Share the love

ħsieb kritiku

Riċentament l-istudji u l-artikli jissuġġerixxu li aħna qisna qed ngħixu fi ‘kriżi tal-verita’’. Kemm jekk esaġerazzjoni u kemm jekk le, qed issir evidenti li l-ħsieb kritiku huwa kapaċita’ li għandna niżviluppaw u niffukaw fuqu bla dubju, sabiex ngħixu u nirnexxu f’era kumplessa u mħawda bħal din li ninsabu fiha.

Ħafna drabi nużaw l-emozzjonijiet tagħna fl-attitudnijiet tagħna, imma, bħal ma tgħid ukoll il-‘World Economic Forum’, hemm mod aktar effiċjenti w’ effettiv biex nitrattaw l-ammonti kbar t’informazzjoni li rridu nipproċessaw kuljum u d-deċiżjonijiet li għandna naffaċċjaw.

Albert Einstein darba qal “il-moħħ li jinfetaħ għal idea ġdida qatt ma jirritorna għad-dimensjoni ta’ qabel”. Dan kif? Kif nistgħu noħolqu spazju għal ideat ġodda?

Riċentament, il-fakulta’ tal-psikoloġija.fl-Universita’ ta’ Cambridge ppubblikat studju ġdid u ddemostrat li l-ħsieb kritiku jista’ jiġi mħarreġ biex il-persuna tiżviluppa l-abbilta’ li ssolvi l-problemi b’mod aktar kreattiv, awtonomu u effettiv biex jiġi anqas suxxettibbli għall-manipulazzjoni mir– reklamar u l-politika.

Ir-riċerka tissuġġerixxi li ħadd ma jitwieled bit-tagħrif ta’ kif japplika l-ħsieb kritiku f’kuntest speċifiku, filwaqt li jista’ jkun hemm ċerta predispożizzjoni, aħna nistgħu niżviluppaw u nżidu l-ħsieb kritiku.

Din l-abbilta’ hija mgħallma u assimilata, u hija mibdula skond il-personalita’, il-bżonnijiet u l-esperjenzi, iżda hija essenzjali li nifhmu li dan huwa proċess kontinwu u nistgħu biss nirnexxu jekk nibqgħu iffukati fuq l-oġġettiva u nibqgħu nisfidaw lilna nfusna.

Mela, fuq xiex għandna nikkonċentraw biex nibnu l-bażi għall-ħsieb kritiku?

1. Tiqafx wara l-ewwel għażla

Jekk jgħidulna li għada se tispiċċa d-dinja, x’nagħmlu? Probabbli 60% tal-populazzjoni tibda tfittex ‘bunker’ għar-refuġjar immedjatament. 20% jagħmlu kull ħaġa possibbli biex isibu alternattiva jew strateġija biex jevitaw li jaslu għal din l-apokalissi allegata. L-aħħar 20% tkun magħmula minn xettiċi li qabel ma jieħdu azzjoni, jippruvaw jsibu tweġibiet u jsaqsu lilhom infushom u lil dawk ta’ madwarhom: “Veru se sseħħ l-aħħar tad-dinja? Min qed jgħid hekk?”

Xettiċiżmu san, intelliġenti u ta’ ħila huwa bla dubju l-ewwel ‘filter’ utli għal xi aħbar, opinjonijiet, dikjarazzjonijiet jew kummenti li nisimgħu ta’ kuljum.

2. Kun proattiv mhux reattiv

Ħafna minna normalment nirreaġixxu għal xi avveniment.

Dawk li jemmnu li l-ħsieb kritiku jista’ jiġi mħarreġ, jirrakkommandaw li minflok nesperjenzaw il-bidliet li jiġru madwarna mingħajr ma nintervjenu, aħna stess għandna nippromwovu l-bidla.

Skond ir-riċerkaturi, aħna għandna nfittxu sfidi li nitgħallmu minnhom billi nagħmlu użu minn riżorsi ġodda, noħolqu għanijiet ġodda għalina nfusna u naħdmu kuljum biex nilħquhom.

Il-ħsieb kritiku huwa forza psikoloġika li tgħinna naġixxu b’responsabbilta’ u ħsieb. Minflok nieħdu l-affarijiet b’mod ħafif jew naħdmu żżejjed f’każ ta’ sitwazzjoni diffiċli jew kumplessa, il-ħsieb kritiku jgħinna niżviluppaw attitudni ġdida, aktar kostruttiva, iffukata, xierqa u anke inġenjuża.

3. Nikkunsidraw il-perspettivi

Fis-soċjeta’ tagħna, riflessjoni b’mod eċċessiva hija komuni. Ħaġa tista’ tkun tajba kif ukoll ħażina. Persuna jew taqbel mal-valuri tagħna jew ma tibqax ħbieb magħna.

Il-ħsieb kritiku huwa mod kif bih tista’ tegħleb il-pressjoni li dawn il-ħsibijiet eċċessivi joħolqu madwarna għaliex huwa bbażat fuq l-abbilta’ li tagħti kas – u tieħu gost – tisma punti ta’ perspettivi differenti. Li niftħu lilna nfusna b’kurżita’ għall-varjeta’ kbira ta’ għażliet, fatturi, aspettattivi u dettalji li nsibu madwar ix-xenarju tagħna, ittina valur akbar.

4. Jekk jogħġbok aktar sens umoristiku!

Is-sens umoristiku jimxi id f’id mal-intelliġenza. L-abbilta’ li tidħak bik innifsek, li tagħraf issib post qawwi fiċ-ċpar, li tilgħab bir-realtà biex terġa tlaħħaq magħha u tbiddilha b’mod grazzjuż u oriġinali huma kollha rigali prezzjużi.

Il-ħsieb kritiku huwa għodda li tħallik tiżviluppa perspettiva tal-ħajja aktar reali, ċara –u f’xi żminijiet, eħfef. Ma ninqabdux fil-frustrazzjoni, nervi jew dak in-nuqqas ta’ ftehim mingħajr mod kif noħorġu minnu, imma jkollna l-kapaċita’ li naraw x’hemm fil-fond u niffukaw fuq dak li għandna bżonn inħaddnu fil-vjaġġ tagħna.

5. Għarfien ta’ distorsjonijiet konjittivi

Li nkunu vittmi tad-distorsjonijiet konjittivi bħan-negattivita’, ġeneralizzazzjoni, l-użu tat-tikketti, l-approċċ polarizzat jew l-attenzjoni selettiva li jġagħlna naraw biss dak li rridu, jillimitalna kompletament il-ħsieb kritiku tagħna. Irridu nsiru konxji ta’ dawn ir-riżorsi irrazzjonali li huma verament komuni f’moħħna.

Dawn li huma msemmija hawn fuq ovjament ma jiffurmawx lista eżawrenti ta’ taħriġ ta’ moħħna biex naħsbu b’mod kritiku, imma jagħtuna xi passi faċli biex nibdew nimxu lejn dan l-approċċ.

Fi ftit kliem, il-ħsieb kritiku huwa l-isforz li nistgħu nagħmlu b’mod konxju  biex inwessgħu l-orizzonti tagħna. Apparti dan ma nistgħux ninsew li jekk aħna rridu nħaddnu din il-bidla, għandna nikkritikaw lilna nfusna qabel ma naħsbu biex nikkritikaw lil ħaddieħor.


Share the love

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *