħla, għatis, daħk, qbiż, ġiri, ‘squats’ u erfigħ.

Iva, dan hu komuni ĦAFNA! Fil-fatt, mara minn kull erbgħa ta’ l-fuq minn tmintax-il sena tesperjenza episodji ta’ inkontinenza urinarja. Iżda huwa normali li jiġri hekk? Le. Hija xi ħaġa li għandna nitgħallmu ngħixu biha? Definittivament le!

L-inkontinenza urinarja kkawżata minn pressjoni hija biss problema waħda relatata mal-bużżieqa tal-awrina li nistgħu nesperjenzaw. Problemi simili jinkludu:

  • Inkontinenza b’ urġenza (tnixxija involontarja kkawżata minn urġenza qawwija biex tgħaddi l-awrina, li spiss tiġi kkawżata meta l-individwu jara ilma nieżel, ‘toilet’, jew ċavetta tiftaħ bieb)
  • Bżonn frekwenti biex tgħaddi l-awrina
  • Żamm ta’ l-awrina fit-tul jew nuqqas ta’ tbattil komplet
  • Qawmien waqt l-irqad minħabba bżonn biex tgħaddi l-awrina
  • Inkontinenza awrinarja matul il-lejl (bedwetting)
  • Infezzjonijiet spissi fil-bużżieqa ta’ l-awrina

Kif għandha taħdem il-funzjoni awrinarja b’ mod normali?

  • Fuq bażi ta’ konsum ta’ żewġ litri ta’ likwidu kuljum, suppost ikollna bżonn ngħaddu l-awrina bejn 6 u 7 darbiet fil-ġurnata
  • Kull darba li nagħmlu dan suppost ikun hemm biżżejjed biex nirrepetu l-kelma Mississipi għal 7 jew 8 darbiet waqt li nkunu ngħaddu l-awrina (dan jammonta għal madwar 300ml-500ml)
  • Normalment tkun tista tistenna bejn 2 jew 3 sigħat bejn darba u oħra. Ftakar fil-parir ta’ Alfred Hitchcock li “it-tul ta’ film għandu jkun ibbażat fuq il-kapaċita’ tal-ħin li l-bniedem ma jkollux bżonn jgħaddi l-awrina”
  • M’ għandux ikollna l-bżonn li nqumu mal-lejl speċifikament biex ngħaddu l-awrina (ovjament meta nkunu battalna sew qabel l-irqad u ma nixorbux ammont kbir ta’ likwidu qabel norqdu)

Vizzji ħziena li kapaċi jikkawżaw disfunzjoni:

  • Għal li jista jkun

Żgur li ħafna minna huma ħatja ta’ dan! Kemm il-darba nkunu ħerġin mid-dar u ma jkollniex bżonn ngħaddu l-awrina, iżda nagħmlu dan ‘għal li jista jkun’?

Għaliex dan huwa disfunzjonali? Għax dal-vizzju irawwem il-bużżieqa tal-awrina biex jikkontratta u jbattal meta ma jkunx hemm bżonn. Maż-żmien dan iġagħlna nitilfu s-sensittivita’ tal-bużżieqa tal-awrina, u jnaqqas il-kapaċita’ li l-bużżieqa tal-awrina tkun kapaċi żżomm il-kontroll meta jkollna l-vera bżonn.

  • Pożizzjoni b’ kuntatt indirett fuq it-‘toilet’

Poġġi dirett fuq it-‘toilet’ biex tgħaddi l-awrina. Toqgħodx f’ pożizzjoni kif jgħid il-Malti ‘kokka’.

Għaliex dan huwa disfunzjonali? Biex inbattlu l-awrina, il-muskoli tal-pelvis għandhom bżonn jistrieħu filwaqt li l-muskoli msejħa ‘detrusor’ għandhom bżonn jikkotrattaw. L-istess muskoli għandhom irwol fl-istabbilta’ tal-pożizzjoni tagħna, u għalhekk, jekk noqogħdu ‘kokka’, dawn il-muskoli ma jkunux jistgħu jirrilassaw kompletament. Dan jikkawża il-muskoli ‘detrusor’ biex jaħdmu d-doppju ta’ dak li hu normali għalihom biex ibattlu l-awrina, u maż-żmien minħabba l-isforz żejjed, il-bużżieqa tal-awrina taf tinżel l-isfel, u t-tbattil komplet ta’ l-awrina ma jibqax possibbli.

