
Riċentament omm imbikkma kkuntattjat lill-amministratriċi tal-grupp Women for Women (Malta), Francesca Fenech Conti, dwar sitwazzjoni xokkanti li esperjenzat hekk kif marret tiġbor kondotta tal-pulizija għal binha…binha, li kellha trabbi waħedha minħabba li missieru rrifjuta li jerfa’ xi tip ta’ responsabbilta’ tiegħu, u li għalhekk irreġistratu b’ ‘missier mhux magħruf’ (unknown father). Anke jekk dan ix-xokk u l-uġigħ emozzjonali li esperjenzat kienu kbar, din l-omm ħalfet li taħdem biex tara l-ġustizzja sseħħ permezz ta’ tibdil neċessarju f’dan ir-rigward. Din hija l-istorja tagħha…
Il-Ħajja f’Soċjeta’ Patrijarka – L-esperjenza Ta’ Omm Minħabba ‘Missier Mhux Magħruf’
Mill-politiċi u l-attivisti kollha li kkuntattjat s’ issa, Francesca kienet l-unika waħda li ssapportjatni f’dan ir-rigward. Imma qabel ma nipproċedi bil-proposta ta’ Francesca xtaqt nirrakkonta l-istorja tiegħi hawn biex inkun ċerta li l-kawża tiegħi hi ġġustifikata.
Jiena ‘single mother’ ta’ tifel li kellu jġorr miegħu ‘status’ ta’ ‘missier mhux magħruf’ fuq iċ-ċertifikat tat-twelid tiegħu. Permezz ta’ dan iċ-ċertifikat kellna naffaċċjaw domandi umiljanti, ħars u attitudnijiet kull fejn kellna nipproduċuh. Fl-uffiċċju tal-passaporti, skejjel, xogħolijiet, ċentri ta’ l-isport eċċ. Ovjament, għal dawk li m’esperjenzawx is-sitwazzjoni tiegħi, il-kliem ‘missier mhux magħruf’ kien jindika li jien ma kont xejn altru minn prostituta b’ iben sfortunat u mhux mixtieq.
Il-verita’ hija li ibni ma kienx mixtieq minn missieru, u għalhekk irrifjuta kull responsabbilta’ tiegħu. Biex ngħaddi mill-proċeduri legali relatati mal-kustodja t’ibni b’mod eħfef irreġistrajtu b’ ‘missier mhux magħruf’. Qatt ma nteressani l-manteniment, u filfatt qatt ma fittxejt li nieħdu. Qatt ma ħadt benefiċċji oħra għax dejjem ħdimt, u ħdimt tant li qatt ma kont intitolata għal xi benefiċċju soċjali.
Riċentament tlabt kondotta tal-pulizija għal ibni minħabba li qed ifittex l-ewwel xogħol tiegħu, u kien hemm li skoprejt li taħt is-sezzjoni mniżżla ‘ġenituri’ kien hemm immarkat n/a. Meta staqsejt dwar dan ġejt informata li minħabba li t-tifel imniżżel b’ ‘missier mhux magħruf’ ħadd mill-ġenituri ma jista’ jiġi mniżżel fuq iċ-ċertifikati.
Bla dubju sibt ruħi xxukkjata dwar dan. Ħdimt għal dawn is-snin kollha waħdi biex inrabbi l-ibni li kiber fir-raġel li hu llum. Iġġilidt kontra kulħadd biex irnexxieli nżomm lill-ibni meta kelli biss 16-il sena. Ħallast għall-edukazzjoni tiegħu, għal saħħtu u kull ma kellu bżonn għal dawn is-snin kollha. Imma xorta mhux meqjusa bħala ‘ġenitur’.
Ironikament qrajt fil-midja li hemm liġijiet li qed jiġu kkunsidrati sabiex it-tfal ma jitniżżlux taħt ġeneru partikolari u biex il-ġeneru, fost affarijiet oħra, jinżamm privat.
Din l-esperjenza qasmitli qalbi. Dan m’għandux ikun aċċettabbli, u għalhekk ħlift li nieħu azzjoni għal ġid ta’ kull min hu għaddej mill-istess sitwazzjoni. Nitlobkom biex jekk tridu tkunu parti minn din il-bidla neċessarja tikkuntattjaw lil Francesca fid-dettalji mniżżla aktar l-isfel. Ejjew inkunu l-bidla neċessarja flimkien!
Lesta sabiex tagħmel parti minn din il-bidla revoluzzjonarja? Ikkuntattjana jew ibgħatilna imejl fuq [email protected] jew lil Women for Women Foundation. Flimkien nistgħu nagħmlu differenza.
Claire Galea taħdem fil-qasam tal-kura olistika b’taħriġ formali fin-‘nursing’. Hija temmen ħafna fil-kura ċċentrata fuq il-pazjent u l-edukazzjoni pubblika fuq suġġetti relatati mas-saħħa u s-soċjetà. B’impenn lejn tagħlim tul il-ħajja, Claire tieħu gost taqra u tesplora firxa wiesgħa ta’ temi, mill-ispiritwalità sa affarijiet kontemporanji.



