Fix-xahar ta’ Jannar li fih nippromovu aktar għarfien dwar il-kanċer ċervikali, l-Għaqda Dinija tas-Saħħa tinkoraġġixxi lin-nisa biex isiru jafu aktar dwar dan is-suġġett, jagħmlu t-testijiet neċessarji kif ukoll jieħdu t-tilqima relatata. Il-kanċer ċervikali jista’ jiġi prevenut u saħansitra kkurat jekk jinqabad fl-istadju bikri tiegħu.
Is-Sintomi Tal-Kanċer Ċervikali
Is-sintomi ta’ dan it-tip ta’ kanċer mhux dejjem ikunu preżenti minn kmieni, u għalhekk l-iscreening huwa l-aħjar mod li bih tista’ tipprevjenih. Madankollu, l-ewwel sintomi viżibbli ħafna drabi jkunu relatati ma’ dmija, speċjalment dmija bejn menstrwazzjoni w’oħra, dmija wara l-menopawsa, jew dmija waqt jew wara s-sess. Għalhekk, huwa mportanti li żżur it-tabib immedjatament jekk tesperjenza xi dmija minn dawn imsemmija hawn fuq.
Prevenzjoni tal-Kanċer Ċervikali
Screening: Il-kanċer ċervikali jista’ jiġi kkontrollat l-aħjar permezz ta’ l-iscreening. Meta abnormalitajiet ċervikali jiġu skoperti waqt pap smear, it-trattament jista’ jibda minnufih, u b’hekk jiġi evitat li dan jiżviluppa f’kanċer ċervikali. Fil-fatt huwa magħruf li ttestjar permezz tal-pap smear inaqqas l-inċidenza ta dan il-kanċer bi 80%.
F’Malta, screening ċervikali huwa offrut b’xejn lin-nisa ta’ bejn il-25 u d-49 sena kull tlett snin, u sa 64 sena kull 5 snin. Madankollu, minħabba li kważi kull kanċer ċervikali jaf il-fażi inizzjali tiegħu lill HPV, li huwa vajrus komuni li jgħaddi bejn persuna w’oħra permezz ta’ kuntatt sesswali kwalunkwe, in-nisa huma nkoraġġuti li jibdew imorru għal pap smear minn meta jibdew ikunu attivi sesswalment.
Għal aktar informazzjoni dwar is-cervical screening programme tista’ tikkuntattja lill-NSP permezz ta’ imejl fuq [email protected], permezz tat-telefon fuq 21227470/1, jew fuq il-paġna tagħhom ta’ Facebook Malta National Health Screening Programmes.
It-Tilqima HPV: Tilqima ta’ l-HPV hija offruta b’xejn lill-bniet ta’ 12-il sena, b’żewġ dożi li jingħataw b’ 6 xhur bejniethom. Din it-tilqima msejjħa Gardasil, tipproteġi minn 4 tipi ta’ HPV, inklużi 2 tipi li huma responsabbli għall-maġġoranza tal-każijiet ta’ kanċer ċervikali. Din it-tilqima tipprevjeni wkoll mill-felul ġenitali. Tajjeb ngħidu li għalkemm din it-tilqima tnaqqas iċ-ċans ta’ żvilupp ta dat-tip ta’ kanċer, nisa attivi sesswalment huma xorta inkoraġġuti biex jattendu pap smears regolarment.
Twaqqif tat-Tipjip: It-tipjip sfortunatament jagħmilha aktar diffiċli biex persuna tfieq minn HPV’s li eventwalment jistgħu jiżviluppaw kanċer ċervikali. Għalhekk, jekk ma tpejjipx tajjeb li ma tibdiex, u jekk tpejjep importanti li tieqaf ħalli tnaqqas iċ-ċans li tiżviluppa dan it-tip ta’ kanċer.
Sess Bla Periklu: L-HPV jinfirex permezz ta’ sess bla protezzjoni. L-użu tal-kondoms huwa l-aħjar mod li bih tnaqqas iċ-ċans ta’ HPV. Madankollu tajjeb ngħidu li dan il-vajrus jista’ jinfirex permezz ta’ kwalunkwe kuntatt sesswali, u r-riskju jikber aktar jekk ikollok aktar minn partner wieħed jew waħda.
Attenta Dejjem…
Ix-xahar ta’ Jannar ifakkarna biex inkunu dejjem attenti speċjalment dwar ir-riskji u l-mezzi preventivi li nistgħu napplikaw biex innaqsu ċ-ċans ta’ kanċer ċervikali. Madankollu, l-għarfien dwar is-saħħa għandu jkun kontinwu u mhux f’Jannar biss. Bi ftit bidliet fil-ħajja tagħna ta’ kuljum nistgħu nikkontribwixxu għal anqas riskji u saħħa u futur aħjar, għalina u għall-maħbubin tagħna.
Tista’ taqra’ aktar dwar l-aktar kanċers komuni fin-nisa f’artiklu estensiv u dettaljat hawnhekk.
Claire Galea hija omm ta’ tlieta li bħalissa qed issegwi Degree fin-Nursing fil-Faculty of Health Sciences, fl-Universita’ ta’ Malta, bħala studenta matura. Hija ħerqana ħafna dwar l-edukazzjoni pubblika rigward suġġetti relatati mas-saħħa kif ukoll fuq il-kura ħolistika tal-pazjent.
Hi tħobb ukoll toħloq għarfien dwar l-impatt negattiv li tħalli l-vjolenza domestika fuq is-saħħa mentali, emozzjonali, soċjali u fiżika tal-vittmi.
Għal aktar informazzjoni dwar Claire kif ukoll għal lista ta’ artikli miktuba minnha agħfas hawn