Ftit ġimgħat ilu rċevejt dal-messaġġ mingħand kollega u ħabiba tiegħi, messaġġ dwar is-suġġett tad-diversita’ sesswali, tipi ta’ relazzjonijiet differenti u l-identita’ tal-ġeneru:
“Qed ninnota li t-tfajliet f’dawn l-aħħar snin donnhom qed ibagħtu biex jifhmu s-sesswalita’ tagħhom: jekk humiex eterosesswali, omosesswali, bisesswali, asesswali, pansesswali jew demisesswali…termini li personalment qatt ma kont nisma’ u qatt ma kont naf dwarhom meta kont f’żogħżiti. Xi kultant naħseb li forsi l-edukazzjoni sesswali li t-‘teenagers’ qed jingħataw l-iskola tista’ tkun qed iżżid l-istress fuqhom għax iħossu bżonn li jikkonformaw ma xi tip ta’ sesswalita’. Binti taf fiċ-ċert li jien naċċettaha u nkun hemm għaliha, hi x’inhi l-identita’ sesswali tagħha, iżda ilha sa minn meta kienet fis-snin bikrin ta’ l-edukazzjoni sekondarja tagħha thewden u tħoss il-bżonn li tikkonforma jew tagħti lilha nfisha tikketta t’identita’. Din il-ħaġa tinnutaha hi stess fi sħabha tamparha wkoll”.
L-identita’ tal-ġeneru u s-sesswalita’ kienu suġġetti meqjusa pjuttost strutturati u binarji sa ftit tas-snin ilu. Stajt tkun ‘gay’ jew ‘straight’, mara jew raġel. Konna nassumu li l-ġeneru huwa dipendenti fuq l-organi ġenitali esterni li nitwieldu bihom. Apparti minn hekk konna nemmnu wkoll li persuna titwieled ‘straight’ jew ‘gay’, u l-ideal kien li jkollok relazzjoni monogama u fit-tul. Sitwazzjonijiet differenti minn dawn in-‘normi’ bħal li tibqa’ ‘single’, li tkun trans jew f’relazzjoni mhux monogama kienu meqjusa mhux ideali u kultant saħansitra problematiċi.
Tul dawn l-aħħar għaxar snin, ir-riċerka dwar is-sessoloġija u l-mediċina sesswali urietna li l-ġeneru u l-orjentazzjoni sesswali mhumiex riġidi iżda huma pjuttost fluwidi, kontinwi u mhux binarji.
Il-‘Genderbread Person’ huwa mod li bih tista’ faċilment tifhem id-diversita’ sesswali, l-espressjoni sesswali, is-sess bijoloġiku u l-orjentazzjoni sesswali. Riċentament dan il-mudell beda wkoll jinkludi d-diversita’ fir-relazzjonijiet.
Għalkemm dan huwa mudell pjuttost inklussiv, xorta waħda jista’ jitqies xi ftit binarju fid-deskrizzjoni tiegħu, u għalhekk mudelli ġodda ġew introdotti bħala parti mill-edukazzjoni sesswali fl-iskejjel. Il-‘Gender Unicorn’ huwa wieħed minn dawn il-mudelli:
F’dawn l-aħħar snin, studji ppontaw lejn komplessita’ ġdida relatata mad-diversita’ sesswali, tal-ġeneru u r-relazzjonijiet. Dawn issuġġerew li biex nifhmu l-identita’ tal-ġeneru u l-orjentazzjoni sesswali għandna bżonn inħarsu lejn dak li sejħulu ‘intersezzjonalita’ t’identitajiet. Dan jiftaħ stampa aktar ċara li tinkludi wkoll il-kultura, ir-razza, il-klassi soċjali, l-etniċita’, ir-reliġjon, il-familja, u l-abbilta’ mentali u fiżika. Il-problema hija li dan joħloq kumplessita’ fil-proċess li bih nipprovaw nifhmu min aħna u x’jogħġobna.
Kif nistgħu ngħinu l-uliedna biex jiskopru l-identita’ tagħhom?
Ħobbhom u aċċettahom kif inhuma:
Mhux faċli għal uliedna biex jitkellmu dwar l-identita’ tagħhom mal-familja u l-ħbieb, u xi kultant din il-ħaġa tista’ tkun sitwazzjoni emozzjonali u diffiċli ferm. Irridu nuru lill-uliedna li ħa naċċettawhom u nħobbuhom, huma min huma, u li aħna nteressati u nixtiequ nitgħallmu aktar dwar l-identita’ sesswali tagħhom.
Tiffukax fuq problemi u tħassib żejjed:
Bħala ġenituri għandna bżonn nifhmu li din il-konverżazzjoni mhijiex dwarna. Jekk inkunu nkwetati dwar ‘bullying’ jew diskriminazzjoni assoċjata m’uliedna minħabba l-identita’ jew l-orjentazzjoni sesswali tagħhom, għandna nsibu l-kuraġġ biex nittrattaw problemi simili jekk jitfaċċaw.
Ipprepara ruħek:
Jista’ jkun li forsi diġa’ għandek ħsieb li ibnek jew bintek ‘gay’, bisesswali jew transesswali. Ipprepara ruħek. Hawn ħafna riżorsi onlajn li jistgħu jgħinuk tifhem aktar dwar is-suġġett. Hawn ukoll numru ta’ għaqdiet mhux governattivi li huma lesti jgħinu u joffru s-sapport tagħhom matul dal-proċess.
https://www.gaymalta.com/aboutus
Għandek xi esperjenza li tixtieq taqsam magħna rigward id-diversita’ sesswali? Ikkuntattjana jew ibgħatilna imejl fuq [email protected]
Anna Catania (MCouns PG Dip fit-Terapija dwar il-Psikosesswalita’ u r-Relazzjonijiet. Anna hija ‘counsellor’ specjalizzata fuq is-sesswalita’ u r-relazzjonijiet. Hija tipprovdi pariri lill-individwi u koppji li qed jesperjenzaw problemi bis-sesswalita’, relazzjonijiet u intimita’.
Għal aktar informazzjoni dwar Anna kif ukoll lista ta’ artikli miktuba minnha fuq Wham agħfas hawn