Ħames snin jista’ jkun li ma jidhrux li huma ħafna, imma f’każ ta’ wġiegħ kontinwu, problemi tal-irqad, emigranja u wġiegħ ta’ ras, kif ukoll problemi fil-proċessi mentali jisgħu ibiddlu dawk il-ħames snin f’eternita’ infernali.
Jiena tfajla ta’ 19-il sena u fl-aħħar, wara 5 snin nitlob lit-tobba biex iwieġbuli l-mistoqsijiet tiegħi rigward il-problemi li donnu għandi f’ġismi, ġieni ċ-ċans li nneħħi l-possibilta’ ta’ kundizzjonijiet oħra u nasal għall-konklużjoni li probabbli għandi l-kundizzjoni imsejħa Fibromalġija.
Kollox beda 7 snin ilu, meta ddaħħalt l-isptar Mater Dei b’Tachycardia: qalbi kienet qed tħabbat b’rata mgħaġġla ta’ madwar 160 taħbita kull minuta. Din kienet xi ħaġa mhux mistennija. Ma kontx qed nesperjenza stress, imma ġimgħa qabel kont qed nesperjenza uġiegħ fil-ġogi u kont żviluppajt raxx ma’ ġismi kollu. Meta ddaħħalt l-isptar kelli wkoll uġiegħ fi griżmejja u sogħla. Wara li għamluli ‘echo’, il-kardjoloġista sab ‘pericardial effusion’ żgħira, li hija bażikament żieda żgħira ta’ fluwidu fil-kavità perikardjali.
Għamilt ġimgħa l-isptar taħt osservazzjoni u rċevejt dijanjosi ta’ Myocarditis, li bażikament hija infjammazzjoni fil-muskolu tal-qalb li tikkawża ‘arrhythmia’ (rittmu tat-taħbita tal-qalb mhux normali). M’hemmx kawża evidenti, u l-kardjoloġista tiegħi qalilna li jien kont it-tieni każ li kien ra f’dak iż-żmien. Kont mogħtija biss il-pilloli Propanolol biex inaqqsuli r-rata tat-taħbita tal-qalb, kif ukoll Nurofen.
Ironikament, esperjenzajt l-ewwel menstrawazzjoni tiegħi 14-il ġurnata eżatt wara li kont dħalt l-isptar b’Tachycardia…
Ħriġt mill-isptar u erġajt bdejt immur l-iskola, bit-tama li kollox jiġi lura għan-normal. Sfortunatament, kont żbaljata għax imbagħad bdejt nesperjenza uġiegħ fil-ġogi madwar ġismi kif ukoll uġiegħ ta’ ras frekwenti.
Fil-bidu, jien u familti ħsibna li dan l-uġiegħ kien relatat ma uġiegħ tal-iżvilupp, għax kont nesperjenza dan it-tip t’uġigħ frekwenti. Iżda, dan l-uġiegħ beda jmur għall-agħar u l-unika żewġ modi effettivi biex intaffi ftit l-uġiegħ kienu li nieħu l-‘paracetamol’ fil-każ ta’ uġiegħ ta’ ras jew migraine, jew li npoġġi ħafna pressjoni fuq il-ġog li jkun qed juġagħni. Madankollu, apparti dan bdejt ukoll inbagħti ħafna biex norqod.
Ommi bdiet tfittex għal tweġibiet possibbli fuq l-internet, biex naraw x’setgħet kienet il-kawża ta’ dan l-uġiegħ, u sabet informazzjoni fuq il-Fibromalġija, magħrufa wkoll bħala Sindromu tal-Fibromalġija (FMS). Flimkien bdejna nikkumparaw is-sintomi ma dawk miktuba fuq varjeta’ t’artikli fuq Google. Imbagħad iddeċidejna li nibbukkjaw appuntament ma tabib lokali li jispeċjalizza fil-Mediċina tal-Familja. Ittamajna li nirċievu t-tweġibiet li tant konna mixtiqin għalihom.
Il-vista tant mistennija għand it-tabib waslet, imma konna sorpriżi meta qalilna li kont “probabbli” wisq żgħira biex niżviluppa l-Fibromalġija u li l-unika mod biex insibu t-tweġibiet tagħna kienet billi nagħmlu t-testijiet tad-demm u neliminaw il-possibilitajiet l-oħra.
B’hekk smajt mit-tabib u mort għat-testijiet tad-demm, imma meta erġajna morna lura biex induru r-riżultati flimkien qalilna li l-unika ħaġa ‘mhux normali’ kien l-ammont ta’ ‘White Blood Cells’, li kien xi ftit għoli aktar milli suppost ikun. Huwa fehmna li dan seta’ jkun riżultat ta’ nfezzjoni ħafifa li possibilment kelli qabel u li ma kien hemm xejn inkwetanti.
Niftakarni naħseb ‘Imma għaliex qed nesperjenza dan l-uġiegħ kollu? Dawn normali jiġifieri? Kulħadd jesperjenzahom?’ Naħseb kemm jien u kemm ommi tħawwadna għax hi baqgħet tirsisti għat-tweġibiet filwaqt li tfakkru s-similaritaijiet bejn is-sintomi tal-Fibromalġija u l-uġiegħ stramb li kien qed ikolli jien. Bħal qabel, huwa nfurmana li jien “probabbli” kont żgħira wisq u li ma kienx hemm mod kif stajt żviluppajtha daqshekk kmieni. ‘Forsi qed nikber?’ ħsibt, imma kont naf li dan kollu ma kienx se jispiċċa hawn. Ħriġt mill-klinika konfuża u nnervjata għax stennejt li dik il-ġurnata kont ser insib it-tweġibiet li kont ili nistenna.
Imma naħseb ommi kienet l-aktar persuna affetwata b’dan kollu, għax hija kienet temmen li r-raġuni għala qed nesperjenza dan l-uġiegħ kienet l-FMS. Ħasset li kieku t-tabib ħares aktar lejn is-sintomi, kien jagħtini xi ħaġa aktar qawwija biex itaffili l-uġiegħ. Ħasset li l-uġiegħ tiegħi ma kienx qed jiġi trattat b’mod serju. Imma fl-aħħar mill-aħħar, xi stajna nagħmlu? Aħna stajna biss nafdaw f’min studja l-mediċina.
Bdejt nieħu l-Vitamina D u s-supplimenti tal-‘Magnesium’, għax xi testijiet li ħadt aktar il-quddiem minn tobba oħra rriżultaw f’defiċenza. Ittamajt li l-uġiegħ kien se jonqos b’xi mod meta nibda nieħu dawk il-vitamini, imma minflok żdied.
Meta bdejt nattendi l-iskola post-sekondarja, l-emigranji bdew ikunu aktar frekwenti u bdejt ninnota li bdejt inbagħti biex niffoka u niftakar xi affarijiet. Biex intaffi l-uġiegħ tal-emigranji bdejt nieħu l-‘Parcoten’ għax il-‘Paracetamol’ ma kienux baqgħu effettivi fuqi, bdejt neħodhom ukoll l-iskola miegħi għax xi kultant kien ikolli bżonnhom. Sfortunatament, għall-foga mentali li kont qed nesperjenza ma stajt nagħmel u nieħu xejn. Bdejt naħseb li dan seta’ jkun riżultat tal-pressjoni li bdejt inpoġġi fuqi nnifsi biex ngħaddi mill-eżamijiet u jkolli punti biżżejjed biex nidħol l-Universita’.
Il-ħajja tqalet aktar fit-tieni sena tal-post-sekondarja, u bdejt ukoll niġġieled kontra l-ansjeta’, d-dipressjoni, u stima personali baxxa. Barra minn hekk, l-uġiegħ fil-ġogi u l-frekwenza tal-emigranji bdew jiżdiedu.
Tobba ġo klinika oħra introduċewli ż-żejt CBD (‘Cannabidiol’) li m’għandux THC (‘tetrahydrocannabinol’). Ommi introduċietli wkoll iż-żejt tal-‘lavander’ biex jgħini fl-ansjeta u l-‘insomnia’. Jien u nħares lura, ninduna li dawn kienu l-unika żewġ affarijiet li għenuni nikkontrolla l-ansjeta’ kif ukoll nibqa’ kalma waqt il-perjodu tal-‘A’ levels’,speċjalment meta nikkunsidra li l-uġiegħ beda jżid drastikament dak iż-żmien.
