Share the love

kurrikulu emerġenti

Il-kurrikulu emerġenti huwa approġġ ta’ tagħlim organiku li jgħin fl-iżvilupp ta’ tfal ċkejknin.  Dan l-approġġ, li hu relattivament ġdid u li qiegħed jikber u jevolvi kontinwament, qiegħed jiġi ntrodott mill-għalliema fl-istadji bikrin tat-tfulija.

Il-kurrikulu emerġenti jġib il-quddiem il-kollaborazzjoni bejn it-tfal u l-edukaturi, billi jagħtihom vuċi. L-għalliema jiġu mħeġġa jibnu fuq dak li jogħġob lit-tfal u dak li jinteressahom u b’hekk ikabbar fihom ir-rispons. F’dan il-kuntest, l-edukatur jassumi wkoll irwol li bih jiffaċilita l-integrazzjoni, josserva dak li jkun qed jiġri, u jagħti lit-tfal iż-żmien biex jiskopru, jfittxu fil-fond u jkabbru l-kostruzzjoni tat-tagħrif billi jippjanaw l-attivitajiet tagħhom fuq bażi ta’ dak li jinteressa jew dak ukoll li jinkwieta lit-tfal. Dan iqanqal fihom domandi ġenwini li bihom sew it-tfal kif ukoll l-edukaturi jitgħallmu flimkien, u jipprovaw jifhmu aspetti differenti tal-ħajja. Il-proġetti magħmula fl-iskola qatt ma jkunu maħsuba minn qabel, imma jiġu żviluppati b’kollaborazzjoni flimkien mat-tfal.

Benefiċċji Relatati Mal-Kurrikulu Emerġenti

  • Jagħti leħen lit-tfal
  • Jagħti lit-tfal kontroll fuq fejn iridu jaslu
  • Jagħtihom il-qawwa biex jaslu fejn jixtiequ
  • Jagħtihom il-fiduċja
  • Jgħallimhom il-kunċett tal-kollaborazzjoni
  • Jesplora il-ħsibijiet tat-tfal fil-kuntest soċjali
  • Joħloq involviment intellettwali sinifikanti
  • Ikabbar fit-tfal ħiliet kreattivi
  • Ikabbar l-osservazzjoni fit-tfal
  • Jipprovdi risposta dwar dak li jinteressa t-tfal
  • Jgħaqqad it-tagħlim ġdid mat-tagħlim diġa’ miksub u l-esperjenzi passati tal-ħajja
  • Jipprovdi minn eta’ bikrija l-promozzjoni tal-kritika u r-riflessjoni personali

Kif tista’ tħaddan il-kurrikulu emerġenti fid-dar flimkien m’uliedek?

Youtuber partikulari magħrufa ħafna li ili nsegwi għal dawn l-aħħar sentejn, addottat l-approġġ għall-kurrikulu emerġenti fid-dar flimkien ma’ binha ta’ sentejn.  It-tifel tagħha wera nteress f’ħafna tipi ta’ vetturi, għalhekk ommu ddeċidiet li tipprovdilu varjeta’ sħiħa ta’ ġugarelli vetturi u għallmitu kanzunetti li għandhom x’jaqsmu mas-suġġett. Ħaditu f’postijiet fejn seta’ jara l-vetturi favoriti tiegħu. Barra minn dan ġie mogħti ħafna attivitajiet dwar iz-zona ta’ nteress li kien qed juri. Fi ftit kliem ladarba beda juri nteress, ommu bdiet toħloqlu esperjenzi differenti sabiex tgħinu jibni l-għarfien tiegħu – kien qed isegwi l-kurrikulu emerġenti bla ma jaf.

Ommu kienet ukoll flessibbli fl-appoġġ tagħha bħal meta beda juri nteress f’tip ta’ trakk partikulari, baqgħet tiffoka l-aktar fuqu sakemm it-tifel beda juri nteress fuq tip ieħor ta’ vettura. Aktar minn hekk kien ċar li kienet qed tisma’ u tosserva lil binha kif ukoll tirrifletti fuq liema zoni tkun tista tiżviluppa aktar fuqhom u dwar kif din l-esperjenza tkun tista’ tiġi estiża.

Biex twettaq il-kurrikulu emerġenti fid-dar tiegħek m’uliedek tista’ tibda billi tosserva dak li jħobbu u jinteressahom, imbagħad toħloqilhom esperjenzi ‘nnovattivi li jferrħuhom sabiex tkabbrilhom l-għarfien li diġa’ kisbu.

