Share the love

Għal ħafna snin kont nieħu l-‘pill’, imma meta ma bqajtx fir-relazzjoni twila u sesswali li kont fiha, iddeċidejt li nieqaf għal ftit tas-snin. Imbagħad iltqajt mar-raġel tal-ħolm tiegħi u għall-ewwel ftit snin użajna l-kondoms.

F’waħda mill-visti regolari li kelli għand il-gynae ġejt mistoqsija x’tip ta’ kontraċezzjoni kont qed nuża, u jien weġibt li kont qed nuża kondoms jew il-‘pull out method’.

Minħabba li diġa’ kelli 42 sena u li żgur ma kienx iż-żmien ideali li fih ninqabad tqila, il-gynae ssuġġerieli nuża metodu aktar effettiv u sikur. Huwa rrakkomandali nibda nuża l-Mirena IUD.

Kont smajt kemm affarijiet pożittivi kif ukoll negattivi fuqha, u għalhekk iddiskutejtha mas-sieħeb tiegħi, għamilt ftit riċerka dwarha u ddeċidejt li kienet idea tajba. Is-sieħeb tiegħi ħaseb li ma kellix nagħmilha għax ma kinitx togħġbu l-idea li kien se jkolli oġġett barrani ġo fija jerħi l-ormoni li setgħu forsi jaffetwawli saħħti. Madankollu nsistejt li kont għamilt ir-riċerka tiegħi u li ma kellux għalfejn jinkwieta – kont se nkun aħjar – anzi probabbilment kienet ser ittejjibli saħħti għax skond ma kont qrajt il-Mirena għandha wkoll xi benefiċċji.

Il-Mirena għamiltha. Ma weġġajtx, imma niftakar li fl-ewwel ftit ġimgħat kont esperjenzajt xi dmija. Eventwalment dan waqaf u jien u s-sieħeb tiegħi stajna ngawdu s-sess mingħajr ma’ użajna kondom għall-ewwel darba fit-8 snin tar-relazzjoni tagħna.

Ħassna tajjeb ħafna u gawdejna l-xulxin sew! Bħala mara ħassni libera, ma kontx ninkwieta li nista’ ninqabad tqila u ħassni li nista nirrilassa – din kienet ħaġa li qatt ma esperjenzajt meta kont nieħu l-‘pill’. Dejjem kien hemm il-biża’ tat-tqala fuq moħħi u għalhekk dejjem kont ninsisti li s-sieħba tiegħi jilbsu l-kondoms.

Ftit xhur wara esperjenzajt dmija li ħsibtu li kien menstrwazzjoni qawwi. Kont qed ngħaddi minn ftit stress fuq ix-xogħol, u b’hekk ħsibtu li kien xi effett tal-istress, u ma ħsibtx aktar fuqha.

Ovjament wara ġimgħa dan il-period waqaf u l-ħajja tagħna kompliet normali…

Sakemm bdejt inħossni mdardra u l-ħin kollu bil-ġuħ. Din kienet xi ħaġa stramba u ħsibt li forsi kienet xi ‘tummy bug’, imbagħad għaddieli l-ħsieb li forsi kont tqila, imma kif jista’ jkun jekk kelli l- Mirena ‘coil’? Għalhekk tfajt il-ħsieb fil-ġenb u waqaft ninkwieta.

Madankollu ftit wara beda juġgħani sidri u għalhekk bdejt naħseb biex nagħmel test tat-tqala biex inkun ċerta li ma kontx tqila, għax kif seta’ jkun? Żgur li le, żgur li kont qed nimmaġina. Iżda mbagħad erġajt fittixt dwar il-‘coil’ u rrealizzajt li l-‘coils’ tal-Mirena jistgħu jaqgħu u f’ dak il-każ il-mara tista tinqabad tqila mingħajr ma tirrealizza. Ixxukkjajt ruħi b’ dak li kont qrajt!

Kif il-gynae tiegħi ma kienx qalli b’din il-possibilita’? Kif ħadd ma qalli biex niċċekkja l-ħajt tal-Mirena regolarment biex inkun ċerta li tkun għadha f’postha? Kif ħadd ma wissieni li jekk jerġa’ jibda jkolli l-menstrwazzjoni wara żmien mingħajhrom, kelli l-possibilita’ li l-Mirena tkun waqgħet? Kif ma kontx mogħtija ktejjeb bl-informazzjoni neċessarja biex inkun naf dwar xiex għandi noqgħod attenta biex ma ninqabadx tqila mingħajr ma nkun naf?

Ħassejtni vera rrabjata għax f’ħajti kollha dejjem kont qgħadt attenta, u issa ta’ 43 sena għamilt il-Mirena biex tipproteġini mit-tqala u jista’ jkun li kont tqila! Jien favur il-ħajja! Ma naqbilx mal-abort! Huwa l-kontra ta’ dak kollu li nemmen fih… x’se nagħmel jekk veru tqila?

Għamilt test tat-tqala l-għada filgħodu u ġie pożittiv. Ma waqaftx nibki, u s-sieħeb tiegħi qalli li kollox kien se jkun orrajt. ‘Ma ġara xejn, ħa jkollna tarbija’. Appoġġjani ħafna, imma jien ma ridtx tarbija ta 43 sena. Kont imbeżża’ għall-benesseri u għas-saħħa mentali tiegħi. Ma ridtx nirriskja l-ħajja ferħana li fl-aħħar kont ksibt, u x-xogħol li kont għal qalbi bih, u l-inkwiet li jkolli tifel jew tifla b’xi bżonnijiet speċjali kien jinkwetani, għax ta’ 43 sena r-riskju ta’ anomaliji fetali huma ħafna akbar.  Ma stajtx naċċetta li jkolli t-tfal ta 43 sena.

Il-kumplament ta’ din l-esperjenza huwa l-vjaġġ personali tiegħi, u l-għażla personali li ħadt bis-sapport tas-sieħeb tiegħi. Imma qed naqsam din l-esperjenza hawn biex inkun ċerta li kull min għandu l-Mirena jkun jaf li din tista’ tiċċaqlaq, tista’ taqa’ u tista’ tinqabad tqila biha.

Iċċekkja l-ħajt regolarment u jekk f’daqqa waħda tibda tara d-dmija li ma kontx tara qabel, mur għand il-gynae mall-ewwel biex tara x’ikun qed jiġri. Tagħtix ċans – tista faċilment tinqabad tqila!


Share the love