Is-sajf kien xi ftit aħjar għax fih bdejt nagħllem klassi ta’ tfal li għandhom 11-il sena fi SkolaSajf, u verament kont għal qalbi. Kont noħroġ ma sħabi u ppruvajt ingawdi kemm nista’ qabel ma nibda’ nattendi l-Universita’. Għalkemm fis-sajf esperjenzajt emigranji u uġiegħ sporadiku, dawn ma kienux daqshekk frekwenti u b’hekk ħsibt li l-ftit li kont qed nesperjenza kienu qed jiġu kkawżati minn għajja normali li setgħet kienet qed tiġi kkawżata mis-sigħat twal li kont qed naħdem dak iż-żmien.
Madankollu, wara diskursata li kelli ma xi ħadd, bdejt naħseb li dan l-uġiegħ seta’ jkun kawża ta’ ntollerenza tal-lattosju. B’hekk għamilt test tad-demm biex niddetermina kontx ‘lactose intolerant’ u dan irriżulta pożittiv. Minn hemm il-quddiem bdejt noqgħod attenta li ma ninkludix lattosju fid-dieta tiegħi.
Meta bdejt l-Universita’ kollox reġa’ dar ta’ taħt fuq. L-emigranji bdew jiġu aktar frekwenti, filfatt lekċerer partikolari nnutat in-nuqqas ta’ enerġija li kelli waqt lezzjoni minħabba l-emigranja, u inkuraġġietni mmur id-dar u nistrieħ.
L-uġiegħ f’ġismi kompla jiżdied. Kien hemm ġranet fejn wara ġurnata sħiħa Uni, kont immur id-dar nibki, għax l-uġiegħ ma jkunx naqas bil-‘Parcoten’ u kien ikolli nidħol norqod.
Hawnhekk ommi talbet l-għajnuna fuq il-grupp ta’ Facebook ‘Women for Women (Malta) għax kienet iddisprata biex tgħinni. Mara qalba tajba li tbagħti bil-Fibromalġija hi stess ikkomunikat fit-tul m’ommi u qaltilna li l-ewwel ħaġa li kellna nagħmlu hija li neliminaw iċ-ċans tal-intollerenza tal-glutina. Iddeċidejt biex nibda nsegwi dieta ‘gluten free biex nara jekk l-uġiegħ inaqqasx. Fil-bidu kien qisu naqqas ħarira l-uġiegħ, imma imbagħad bdejt nesperjenza ħafna għajja u l-frekwenza u l-intensta’ tal-uġiegħ bdiet iżżid. Bdejt naħseb biex nieħu brejk mill Universita’ għax bdejt nemmen li dan kollu kien riżultat tas-siegħat twal u l-istress li bdejt nesperjenza fil-kors. Imma imbagħad laqatna l-Covid-19 u miegħu ġiet il-kwarantina, u b’hekk ma ħadtx dik id-deċiżjoni imma tajt ftit aktar ċans biex nara kif kienu se jisvolġu l-affarijiet.
Il-Covid-19 waqqafni milli nieqaf mill-kors, imma fl-istess ħin, l-istima personali tiegħi bdiet tinżel, id-dipressjoni żdiedet u magħhom żdiedu wkoll l-emigranji u l-uġiegħ. Kull ġurnata tal-ġimgħa spiċċajt nieħu l-‘painkillers’ u anke napplika kremi apposta fuq iż-żoni affetwati għax xi kultant l-uġiegħ ma kontx nifilħu. Kien hemm iljieli fejn lanqas irqadt aktar minn 3 siegħat, għax jew moħħi ma bediex iħallini nistrieħ jew għax l-uġiegħ kien ikun qawwi wisq.
Issa kont ċerta aktar minn qatt qabel li dan ma kienx każ ta ntollerenza għall-glutina, imma xi ħaġa oħra. Fortunatament, din id-darba ommi bbukjat appuntament għalija għand speċjalista tal-għadam għax kellna bżonn insibu t-tweġibiet tant bżonnjużi. Hija kienet għadha konvinta li jien kont qed nesperjenza sintomi tal-Fibromalġija.
Waqt dan l-appuntament, l-ispeċjalista beda jsaqsini biex ngħawweġ idi filwaqt li beda jagħfas fuq għadam differenti li għandi f’ġismi. Fl-aħħar wasalna għal konklużjoni li jista’ jkun għandi artrite idjopatika ġovanili (JA). Qalilna wkoll li jien ‘double jointed’, u l-uġiegħ jista jkun qed jiġi min dan il-fatt. Ommi semmietlu l-Fibromalġija, u bħat-tobba ta’ qablu qal li qabel ma nkunu ċerti li dan huwa każ ta’ Fibromalġija kellna nneħħu l-possibiltajiet l-oħra peress li m’hemmx testijiet speċifiċi li jagħtu dijanjosi tal-Fibromalġija. Ibbukjali ħafna testijiet tad-demm biex jiċċekkjali varjeta’ t’affarijiet inklużi l-ormoni, il-vitamini, ir-‘rheumatoid factor’ u ħafna oħrajn. Tagħni wkoll doża ta 5mg tal-isterojd ‘Prednisolone’ biex neħodha kuljum, għax hekk inkun nista nara jekk tagħmillix differenza fl-intensita’ ta’ l-uġigħ.
Niftakarni nnervjata, għax din id-darba mhux biss ma kellix tweġibiet, imma kelli aktar mistoqsijiet minn qatt qabel. ‘Ser ikolli nieħu l-isterojdi għal ħajti kollha? Se jkolli ngħix bl-uġiegħ għal dejjem? Jekk ir-riżultati jiġu normali, xi jkun ifisser għalija?’ Parti minni xtaqt li jaħdmu l-isterojdi li kien se jfisser li kelli artrite idjopatika ġovanili.
Għajjejt dejjem bl-uġiegħ, ridt it-tweġibiet u ridthom issa.
Sfortunatament, l-isterojdi ma naqqsulix l-uġigħ. Kont qed nesperjenza l-uġiegħ, xorta kont għajjiena u xorta kont qed nesperjenza d-dipressjoni. Stennejna għall-appuntament li kien imissni mal-ispeċjalista tal-għadam fejn konna se nħarsu lejn ir-riżultati tat-testijiet tad-demm u naslu għall-konklużjoni. Il-Vitamina D kienet għadha ‘borderline’ avolja kont ili nieħu s-supplimenti għal madwar 5 snin, u r-‘rheumatoid factor’ kien kemmxejn elevat, imma skond l-ispeċjalista, ir-riżultati ma’ kkonfermawx li kelli l-artrite idjopatika ġovanili u l-kumplament tar-riżultati kienu ħarġu tajbin. Qalli biex bħall-aħħar darba nimtedd u ngħidlu jekk inħoss xi uġiegħ waqt li jkun qed jagħfasli l-għadam jew il-ġogi. Weġibtu u għidtlu li xi kultant kont qed nesperjenza uġiegħ f’daqqa fl-għadam inniffsu; qisubħal xi ħadd kien qed jagħtini daqqa ta’ martell. Hu deher imħawwad għax din id-darba ħassejt aktar uġiegħ meta beda jagħfasli l-għadam mill-ewwel konsultazzjoni. Dar u qalilna li dan seta’ filfatt ikun każ tal-Fibromalġija!
Beda jistaqsini mistoqsijiet dwar jekk kontx persuna soċjali, u dak il-ħin ħassejt il-maskla ta’ ferħ li kont ili nilbes snin twal tinqala’ u taqa’, u b’hekk hu seta jara l-emozzjonijiet li kont verament qed nesperjenza.
Bl-għajnuna t’ommi, tkellimt fuq kif bdejt inħossni mdejqa l-ħin kollu, kif beda jkolli nuqqas ta’ motivazzjoni, kont nibki l-ħin kollu u sa kważi spiċċajt ninjora l-messaġġi ta’ sħabi. It-tabib u ommi qablu li dawn kienu sintomi ta’ dipressjoni u qalli li l-Fibromalġija tmur għall-agħar jekk persuna ma tħosshiex stabbli mentalment. ‘It-tifla tiegħi qiegħda fit-triqitha biex tkisser lilha nnifisha’ qalet ommi. Hu qabel magħha u jien kont naf li kienet qalet il-verita’. Ħassu aktar kunfidenti li l-Fibro kienet il-kawża ta’ dan kollu wara li qsamna l-informazzjoni fuq id-diffikultajiet kollha li kien qed ikolli inklużi biex norqod, l-emigranji, il-‘brain fog’, eċċetra.
