Il-Vjaġġ Matern Tiegħi Lejn Ġenn Tal-Moħħ Temporanju
Qatt ma kont smajt dwar il-possibilta’ ta’ psikożi wara t-twelid tat-tarbija (post-partum psychosis), sakemm din ipprovat tkissirli ħajti.
L-ewwel tarbija tiegħi twieldet permezz ta’ ċesarja urġenti wara ħafna ħin fil-ħlas. Nemmen li l-esperjenzi li għaddejt minnhom fl-ewwel ftit xhur wara l-ħlas komplew jiggravawli s-saħħa mentali tiegħi, li eventwalment inbidlet f’psikożi severa tmien xhur wara.
Ibni ddaħħal l-isptar tlett darbiet f’dawk l-ewwel ftit xhur ta’ ħajtu; il-fatt li kelli nieqaf inredda’ t-tarbija tiegħi wara li rritornajt lura x-xogħol ‘full time’ ma għenix, speċjalment għax ma kontx tlabt l-għajnuna għad-dipressjoni u l-ansjeta’ li kont diġa’ qed nesperjenza.
B’dawn il-problemi kollha bdejt inħossni qed nitlef moħħi. Il-ħajja kienet saret diffiċli iktar milli kont niflaħ. Kont spiċċajt donni xi robot bir-‘remote control’. Ħajti kienet saret tellieqa. Bdejt nimxi u nitkellem bl-għaġġla. F’moħħi kien hemm ħsibijiet jiġru kontinwament, u kont qed ngħix daqs li kieku ż-żmien kien qed itir litteralment, u l-kunċett ta’ ħin għalija kien inbidel totalment.
Biex inlaħħaq ma kollox iddeċidejt li ma norqodx aktar, wara kollox, l-irqad għalija kien sar ħela ta’ ħin speċjalment meta kont naf kemm kelli affarijiet xi nlesti w’nipprepara! U għalhekk, hekk kif ir-raġel u ibni kienu jorqdu, jien kont noħroġ mill-kamra nkiss inkiss u nibda l-faċendi – fis-2am jew it-3am. Ħadd ma kien qed jirrealizza.
Minn hemm kollox inbidel bħal leħħa ta’ berqa – fi tmiem il-ġimgħa.
Ir-raġel irritorna d-dar il-Ġimgħa filgħaxija. Bdejt inħares lejh b’suspett kbir. Ma tkellimtx, imma moħħi kien inbidel f’riħ qawwi ta’ ħsibijiet mudlama.
Għaliex hawn il-kameras tas-sigurta’ installati f’darna? Għaliex kulħadd qed iħares lejja? Kemm nixtieq insuq lejn post il-bogħod minn hawn! Imma x’jiġri jekk ikun hemm bomba mpjantata taħt il-karozza tiegħi? Dawn l-irġiel libsin l-iswed kapaċi għal kollox u jriduni mejta. Ittawwalt lill-ibni. Twerwirt xħin rajtu mgħotti minn rasu sa saqajh bil-lożor. Qed jieħu nifs? Għadu ħaj? Akkużajt lill-żewġi għal dan. Żgur li din kienet xi konfoffa kontrija. Ninsab ċerta li qed jippjana l-qtil tiegħi, biex jeħles minni minnufiħ.
Filgħodu, wara lejl ieħor imqajma, kellimt lir-raġel t’oħti dwar il-problemi li kellna fuq ix-xogħol. Għedtlu dwar kif ħafna kienu qed jitilfu xogħolhom, dwar l-‘audits’, għedtlu li l-gvern kien hemm biex joħodli l-‘warrant’, xogħoli u t-tarbija tiegħi. Is-‘social services’ kienu se jiġu u jieħdu l-ibni għall-addozzjoni. Ir-raġel t’oħti sema dan kollu bil-paċenzja kollha u qalli li ma kontx qed nagħmel sens bi kliemi.
Dak il-lejl imteddejt fis-sodda u bdejt nistenna lil kulħadd jorqod, biex imbagħad qomt nikteb ittra lill-oħti. Skużajt ruħi għal dak li kont sirt. Ibni ma kienx jixraqlu jkollu lili bħala ommu, ma kont għadni niswa xejn. Kulħadd kien ikun aħjar mingħajri. Inħossni nistħi u ħatja ta’ kollox. Jekk immut dan kollu kien se jispiċċa u kulħadd kien ikun kuntent. Evidentement kont qed nippjana t-tmiem ta’ ħajti.
