Share the love

il-jum dinji tal-kontraċezzjoni

Ix-xahar ta’ Settembru huwa magħruf għal ħafna raġunijiet – għal uħud jista’ jkun xahar mimli ansjeta’ u eċitament minħabba l-fatt li sena skolastika ġdida tkun qed toqrob biex tibda għal uliedhom jew għalihom infushom; oħrajn jistgħu jesperjenzaw ċertu emozzjoni melankonika minħabba l-fatt li dan ix-xahar huwa dedikat ukoll għall-għarfien dwar is-saħħa mentali, speċjalment dwar is-suwiċidju. F’Settembru niċċelebraw ukoll ġurnata speċjali oħra – le, ma niċċelebrawx b’festini f’dil-ġurnata, iżda ġeneralment jirnexxilna nakkwistaw aktar informazzjoni dwar neċessitajiet li mhux biss itejbu l-ħajja tagħna sa ċertu punt, iżda wkoll inaqqsu xi ftit mill-ansjetajiet u l-biżgħat tagħna. Is-26 ta’ Settembru huwa il-jum dinji tal-kontraċezzjoni!

Forsi se nidher xi ftit infantili, iżda il-jum dinji tal-kontraċezzjoni dejjem iġagħlni nitbissem għax ifakkarni fis-sistema Maltija tal-edukazzjoni sesswali fl-iskejjel, u l-kurrikulu pjuttost ironiku fejn jidħol das-suġġett. Bħala tifla li kelli biss idea tad-differenza bejn il-ġisem ta’ mara u dak ta’ raġel, inħoss li l-innoċenza tiegħi ġiet xi ftit misruqa minni. Illum għandi 20 sena. Jien u l-istudenti ta’ daqsi fis-snin skolastiċi ġejna mgħallma nibżgħu mill-kelma sess u mis-sess innifsu. Ġejna mgħallma li s-sess għandu jkun biss mezz ta’ prokreazzjkoni, u li l-unika mod li bih tevita li tinqabad tqila huwa permezz ta’ astinenza kompleta. Il-kelma kontraċezzjoni ġiet introdotta lilna bħala terminu li jfisser ħaġa waħda biss: kondoms. Nista’ ngħid li ta’ 12 jew 13-il sena ġejt mitluba nilħaq ċertu livell fl-abbilta’ tiegħi li nlibbes kondom fuq dildo – u biex inkun kompletament onesta, din kienet ħaġa tassew imbarazzanti speċjalment minħabba l-fatt li dan kellu jsir quddiem madwar 10 studenti oħra u jiġi ġġudikat minn għalliema. Niftakar li xi ġranet wara din is-sessjoni kellna nitilfu xi lezzjonijiet biex nattendu għal laqgħa mportanti dwar l-edukazzjoni sesswali; dan fisser li għalliema maskili kellhom ikunu preżenti – fatt li wassal għal atmosfera pjuttost skomda. Kien hemm preżenti wkoll xi individwi maskili li qatt ma konna rajna qabel. Is-sessjoni ġiet immexxija minn infermiera ħelwa, li ironikament għallmitna li aħna t-tfajliet għandna nġorru kondom magħna fil-bra biex nagħmlu użu minnha jekk inkunu se niġu stuprati. Iva, qrajt tajjeb. Skond il-kurrikulu (jew kif ġie mgħallem lilna f’dik il-ġurnata), għandna dejjem inġorru kondom fil-bra, ħalli jekk raġel jipponta li jistuprana, noħorġu l-kondom, inlibbsuhielu jew intuhielu, biex ikun jista’ jkompli bl-att kriminali tiegħu. Il-ħsieb wara dan kien biex nipprevjenu infezzjonijiet trażmessi sesswalment, li fil-verita’, kondom tagħmel dan. Iżda li nagħtu kondom lil min ikun se jistuprana ma jagħmel l-ebda sens…ikun ifisser li qed nagħtuh permess jagħmel li jrid bina. Żgur li kieku jiġri hekk, att bħal dan jaħdem kontra t-tfajla jekk tiġi biex tirrapporta mostru bħal dan.

Semmew ukoll il-kondom tan-nisa, kif ukoll il-fatt li dan jirrikjedi l-għajnuna ta’ tabib biex jiġi mpoġġi f’postu. Iżda dak kien kollox. Tgħallimt ħafna aktar dwar il-kontraċezzjoni, il-metodi u l-benefiċċji relatati magħhom mill-artikli fuq Wham u minn Instagram, milli tgħallimt waqt dawk il-45 minuta lezzjoni li kellna dak iż-żmien. Il-Jum Dinji tal-Kontraċezzjoni qatt ma ġie msemmi l-iskola, probabbilment minħabba li jmur kontra l-idea li s-sess huwa biss mezz ta’ prokreazzjoni – għandna nenfasizzaw l-idea li sess protett huwa sess tajjeb, u li nżommu ruħna protetti minn infezzjonijiet trażmessi sesswalment b’inqas ċans li ninqabdu tqal iwassal għal sess aħjar!

Il-Jum Dinji tal-Kontraċezzjoni ġie maħluq biex iwassal messaġġ dwar il-metodi kollha ta’ kontraċettivi kif ukoll jgħallem lill-ġenerazzjoni żagħżugħa kif għandhom jagħmlu għażliet informati dwar is-saħħa sesswali u riproduttiva tagħhom. Il-ġenerazzjoni ta’ żmieni għandu jkollha l-opportunita’ li taċċessa għarfien dwar is-saħħa sesswali u riproduttiva, inklużi l-ippjanar naturali tal-familja, kif ukoll il-ħiliet u l-għarfien neċessarju biex bih nagħmlu l-aħjar għażliet għal ħajjitna. Apparti minn hekk, għal nisa li sfortunatament ingħataw dijanjosi dwar kundizzjonijiet kroniċi ġodda jew eżistenti, informazzjoni dwar il-kontraċezzjoni tista’ tibdlilhom ħajjithom għall-aħjar.