Hu għena nifhmu li din il-kundizzjoni ma tistax tiġi ttestjata u ma tistax tiġi determinata permezz ta’ testijiet, imma l-possibilitajiet l-oħra kollha issa kienu tneħħew. Madankollu qalilna li għal din il-kundizzjoni m’hemmx mediċina speċifika, imma permezz ta’ differenzi fl-istil ta’ ħajja bħal programmi ta’ eżerċizzju, tekniċi ta’ rilassament, ‘antidepressants’ u ‘painkillers’, kif ukoll terapija fejn il-persuna titkellem ma’ xi psikologu jgħinu biex itaffu jew jikkontrollaw l-uġiegħ. Ġejt preskritta l-‘antidepressants’, li skond l-ispeċjalista mhux biss kellhom jgħinuni billi jnaqqsuli l-uġiegħ, imma wkoll jgħinu fil-problemi tal-irqad, dipressjoni u emigranji.
Jien u ħierġa mill-klinika ħarist ħarsa lejn ommi u dak il-mument kont naf li kieku kien hemm it-tabib li kellimna ħames snin ilu quddiemha kienet tisparalu l-lejżers minn għajnejha, għax kieku fetaħ xi ftit aktar għajnejh u kkunsidra l-Fibro bħala possibilita’ mingħajr ma jagħti każ l-eta’, kien jiffrankali snin ta’ sofferenza.
Ħassejtni xi ftit konfuża. Bejn ħassejtni ferħana li sa fl-aħħar, wara dawk is-snin kollha, kont ħadt tweġiba u ġejt preskritta xi ħaġa li setgħet tgħinni, imma fl-istess ħin ħassejtni xi ftit beżgħana li kien ser ikolli ngħix b’din il-kundizzjoni ħajti kollha.
Bħalissa, qed nistenna biex nerġa nieħu sensiela ta’ testijiet tad-demm, u issa ili nieħu l-‘antidepressants’ preskritti għal madwar erbgħa ġimgħat. Nemmen li kien hemm ftit titjib rigward l-uġiegħ, l-emigranji, u l-irqad, imma naf li dawn l-affarijiet jieħdu ż-żmien biex jipprovdu riżultati fit-tul.
Fl-istess ħin, hemm biża’ li qed tikber fija dwar x’jiġri jekk ninqabad tqila aktar il-quddiem. Ser ikolli nieqaf nieħu l-‘antidepressants’ biex ikolli tqala ta’ suċċess? Se nkun nista’ nifilħu l-uġiegħ tal-Fibromalġija magħqud mas-sintomi tat-tqala, jekk nieqaf nieħu l-antidepressants, jew se nkun mogħtija xi ħaġa differenti u sikura għat-tqala? U finalment, dan l-uġiegħ li qed jonqos biż-żmien, se jonqos kompletament maż-żmien? Jew hemm il-possibilta’ li nerġa nibda’ nesperjenzaħ bħal qabel?
Naħseb l-unika mod biex inkunu nafu hija li nistennew u naraw…iż-żmien jagħtina parir!
Fatti dwar il-Fibromalġija
Sintomi tal-Fibromalġija jinkludu:
- Żieda fis-sensittivita’ lejn l-uġiegħ
- Għejja kbira
- Muskoli ibsin
- Diffikulta’ biex torqod/ ’insomnia’
- ‘Irritable bowel syndrome’ (IBS)
- ‘Brain fog’ (a.k.a. fibro-fog) li jinkludi nuqqas ta’ konċentrazzjoni u problemi tal-memorja
- Uġiegħ ta’ ras
Trattamenti biex ittaffi l-uġiegħ:
- Tibdil fl-istil ta’ ħajja li jinkludu l-eżerċizzju u tekniċi ta’ rilassament
- Terapija bħal konsultazzjonijiet ma’ psikologa u ‘cognitive behavioural therapy’ (CBT)
- Antidepressants u ‘pain killers’
Kawża:
L-oriġini propja tal-kawża m’hijiex magħrufa, imma hija kkunsidrata li hija relatata ma livelli mhux tipiċi ta ċerti kimiċi fil-moħħ u tibdiliet fil-mod li l-moħħ, l-ispina kordali u n-nervituri (is-sistema ċentrali tan-nervituri) jipproċessaw messaġġi tal-uġiegħ li jkunu qed iduru fil-ġisem.