Is-sajf li għadda kelli l-opportunita’ li nieħu ħsieb iż-żewġ ħuti bniet għal numru ta’ ġranet.  Mill-għarfien li ġbart waqt li kont qed insegwi l-ewwel sena tal-kors Universitarju għal Degree fl-Edukazzjoni u Kura għat-Tfal Żgħar, iddeċidejt li napplika l-kurrikulu emerġenti fil-preparazzjoni tal-attivitajiet tiegħi. Bdejt noħloq attivitajiet dwar is-suġġett li kien jinteressa lil oħti l-aktar f’dak il-perjodu – speċifikament Elsa mill-film “Frozen” u Oh mill-film “Home”.  Spiċċajna noħolqu ‘flixkun tas-silg’  bl-użu ta’ ilma, food colouring, ġmiemel, kwiekeb differenti, eċċetra. Ħloqna żewġ karattri daqs persuna minn kaxxi kbar tal-kartun, sajjarna ‘gallettini ta’ Elsa’, kejk ta’ Olaf, u għamilna ħafna attivitajiet oħra.  Meta ikkonċentrajna fuq Oh, oħti bdiet turi nteress f’dak li sejħet bħala l-karozza Slush, għalhekk inkludejt attivita’ fejn ħloqna din il-karozza billi użajna kaxxa kbira tal-kartun u materjal riċiklat ieħor. Aktar tard bdiet turi nteress fil-film “Inside Out” , għalhekk l-attivitajiet sussegwenti li ħloqt kienu ispirati mill-karattri tal-film imsemmi.

Minħabba li s-sħana tas-Sajf bdiet tagħmel tagħha, oħti ż-żgħira tħajret għal-“logħob bl-ilma” u minħabba li qatt ma konna organizzajna xi ħaġa simili qabel, għamilt mill-aħjar biex noħloq xalata bl-ilma fuq il-bejt tad-dar. Il-logħob bl-ilma li organizzajt kien immexxi minn ħuti stess, kif semmejt aktar qabel, minħabba li din hija l-karatteristika ewlenija tal-kurrikulu emerġenti.  Ix-xogħol tal-idejn li kkreat oħti kien imqiegħed fejn seta’ jiġi ammirat minn kull membru tal-familja, biex b’hekk tkun tista’ taħseb u tirrifletti fuq dak li kienet għamlet, kif ukoll biex tevalwa kif tkun tista’ tagħmlu aħjar darb’oħra. B’hekk tkun qed ixxettel il-kritika tal-ħsieb.

Issa li għaddiet sena, ommi wkoll qed tapplika m’oħti l-kurrikulu emerġenti billi tħalliha tkun kreattiva bil-mod kif tixtieq hi.  Dan ifisser li jekk oħti trid tpinġi s-sema vjola, issib min itiha nkoraġġiment u appoġġ.  U waqt il-pandemija, ommi għażlet li żżomm lill-oħti home-schooled minħabba raġunijiet ta’ saħħa u vulnerabbilta’, u hemm stajt ninnota aktar kemm bdiet tinkorpora l-logħob waqt li kienet tgħallimha.  Oħti mhux biss kienet tkun eċitata li qegħda titgħallem mid-dar iżda wkoll bdiet turi titjib sostanzjali fil-livell edukattiv tagħha.

Bla dubju mhux ħaġa faċli li tibdel metodu ta’ tagħlim ma’ ieħor.  Tista tinħass iebsa u pjuttost stramba li tħalli lit-tfal ipinġu s-sema b’kulur li mhux blu, jew il-ħaxix b’kulur differenti minn aħdar. Imma hekk kif tipprova dan l-approġġ, tibda tinnota li mhux biss tkun qed tagħti s-setgħa lill-ulied biex jiksbu kuraġġ intellettwali u kunfidenza fit-tnissil ta’ ħajja produttiva u ta’ valur, imma tibda wkoll tara l-uliedek jikbru u jimbidlu fi bnedmin kunfidenti u kreattivi.

Referenzi

Ludman, E. K. (1983). The Emergent Curriculum.10.4135/9781483340333.n141

Stacey, S. (2008). Emergent Curriculum in Early Childhood Settings: From Theory to Practice. Redleaf Press.

Wien, C. A. (2015). Emergent Curriculum in the Primary Classroom: Interpreting the Reggio Approach in Schools. Teachers College Press.


Share the love