Il-Ħadd kien Jum l-Omm. Ironikament kien l-ewwel wieħed għalija. Ma kien fadalli l-ebda enerġija fija. Kont ili ma norqod u niekol ġranet sħaħ. Ħassejtni litteralment marida fiżikament. Ommi ħaditni fis-sodda. Ma stajtx norqod għax bdejt nisma’ l-ħelikopters iduru fuqna. Kienu ġejjin għalija; kważi waslu. Kemm nixtieq immut issa! Ma fadallix ċans naħrab!
Aktar tard ommi ħaditni mixja fil-lokal tagħna.
Ħarist lura u rajthom. L-irġiel libsin l-iswed kienu qed isegwuni fil-Mercedes is-sewda tagħhom. Qed jitbissmuli biex jgħadduni biż-żmien. Is-sinjali u l-billboards kollha fit-triq kienu kollha kemm huma qed jindirizzaw lili.
Filgħaxija ommi ħaditni ċ-ċentru tas-saħħa tal-lokal tagħna. L-infermiera preżenti kienu wkoll parti mill-komplotta kontrija. Ġagħluni nieħu pilloli biex norqod. Żgur se joqtluni! Ma rridx immut, għadni żgħira wisq biex immut! Ġejt referuta fl-outpatients’ għall-għada, it-Tnejn.
L-isptar l-istaff baqgħu skantati kif rawni f’dak l-istat. Kont inżilt għal ‘size 6′. Bilkemm niftakar x’ġara dakinhar. Naf żgur li żammewni f’sala tal-maternita’. Id-delużjonijiet u l-alluċinazzjonijiet komplew. Kienu qed jitkellmu dwari. Tant ħassejtni bla saħħa li ma flaħtx nagħti każ. Kien hemm il-kameras jirrekordjawni kontinwament. Żgur kienu se jorbtuni ħalli ma nkunx nista’ niċċaqlaq. ‘Carer’ minnhom ħarset lejja b’ħarsa ta’ ħniena; oħra ġiet poġġiet maġembi. Kellhom joqogħdu għassa tiegħi 24/7. Imbagħad marret għajni bija u rqadt raqda fil-fond.
Matul il-ġimgħatejn li kont l-isptar bdejt ningħata trattament. Ħassejtni fortunata ħafna li kemm it-tarbija tiegħi kif ukoll ommi ingħataw permess biex jibqgħu miegħi għall-ewwel ftit iljieli.
Dan kien vjaġġ li għadni ma nafx sa fejn se jwassal; Jista’ jkun li se jkolli nibqa’ nieħu l-pilloli kull tant żmien, min jaf? It-terapija kienet t’għajnuna wkoll matul din il-mixja twila ta’ fejqan.
Bħala rappreżentanta tas-servizz użat minni tal-Parent-Infant Mental Health Alliance, nittama li noħloq għarfien dwar dawn il-kundizzjonijiet. L-importanza tal-‘Mother and Baby Unit’ (MBU) hija kbira u kruċjali, għax dawn joffru għajnuna speċjalizzata u multi-dixxiplinarja kemm għall-omm kif ukoll għat-tarbija, minflok kura ġenerika f’ sala psikjatrika. L-MBU huwa meqjuż bħala l-aqwa prattika minħabba li jenfasizza l-importanza tar-relazzjoni ta’ bejn il-ġenitur u t-tarbija, waqt li jtejjeb is-saħħa ħolistika tal-familja kollha.
Naħseb wasal iż-żmien li pajjiżna jibda’ jaħsibha bis-serjeta’ biex jinvesti f’ ‘Unit’ bħal dan. L-ispiża ekonomika u soċjali tal-‘perinatal mental health illnesses’ hija wisq kbira biex tintesa’ u titwarrab mingħajr ma tingħata l-importanza li jixraqilha.
Jien kelli storja x’nirrakkonta. Ħassejt li għandi naċċettaha biex b’hekk inħalli warajja wieħed mill-aktar episodji disturbanti li kelli f’ħajti. Mhux kull omm tiġi trattata għal kundizzjonijiet psikjatriċi ta’ wara l-ħlas. M’għandekx tbati waħdek speċjalment f’dawn iż-żminijiet mifnija b’iżolament żejjed. Kieku ma kienx għall-familja tiegħi u l-istaff inkredibbli ta’ Mater Dei, x’aktarx li ma kontx inkun hawn illum nirrakkonta din il-ġrajja. Iftaħ qalbek, iżżommx fik. Ma tkunx qed issalva biss lilek innifsek, iżda wkoll lill-familja tiegħek. Bl-għajnuna tista’ terġa tkun dak li kont.
Il-‘Perinatal Mental Health Clinic’ jista’ jiġi kkuntattjat fuq 25457410 jew 79701767.
Jekk għandek storja li tixtieq taqsam mal-qarrejja tagħna, ibgħatilna imejl fuq [email protected]. Il-kunfidenzjalita’ tiegħek hija garantita.