  • Twaqqif u tkompliħ ta’ l-awrina bħala eżerċizzju għal pelvis

Huwa mportanti li dan ma jsirx, lanqas bħala eżerċizzju!

Għaliex dan huwa disfunzjonali? Bħal ma semmejna aktar il-fuq, biex inbattlu l-awrina, il-muskoli tal-pelvis iridu jirrilassaw filwaqt li d-‘detrusor muscles’ jikkontrattaw. Għalhekk meta inti twaqqaf l-awrina bi sforz tkun qed tibgħat sinjal lil muskolu tal-bużżieqa tal-awrina biex jieqaf milli jikkontratta. Għalhekk it-tbattil ta’ l-awrina ma jkunx komplet, u dan jista jikkawża infezzjonijiet fil-bużżieqa tal-awrina, kif ukoll żamm ta’ awrina għal tul ta’ ħin.

  • Imbuttar jew sfurzar

Minħabba l-ħajja mgħaġġla, ħafna nisa għandhom il-vizzju jagħmlu dan biex iħaffu. M’ ghandniex ninbuttaw jew nisfurzaw biex inbattlu l-awrina, iżda għandna nirrilassaw iż-żaqq u l-muskoli tal-pelvis.

Għaliex dan huwa disfunzjonali? Imbuttar u sfurzar jikkawżaw żieda ta’ pressjoni fl-addominali. Dan inaqqas is-saħħa tal-pelvis u jinbotta l-organi tal-pelvis l-isfel, u bħal ma semmejna aktar il-fuq, il-bużżieqa ta’ l-awrina taf tinżel l-isfel jew tiggrava jekk dan ikun seħħ diġa.

X’ nistgħu nagħmlu biex intejbu l-funzjoni tal-bużżieqa tal-awrina?

Fortunatament, fil-maġġoranza tal-każi, il-funzjoni tal-bużżieqa tal-awrina tista’ tittejjeb jew titranġa b’ mod naturali. Kull ma hemm bżonn biex dan jiġri huwa ftit xogħol u sforz, kif ukoll informazzjoni dwar kif jaħdem sew il-ġisem.

Dawn huma ftit pariri li jgħinu u jsaħħu l-funzjoni tal-bużżieqa tal-awrina:

  • Ipponta li tixrob 2 litri ta’ ilma kuljum biex iżżomm ruħek idratata – iżda qassam il-konsum tiegħek matul il-ġurnata u mhux tixrob ħafna f’ daqqa. Evita ħafna ilma qabel l-irqad, speċjalment f’ każ ta’ inkontinenza matul il-lejl jew qawmien spiss mill-irqad minħabba l-bżonn biex tgħaddi l-awrina.
  • Evita l-alkoħol – l-alkoħol jikkawża disfunzjonijiet fil-bużżieqa tal-awrina minħabba tlett raġunijiet: l-alkoħol jirrita l-bużżieqa tal-awrina, iżid fl-ammont tal-awrina, kif ukoll jirrilassa l-muskoli. Dan ifisser li l-frekwenza tal-bżonn tiżdied, u l-urġenza tiggrava.
  • Tejjeb kemm tista l-funzjoni tal-musrana, għax li tkun stitika u li titqanżaħ jaffettwa b’ mod ħażin il-funzjoni tal-bużżieqa tal-awrina u jikkawża inkontinenza urinarja.
  • Jekk tbati spiss minn infezzjonijiet relatati ma attivita’ sesswali, tajjeb tbattal l-awrina kemm qabel kif ukoll wara s-sess
  • Evita affarijiet li b’ mod komuni jikkawżaw irritazzjoni fil-bużżieqa tal-awrina, bħal kaffeina, xorb karbonizzat, ikel pikkanti, u frott u ‘juices’ aċidużi.
  • Tejjeb kemm tista l-funzjoni tal-pelvis għax dan hu relatat b’ mod dirett mal-funzjoni tal-bużżieqa tal-awrina. Il-muskoli tal-pelvis jikkontrattaw meta l-bużżieqa tal-awrina tkun tintela, u jirrilassaw meta tkun qed titbattal. Huwa għalhekk li jekk il-pelvis ikun bla saħħa jkun hemm problemi ta’ inkontinenza. Tajjeb insemmu wkoll li jekk il-pelvis ikun issikkat jew iperattiv, xorta jista jkun hemm problemi ta’ inkontinenza. Għalhekk f’ każ ta’ dubju huwa mportanti li żżur fizioterapisti speċjalizzati fis-saħħa tal-mara.

Share the love

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *