Share the love

mard mentali

Hija sitwazzjoni iebsa ħafna meta bħala ‘single mother’ issib ruħek taffaċċja mard mentali wkoll, speċjalment meta l-akbar biża’ tiegħek tkun dik li jekk titlob għajnuna psikoloġika jew psikjatrika forsi jispiċċaw jeħdulek l-uliedek…

Iż-żwieġ tiegħi kien tfarrak kompletament. Kelli nitlaq bilfors. Meta fl-aħħar sibt il-kuraġġ biex naqbad l-uliedi u nitlaq, sibt lili nnifsi nikkumbatti ma diffikultajiet ġodda. Imfarrka kif kont, kelli bżonn insib post li stajt insejjaħlu tiegħi. Il-familjari u l-ħbieb għenuni nsib post b’kera baxxa kif ukoll biex nakkwista affarijiet bażiċi għad-dar il-ġdida tiegħi u t’uliedi.

Ma kelli l-ebda xogħol u ma stajtx infittex xogħol dak iż-żmien għax ma kelli l-ħadd li seta’ jeħodli ħsieb lit-tfal waqt il-ħin tax-xogħol. Kelli nkampa biss fuq l-assistenza soċjali. Sibt lili nnifsi nipprova nħalli l-passat warajja u fl-istess ħin ngħix fil-preżent bit-tibdil u r-responsabbiltajiet kollha li dan il-pass kien ġabli. Li tgħix fuq l-assistenza soċjali biss hija xi ħaġa tista’ tgħid impossibbli. Trid tipprova tlaħħaq mal-bżonnijiet tal-ħajja, taċċerta ruħek li jirnexxilek tipprovdi l-ikel l-uliedek, tara li uliedek ikollhom il-ħwejjeġ u l-bżonnijiet tagħhom moqdija inklużi bżonnijiet relatati ma’ l-edukazzjoni tagħhom, tħallas il-kontijiet u l-kera fil-ħin…dawn huma biss ftit mill-ħsibijiet li kienu jifnuni kull mument.

Li kollox kien f’idejja ma kinitx xi ħaġa faċli. Dejjem kien ikolli xi ħaġa x’nagħmel, nippjana jew ninkwieta dwarha, tant li ma stajtx insib il-ħin neċessarju biex infiq mill-passat iebes tiegħi. Kelli għażla waħda – naġixxi daqs li kieku qatt ma kien xejn. Ma ridtx li b’xi mod inħalli mpatt negattiv fuq uliedi jew li ninkwieta l-familja tiegħi, għalhekk kont insib mumenti biex nibki waħdi meta ħadd ma seta’ jarani. Ħassejt il-bżonn ta’ xi tip ta’ sapport għax dak li kont qed nesperjenza kien wisq kbir biex b’xi mod jirnexxili negħlbu.

Iżda għalkemm kont inħossni dipressa kelli nkompli nissara mal-ħajja waħdi. Bil-mod il-mod bdejt nitlef l-eċitament għal ħajja. Kont inħossni mdejqa kważi l-ħin kollu. Tlift l-enerġija tiegħi kollha u bdejt nesperjenza attakki ta’ paniku. Spiċċajt nevita li noħroġ jew li nagħmel affarijiet li xi darba kont nieħu gost nagħmel qabel. Ħassejt li kont qed infalli bħala omm. Bilkemm kont nagħlaq għajn m’għajn bil-lejl daqs kemm kont ninkwieta, u kif kien jisbaħ filgħodu kont nieħu qatgħa għax dak kien ifisser li kien se jkolli nħabbat wiċċi ma ġurnata oħra ta’ dwejjaq kbar.

Kont naf li kelli bżonn nagħmel xi ħaġa. Kont naf li kelli bżonn inkellem tabib, u li l-psikoterapija setgħet tgħinni, imma bżajt. Bżajt mill-istigma marbuta mal-mard mentali. Bżajt li jekk ningħata l-pilloli kont se nispiċċa norqod il-ġurnata kollha. Bżajt li nispiċċa fi sptar mentali. Iżda l-akbar biża’ li kelli kienet li jekk nitkellem kienu joħduli l-uliedi minn miegħi.

Aktar ma domt biex ħadt azzjoni, aktar bdejt niggrava sakemm fl-aħħar ma kienx fadalli għażla oħra għax kont spiċċajt missejt il-qiegħ. Bdejt bil-psikoterapija, iżda ġejt riferuta għal għand psikjatra. Hawnhekk ingħatajt trattament farmaċewtiku, li hekk kif bdejtu bdejt ninnota li sa fl-aħħar beda jirnexxili norqod bil-lejl. Sa l-aħħar tax-xahar bdejt ninnota tibdil fija anke matul il-ġurnata. Ma bqajtx inħoss dawk id-dwejjaq kbar kull xħin kien jisbaħ filgħodu. Sa fl-aħħar bdejt inħoss li kont kapaċi nkampa, b’ħaġa wara l-oħra.

Bil-mod il-mod beda jirnexxili nqum lura fuq saqajja. Ma bqajtx inħossni bla kontroll ta xejn fuq ħajti, anzi, sa fl-aħħar bdejt nerġa niskopri l-ferħ tal-ħajja. Għamilt sentejn nieħu t-trattament neċessarju kif ukoll it-terapija, iżda permezz ta’ dan irnexxieli nerġa niskopri lili nnifsi u nsib saħħa u għerf ġdid fija nnifsi. Irrealizzajt li dawk il-biżgħat kollha li kienu żammewni lura milli nfittex l-għajnuna kienu bla bażi ta’ xejn. Ħadd ma ħadli l-uliedi, anzi, ingħatajt is-sapport kollu li kelli bżonn.

Akkwistajt għerf ġdid għax issa meta nħares lura nagħraf li t-terapija li ngħatajt meta kont fl-agħar tiegħi għeni nagħraf l-ewwel sinjali ta’ dipressjoni u nieħu azzjoni minnufih. Qatt m’erġajt għamilt l-istess żball, wara kollox, il-mard mentali huwa eżattament hekk…mard. Il-mard mentali ma jiddefinixxix dak li int.

Nixtieq li permezz din l-esperjenza li qsamt magħkom illum nissuġġerilkom biex meta tħossu l-bżonn titolbu l-għajnuna minnufih. M’għandekx minn xiex tistħi. Ma jiġri xejn billi tagħraf u tammetti li tħoss li ma tiflaħx tkampa waħdek. It-trattament jgħinek tħossok aħjar u jgħinek tibdel l-atitudni tiegħek lejn il-ħajja u t-tibdil li ġġib magħha. Qatt taqta’ qalbek. Fil-ħajja huwa normali li nħabbtu wiċċna ma diffikultajiet mhux mistennija, iżda bl-għajnuna u bit-tama kapaċi tegħleb kull diffikulta’ li tista’ tiltaqa’ magħha.


Għandek xi esperjenza li tixtieq taqsam magħna fuq wham? Ikkuntattjana jew ibgħatilna imejl fuq [email protected]

Il-Women for Women Foundation tgħin nisa bħal Antoinette kontinwament sabiex iqumu lura fuq saqajhom wara esperjenzi traġiċi. Ara kif inti wkoll tista’ tikkontribwixxi u tagħmel id-differenza fil-ħajja tan-nisa permezz tal-Women for Women Foundation.


Share the love

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *