Share the love

għaliex qed jaqagħli xagħri

“Għaliex qed jaqagħli xagħri?” – Nokkli jew lixx, twil jew qasir, bjonda jew brunette, xagħrna huwa parti mill-identita’ tagħna, u mhux mument sabiħ meta tibda tara li qed titlef xagħrek jew li qed jirqaq. Hemm ħafna raġunijiet għala jaqa’ x-xagħar u ħafna drabi hemm modi li bihom tista’ titratta dil-problema. Għalkemm tajjeb ngħidu li huwa aċċettabbli wkoll li tagħżel li tħallih kif inhu.

“Għaliex qed jaqagħli xagħri?”

Ix-xagħar jgħaddi minn tlett fażijiet ewlenin: il-fażi tat-tkabbir (li tieħu 3-5 snin), il-fażi intermedjarja (tul ta’ ġimgħatejn) u l-fażi tat-twaqqigħ. F’ċirkustanzi normali nitilfu madwar 50 sa 100 xagħra kuljum. Il-folliċi tax-xagħar jistgħu ikunu fi kwalunkwe fażi mit-tlett fażijiet imsemmija, imma l-maġġoranza tagħhom ikunu fil-fażi tat-tkabbir. Meta dawn il-folliċi jeqilbu fil-fażi intermedjarja jew dik ta’ twaqqigħ tibda’ tinnota żieda fit-telf ta’ xagħar.

Tipi differenti ta’ telf ta’ xagħar

Dawn jinkludu:

  • Irqajja fir-ras bla xagħar.
  • F’dawn l-irqajja jista’ jkun hemm ftit xagħar debboli jew xejn.
  • Daħla l-ġewwa fejn jibda’ x-xagħar ‘il fuq mill-moħħ
  • Telf ta’ xagħar fil-qurriegħa
  • Irquqija tax-xagħar

Kawżi mediċi

Jekk itlef ammont ta’ xagħar f’daqqa tajjeb li tieħu azzjoni minnufih. Tista’ tinduna b’dan jekk tinnota ċapep ta’ xagħar fix-xawer, jew ammont ta’ xagħar fuq l-imħadda. Dawn jistgħu ikunu sintomi ta’ kundizzjonijiet oħra. Dan it-tip ta’ telf ta’ xagħar jissejjaħ telogen effluvium.

Xi wħud mill-kawżi huma dawn:

  • bidla fit-tirojde (thyroid gland)
  • kundizzjonijiet immunoloġiċi bħall-lupus
  • nuqqas ta’ ċertu vitamini jew minerali
  • tibdil fl-ormoni bħal wara l-ħlas jew fil-menopawsa
  • sitwazzjonijiet stressanti bħal mewt ta’ xi ħadd li tħobb jew involviment f’xi aċċident
  • telf ta’ piż f’daqqa jew dieti estremi

Kawżi oħrajn jinkludu ħżież, ekżema, dijabete u wara trattamenti bil-kimoterapija.

It-tabib tiegħek jista’ jordnalek xi testijiet biex jara hux kollox huwa kif suppost. Hekk kif il-kundizzjoni li tkun qed tikkawżalek telf ta’ xagħar tiġi magħrufa u trattata, x’aktarx li terġa tibda tesperjenza tkabbir fid-densita’ ta’ xagħrek.

Partijiet bla xagħar

Dan huwa l-aktar tip komuni ta’ telf ta’ xagħar u ħafna rġiel huma suxxettibbli għal dan. Mill-banda l-oħra, il-maġġoranza tan-nisa jesperjenzaw biss irquqija tax-xagħar, u filfatt, telf kompletament ta’ xagħar huwa rari ħafna.

Sintomi ta’ dan it-tip ta’ telf ta’ xagħar jibdew jiġu nnutati gradwalment tul is-snin u jinkludu:

  • ċarezza fil-kulur tax-xagħar u irquqija
  • l-irġiel jesperjenzaw bħal daħla tat-tarf tax-xagħar fuq quddiem
  • Irquqija tax-xagħar
  • Telf ta’ xagħar fil-qurriegħa

Xi rġiel jibdew juru sinjali ta’ ‘pattern baldness’ fit-‘teen years’, sakemm nofs l-irġiel fl-eta ta’ 50 sena jkollhom dan it-tip ta’ telf ta’ xagħar. Huwa biss terz tan-nisa kollha ‘l fuq minn 70 sena li juru xi ftit sinjali, bl-aktar komuni jkun irquqija tax-xagħar.

Is-saħħa mentali u t-telf ta’ xagħar

Xi wħud ma jaffettwahomx il-fatt li jkunu qed jitilfu xagħarhom, waqt li oħrajn jiġu affettwati sew minħabba f’hekk. Huwa komuni li ċertu persuni jesperjenzaw burdati ħżiena u stima baxxa tagħhom infushom. Jekk tesperjenza dan tajjeb li żżomm f’moħħok li huwa normali li tħossok b’dal mod.

Tkellem mat-tabib tiegħek li jista’ jiggwidak u jgħinek permezz ta’ trattament għal burdati ħżiena. Jista’ wkoll jirreferik għand psikjatra jew psikologa jekk ikun hemm bżonn. Apparti dan, it-tabib jista’ wkoll jiddiskuti miegħek modi li bihom tista’ tikkontrolla l-problema ta’ telf ta’ xagħar.

Trattamenti

Hemm diversi raġunijiet li għalihom tista’ titlef ix-xagħar. Jekk dan ikun qed iseħħ minħabba xi kawża oħra, meta din tiġi trattata x’aktarx li l-problema ta’ telf ta’ xagħar tissolva wkoll.

It-tabib jista’ jiktiblek xi vitamini biex jibbilanċja xi defiċenzi li jista’ jkollok. Tista’ wkoll tingħata riċetta għal Minoxidil li tinstab f’diversi forom bħal ‘potions’, ‘shampoo’ u ‘foam spray’. Minoxidil jgħin il-folliċi jeqilbu mill-fażi intermedjarja għal dik ta’ tkabbir. Dan it-trattament huwa effettiv wara użu ta’ madwar 3-4 xhur. Madankollu jista’ jkun li tinnota li l-effett milquh jerġa’ jmur lura għal li kien hekk kif it-trattament jitwaqqaf. F’dan il-każ ikkunsidra tibqa’ tuża l-istess trattament fit-tul u f’doża iżgħar.

Xi wħud jippreferu jagħmlu użu minn parrokki jew ‘hair pieces’. Dawn jistgħu ikunu ta’ kwalita’ tajba ħafna magħmula minn xagħar vera, anke jekk il-prezz tagħhom jista’ jkun pjuttost għoli. Apparti dan hawn ukoll min juża kpiepel, ‘scarfs’ jew żebgħa biex jgħattu t-telf ta’ xagħar. Oħrajn jagħżlu li ma jagħmlu xejn minn dan.

Tagħżel x’tagħżel huwa tajjeb. It-telf ta’ xagħar huwa esperjenzat minn ħafna nies minn madwar id-dinja, u huwa parti naturali tal-ħajja.


Share the love

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *