Addattata bil-Malti fuq kitba ta’ Dr Michele MONTANARO-GAUCI MD. MSc. FRCOG – Speċjalista fil-Ġinekoloġija.
Għażla vasta ta’ kontraċettivi għandha tkun disponibbli u aċċessibbli kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel ta’ kull eta’ f’ Malta. Kulħadd għandu d-dritt jaċċessa kontraċettivi effettivi b’ mod faċli, għax dan jgħinhom iżommu f’ saħħithom, jevitaw tqala mhux mistennija, u jkollhom ħajja sesswali sodisfaċenti u bla riskji.
Vista fi klinika ta’ kontraċettivi tinkludi informazzjoni u diskussjoni biex tittieħed id-deċiżjoni dwar l-aħjar metodu kontraċettiv għall-individwu, mill-għażla kollha disponibbli. Meta tittieħed din id-deċiżjoni, tista ssir il-proċedura neċessarja fejn ikun hemm bżonn, kif ukoll il-visti ta’ konsultazzjoni wara li dan isir.
Konsultazzjonijiet jistgħu jinkludu suġġetti bħal rikonoxximent ta’ metodi naturali ta’ fertilita’ u ‘family planning’. Deċiżjoni għal metodu kontraċettiv jista jinkludi preskrizzjoni ta’ pilloli kontraċettivi jew ‘vaginal ring’. Jista jfisser ukoll għażla ta’ kontraċettiv li jservi aktar fit-tul, bħal ma huma l-‘coil’ li titpoġġa fl-utru, injezzjoni kontraċettiva fil-koxxa, jew impjant apposta li jitpoġġa taħt il-ġilda fin-naħa ta’ fuq tad-driegħ. Tneħħija ta’ impjanti kif ukoll ta’ ‘coils’ huma possibbli wkoll. Dawn is-servizzi huma kollha offruti fi kliniċi kontraċettivi, u jistgħu jiġu mwettqa fl-istess post. Anestetiku lokali jiġi użat f’ każ ta’ tpoġġija jew tneħħija ta’ l-impjant kontraċettiv. Għat-tpoġġija tal-‘coil’ jiġi użat ġel anestetiku lokali jew injezzjoni anestetika lokali. L-isterilizzazzjoni hija metodu kontraċettiv permanenti li jseħħ b’ operazzjoni serġikali. Dan il-metodu jsir billi l-‘fallopian tubes’ jiġu interrotti jew imneħħija. Sterilizzazzjoni ta’ raġel (vasectomy) tinvolvi interruzzjoni tal ‘vas deferens tubes’.
L-għażla tal-mara dwar l-aħjar metodu ta’ kontraċettiv għaliha jiddependi ħafna kemm mill-preferenza tagħha kif ukoll mill-istorja medika tagħha u tal-familja tagħha, l-eta’, l-istorja, u l-ħajja soċjali tagħha. Hemm ukoll kundizzjonijiet mediċi u sitwazzjonijiet fejn ċertu tipi ta’ kontraċettivi jkollhom jiġu evitati. Għalhekk huwa mportanti li jkun hemm gwida u diskussjoni sew kif ukoll għarfien kliniku ta’ professjonista medika pprattikata fejn tidħol l-għażla u l-attwalita’ tal-kontraċettiv li jkun se jintuża għal ċertu żmien. Min naħa l-oħra, pilloli kontraċettivi t’ emerġenza jistgħu jiġu mogħtija b’ direzzjoni mill-ispiżjar minħabba li jinvolvu doża waħda biss ta’ mediċina, u għalhekk dawn huma meqjusa siguri biżżejjed biex jinxtraw u jittieħdu mill-pazjenta mingħajr konsultazzjoni ma’ tabib jew preskrizzjoni.
Meta metodu kontraċettiv regolari jiġi mwettaq, ikun hemm bżonn ta’ ‘follow up’, vista ta’ darba f’ sena minn professjonista medika pprattikata. Dan jassigura li l-metodu użat ikun għadu sikur u tajjeb. Waqt din il-konsultazzjoni jistgħu jiġu diskussi wkoll ċertu ‘side-effects’ u problemi li jistgħu jinqalgħu f’ dan ir-rigward. Qabel tgħaddi sena, konsultazzjoni tassigura li kollox ikun sew, bħal eżempju, biex jiġi aċċertat li l-‘coil’ tkun għadha f’ postha, biex jiġi assessjat l-effett tal-metodu ta’ kontraċettiv użat fuq il-‘period’, biex jiġu diskussi ‘side-effects’ jew tibdil fis-saħħa ġenerali tal-persuna, biex titneħħa ‘coil’ jew impjant meta mara tiddeċiedi li tagħmel hekk jew biex tibdel il-metodu kontraċettiv.
Lista ta’ kontraċettivi disponibbli għall-bejgħ bħalissa f’ Malta:
‘Condoms’ ta’ l-Irġiel
Kombinazzjoni ta’ Pilloli Orali Kontraċettivi:
Nelya
Yaz
Yasminelle
Yasmin
Mercilon
Adele
Vreya
Qlaira
Il-pilloli kollha t’ hawn fuq fihom kombinazzjoni ta’ estroġen u proġestoġen. Kollha huma effettivi ħafna jekk jittieħdu b’ mod korrett. L-aqwa għażla ta’ pillola kontraċettiva tiddependi mill-istorja klinika tal-individwu. Kull tip ta’ pillola għandha kompożizzjoni u doża differenti mill-oħra. Xi wħud saħansitra għandhom metodu differenti ta’ kif jittieħdu. Ftit minnhom jittieħdu kuljum, filwaqt li oħrajn jirrikjedu waqfa ta’ sebat’ ijiem bejn kaxxa u oħra.
Hemm tipi ta’ pilloli kontraċettivi li bħalissa mhumiex disponibbli hawn Malta minħabba li kemm il-Brexit kif ukoll il-Covid-19 affettwa l-importazzjoni u l-provvista tagħhom.
Il-‘Vaginal Ring’ fih kemm l-estroġen kif ukoll il-proġestoġen:
Nuvaring – Dan jiġi mdaħħal fil-vaġina għal 21 ġurnata, imneħħi għal 7 ijiem, u jkompli bl-istess rittmu.
‘Mini Pill’ jew il-‘Progestogen Only Pill’:
Lamya – Tittieħed kull ġurnata mingħajr interruzzjoni.
Pilloli Kontraċettivi t’ Emerġenza:
Escapelle jew Levonelle – pillola waħda ta’ proġestoġen li tittieħed sa 72 siegħa wara sess mingħajr protezzjoni.
Ella One – pillola waħda li jkun fiha ‘selective progestogen receptor modulator’ li tittieħed sa 120 siegħa wara sess bla protezzjoni.
Injezzjoni Kontraċettiva (proġestoġen):
Sayana – Injezzjoni kull 13-il ġimgħa
Implant (proġestoġen):
Implanon NXT – Jiġi mdaħħal taħt il-ġilda fin-naħa ta’ fuq tad-driegħ, iservi 3 snin.
‘Copper coil’ (mingħajr ormoni):
Monalisa – Imdaħħla fl-utru, isservi 10 snin.
Flexi T – Imdaħħla fl-utri, isservi 5 snin.
Eurogine – Imdaħħla fl-utru, isservi 5 snin.
‘Progestogen coil’:
Mirena – Imdaħħla fl-utru; isservi 5 snin; tgħin biex tikkontrolla ‘period’ qawwi ħafna.
Jaydess – Imdaħħla fl-utru, isservi 3 snin.
Sterilizzazzjoni Femminili / ‘Tubal occlusion’:
‘Laparoscopic surgery’ li ssir taħt anestetika ġenerali fejn il-‘fallopian tubes’ jiġu bblukkati jew imneħħija.
Sterilizzazzjoni Maskili / ‘Vasectomy’:
Ir-raġel jiġi referut għand urologu għal proċedura serġikali minima li ssir b’ anestetika lokali fejn il-‘vas deferens tubes’ jiġu blukkati.