Waqt li kont qed nirriċerka sabiex nikteb dan l-artiklu sibt li l-Jum Dinji tal-Kontraċezzjoni joħloq għarfien ukoll dwar affarijiet li għal dan iż-żmien jidher xi ftit ovju, iżda li xi kultant ma nagħtux daqshekk kasu. Eżempju huwa l-fatt li n-nisa għandhom aktar ċans li jispiċċaw iġorru l-piż emozzjonali, fiżiku u finanzjarju marbut mal-kontraċezzjoni – bħal li kieku it-tqala u dak kollu relatat magħha mhux biżżejjed! Kienet ukoll sorpriża meta sibt li, għal kuntrarju ta’ dak li tawna ħjiel tiegħu l-għalliema fiż-żmien passat li semmejt, hemm aktar minn 10 forom differenti ta’ kontraċezzjoni għan-nisa, kif ukoll 2 metodi għall-irġiel. Dan jindika li r-responsabbilta’ tal-kontraċezzjoni m’għandhiex tintrefa’ mill-mara biss.

Hawnhekk ġbart lista ta’ metodi ta’ kontraċezzjoni artifiċjali li jistgħu jintużaw minn dawk kollha li għandhom utru:

  • Metodi ormonali b’mod orali (pilloli)
  • Metodi ormonali mill-ġilda (patch)
  • Ċrieki tal-vaġina (ring)
  • Metodi b’injezzjoni
  • Kondom tan-nisa
  • Dijaframma
  • ‘Birth Control Sponge’
  • Kappa ċervikali
  • Spermiċida
  • Impjanti
  • Kontraċettiv t’emerġenza
  • IUD
  • Sterilizzazzjoni femminili

 Għal individwi b’pene, minbarra l-mod naturali msejjaħ coitus interruptus, jistgħu jużaw:

  • Kondoms
  • Vażektomija

Għalkemm persuna għandha lista pjuttost vasta minn fejn tagħżel l-aħjar metodu ta’ kontraċezzjoni għaliha, għal partner u għall-istil ta’ ħajja li jgħixu, hemm problema oħra li ma rridux ninsew – l-istigma. Iż-żagħżagħ ta’ spiss jesperjenzaw mistħija biex imorru jixtru pakkett kondoms, jew biex isaqsu fejn jistgħu isibuhom fil-ħwienet. Personalment rajt anke kitbiet fuq Facebook relatati ma dan – forsi nzertajtu dak ir-ritratt partikolari fejn persuna maskili tidher tgħatti wiċċha b’id waħda waqt li l-kaxxiera qed tħarislu b’mod inkwiżittiv hekk kif tiskenja bukkett ward, ċikkulatini u pakkett kondoms. Fl-opinjoni tiegħi dan l-aġir għandu jitwaqqaf. M’għandux ikun hemm rabta bejn metodi kontraċettivi u l-mistħija – is-sesswalita’ u s-sess huma aspetti normali fil-ħajja umana.

Tajjeb insemmi wkoll li naf persuni li jħossuhom imbarazzati jixtru prodotti sanitarji bħal pads u tampons, u sa ftit snin ilu jien kont waħda minn dawn ukoll, iġifieri iva, nifhem kif il-mistħija tista’ tinbet. U għalhekk għandna nibqgħu inħambqu lill-gvern biex jara li l-bżonnijiet tal-pubbliku qed jiġu indirizzati. Magni tal-bejgħ għandhom ikunu aċċessibbli bi prodotti bħal kondoms u prodotti sanitarji għan-nisa, f’ bosta postijiet pubbliċi kif ukoll postijiet privati biex kulħadd ikollu ċ-ċans jaċċessa dal-prodotti mingħajr mistħija ta’ xejn. Aħjar minn hekk, nemmen li l-kontraċezzjoni għandha tiġi offruta b’xejn aktar u aktar minħabba li mhux kulħadd huwa f’qagħda finanzjarja tajba biżżejjed sabiex jonfuq flusu fuq il-kondoms! Billi joffri kontraċezzjoni b’xejn, il-gvern ikun qed juri li jifhem id-diversita’ tas-sitwazzjonijiet li għandna f’pajjiżna, kif ukoll l-importanza li jagħti każ il-bżonnijiet tal-popolazzjoni tagħna.

Finalment, fejn tidħol il-kontraċezzjoni, huwa mportanti li żżomm f’moħħok li d-deċiżjoni ta’ liema tip ta’ kontraċezzjoni għandek tuża hija tiegħek u tiegħek biss. Ħadd m’għandu jgħidlek x’għandek tuża u x’ma tużax. Informa ruħek sew, aqra u ddiskuti mat-tabib jew ġinekoloġista tiegħek dwar liema hu l-aħjar metodu kontraċettiv għalik. Ftakar li din hija ħajtek! U għalhekk, l-għażla għandha tkun tiegħek u tiegħek biss!


Għandek xi esperjenza li tixtieq taqsam magħna ta’ wham, f’ismek jew anke b’mod anonimu? Ikkuntattjana jew ibgħatilna imejl fuq [email protected]


Share the love