Tista’ tkun kawża wkoll ta’ ‘genes’ li jkunu ġejjin mill-ġenituri.
L-FMS tidher ukoll li tista’ possibilment toriġina minn avvenimenti stressanti b’mod emozzjonali jew fiżikaċi, bħal:
- Wara li persuna twelled
- Infezzjoni jew ħsara li tkun ġrat fil-ġisem
- Meta tgħaddi minn operazzjoni
- Tkissir ta’ relazzjoni
- Meta titlef lill xi ħadd
Fl-esperjenza personali tiegħi nista’ ninnota b’mod faċli li l-uġiegħ relatat mal-Fibromalġija jiżdied drastikament meta kien jkun hemm żieda fil-livell tal-istress f’ħajti. Donnu ċiklu vizzjuż: l-uġiegħ iwassal għall-istress, u l-istress iżid l-intensita’ u l-frekwenza tal-uġiegħ.
Min hu affetwat?
Għalkemm din hija kundizzjoni li taffettwa kemm in-nisa u kemm l-irġiel, taffettwa lin-nisa seba’ darbiet aktar milli taffettwa l-irġiel.
Din il-kundizzjoni tista’ tiġi żviluppata f’kull eta’, imma tipikament isseħħ bejn it-tletinijiet u l-ħamsinijiet.
Ċertu riċerka tissuġġerixxi li din hija kundizzjoni relativitament komuni. Filfatt, xi statistiċi juru li kważi 1 minn kull 20 persuna jistgħu jiġu affettwati b’xi mod.
Peress li m’hemmx testijiet għall-kundizzjoni, u s-sintomi jistgħu ikunu simili għal dawk ta’ kundizzjonijiet oħra, id-dijanjosi hija pjuttost diffiċli u m’huwiex ċar l-ammont ta’ nies li qed jiġu affetwati.
Jekk taħseb li għandek il-Fibromalġija, jagħmel tajjeb li tikkuntattja lill-GP tiegħek jew lil xi ħadd li speċjalizza fl-għadam. Semmi kull tip ta sintomu li qed tesperjenza, kemm jekk ikollu x’jaqsam mas-saħħa fiżika, mas-saħħa emozzjonali u mas-saħħa mentali tiegħek, għaliex dawn jistgħu iwassluk biex issib it-tweġiba tiegħek aktar malajr. Jien u nħares lejn l-esperjenza personali tiegħi, nissuġġerixxi li jekk m’intix sodisfatta mit-tweġibiet li ġejt mogħtija, ibqa’ ppersisti sakemm issib it-tweġibiet tiegħek. Inti għandek tkun stmata u ħaqqek it-tweġibiet li għandek bżonn <3
Referenza:
NHS. (2019, February). Fibromyalgia. Retrieved September 12, 2020, from https://www.nhs.uk/conditions/Fibromyalgia/
Christianne Marie Galea qed issegwi Baċċellerat fl-‘Early Childhood Education and Care’ fil-Fakulta’ tal-Edukazzjoni, fl-Universita’ ta’ Malta, li jwassalha biex tilħaq edukattriċi tat-tfal żgħar. Ix-xewqa tagħha hija li toħloq spazju fejn it-tfal tal-klassi tagħha jħossuhom komdi jaqsmu ħsibijiethom u l-emozzjonijiet tagħhom filwaqt li jesprimu ruħhom liberament.
Fil-ħin liberu tagħha, Christinne tħobb toħloq arti billi tuża medji differenti bħal ‘water colours’, ‘acrylic’, lapsijiet tal-kulur u akwarelli. Hija tieħu gost ukoll tisma’ l-mużika, tirreċta u tqatta’ l-ħin ma ħutha.