Share the love

Helena Dalli ġiet irrekordjata tagħti diskors dwar is-sitwazzjoni preżenti fil-Polonja rigward is-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati. Dan id-diskors ingħata bħala reazzjoni għall-inforzar riċenti tal-liġi proposta li tinnega l-abort lin-nisa li jkunu qed iġorru tqala mhux vijabbli.

Preżentament il-liġi dwar l-abort fil-Polonja tinnega sa 98% tal-proċeduri abortivi, li minħabba fihom il-Polonja hija meqjusa bħala wieħed mill-ftit pajjiżi b’liġijiet relatati ristrettivi ħafna. Helena Dalli tkellmet dwar l-importanza tas-saħħa sesswali, il-kostituzzjonalita’ tal-liġijiet li ġew imposti fil-Polonja, u d-dritt li persuna tingħata kura tas-saħħa riproduttiva ta’ kwalita’.

Filwaqt li dan id-diskors hu ta min ifaħħru minħabba r-realta’ li hu bbażat fuqha, ma nistgħux ma ninnutawx l-ommissjoni totali fil-pajjiż minn fejn hi l-Membru Parlamentari Ewropew stess: Malta, li hija l-unika pajjiż membru fl-Unjoni Ewropea kompletament kontra l-abort. Bħal ma jiġri fil-każ tal-Polonja, f’Malta, in-nisa ma jistgħux jaċċessaw l-abort legalment f’każ ta’ tqala mhux vijabbli. Madankollu, f’Malta, għal kuntrarju ta’ dak li hu aċċettabbli fil-Polonja, mara tqila ma tistax taċċessa l-abort legalment anke f’każ ta’ riskju li titlef ħajjitha. Filfatt, mhemm l-ebda ċirkostanza li fiha persuna tista’ taċċessa l-abort legalment f’Malta.

Sadattant, in-nisa f’Malta jkomplu jordnaw pilloli abortivi onlajn u jfittxu biex jagħmlu abort barra minn xtutna, bi problemi żejda bħal ma huma l-istat legali, diżabilta’, sitwazzjonijiet ta’ vjolenza domestika, ‘single motherhood’, stabbilta’ finanzjarja u aktar. Iżda xejn minn dan s’issa għadu ma biddel l-attitudni siekta tal-politiċi fuq livell Ewropew.

Il-filmat provdut huwa grazzi għal Voice for Choice – L-Għażla Tagħha


Share the love

Comments are closed, but trackbacks and pingbacks are open.