Esperjenza li ġġiblek għoqda fl-istonku. Friefet fl-istonku.
Ħafna minna istintivament iħossu l-konnessjoni bejn is-sistema diġestiva u l-moħħ tagħna. Din il-korrelazzjoni, kif ukoll il mezz li bih il-flora batterjali fis-sistema diġestiva tagħna – il-mikrobioma tagħna – tista’ tkun ta’ għajnuna kontra l-mard mentali, sar qasam ta’ nteress għal diversi xjentisti f’dawn l-aħħar snin.
Analiżi ġdida tal-letteratura medika ssuġġeriet li probijotiċi – ikel jew supplimenti li fihom mikrobi maħsuba li jħallu influwenza pożittiva fl-imsaren tagħna – jistgħu jgħinu biex itaffu d-dipressjoni.
“Din hija riċerka ta’ kwalità tajba, iżda hija reviżjoni ta’ nformazzjoni relattivament preliminari,” jgħid Allan Young, li huwa professur ta’ diżordnijiet tal-burdati, fl-Istitut tal-Psikjatrija, il-Psikoloġija u Newroxjenza, f’King’s College Londra, lill-Science Media Center f’Londra.
“Mela filwaqt li din ir-reviżjoni sistematika tar-riċerka taqbel li l-pre u l-probijotiċi jistgħu ikunu ta’ għajnuna għal nies b’ anzjetà u dipressjoni, hemm bżonn ta’ aktar riċerka. Din l-informazzjoni tħejji lok għal tfittxija ta’ provi akbar,” qal Young, li ma kienx involut fir-reviżjoni.
Ir-riċerkaturi mill-Università ta ‘Brighton u l-Isptar Universitarju ta’ Croydon fir-Renju Unit ħarsu lejn 71 studju, ppubblikati bejn l-2003 u l-2019, li ħarsu lejn kif il-probijotiċi, u l-prebiotiċi (kimiċi li jgħinu l-probijotiċi jiffjorixxu) jistgħu jgħinu lill-adulti li jbatu bid-dipressjoni u / jew bl-anzjeta’.
Seba’ biss tqiesu b’ saħħithom biżżejjed biex jiġu nklużi fl-analizi, iżda dawn kollha wrew “bidla sinifikanti għall-aħjar” meta tkejjel l-effett tal-pre / probijotiċi kontra dawk ta’ l-ebda trattament jew plaċebo. Filwaqt li s-supplimenti probijotiċi waħedhom, jew flimkien ma’ prebijotiċi jistgħu ikunu marbuta ma’ tnaqqis kwantifijabbli fid-dipressjoni, il-kontribut lejn it-tnaqqis ta’ l-ansjetà ma kienx għadu ċar biżżejjed, skond l-istudju.
Ir-riċerkaturi qalu li l-analiżi tagħhom kellha diversi limitazzjonijiet: L-ebda studju inkluż ma dam fit-tul; u n-numru ta’ parteċipanti f’ kull studju relatat kien żgħir.
Qalu wkoll li dan għamilha diffiċli li wieħed jasal għal konklużjonijiet sodi, dwar l-effetti ġenerali, kemm damu, u jekk jistax ikun hemm xi effetti sekondarji mhux mixtieqa, assoċjati ma’ użu fit-tul.
David Curtis, konsulent tal-psikjatrija rtirat u professur onorarju fil-University College ta’ Londra, qal li mhuwiex probabbli li l-probijotiċi jkollhom effett fuq il-burdata.
“Għalkemm dawn l-istudji ppubblikati jiddikjaraw li juru xi benefiċċji ta’ probijotiċi fuq id-dipressjoni, ma għandna l-ebda idea jekk kienx hemm studji oħra li ma wrew l-ebda effett, li forsi ma ġewx ippubblikati”, qal lill-SMC.
“In-nies bid-dipressjoni għandhom ifittxu parir mediku u ma jippruvawx jittrattaw ruħhom b’ supplimenti tad-dieta, li mhumiex ta’ benefiċċju ppruvat.”
Diskrepanza fl-Għarfien
L-analiżi, li ġiet ippubblikata nhar it-Tnejn fil-‘journal BMJ Nutrition, Prevention & Health’, qalet li m’huwiex magħruf eżattament kif il-probijotiċi jistgħu jtaffu d-dipressjoni, iżda r-riċerkaturi ssuġġerew li l-effett jista’ jkun fuq żewg livelli.
L-ewwelnett, probijotiċi jistgħu jgħinu biex inaqqsu l-produzzjoni ta’ kimiċi infjammatorji, bħal ċitokini, jew jistgħu jgħinu biex jidderieġu l-azzjoni ta’ triptofan, kimika li hija maħsuba bħala waħda mportanti fil-konnessjoni ta’ bejn is-sistema diġestiva u l-moħħ, f’diżordnijiet psikjatriċi.
It-tieni nett, nies li jbatu bid-dipressjoni spiss ikollhom ukoll kundizzjonijiet sottostanti oħra, bħal nuqqas fil-produzzjoni tal-insulina u irritazzjonijiet fis-sistema diġestiva, b’hekk l-probijotiċi jistgħu jinfluwenzaw kif persuna tesperjenza d-dipressjoni billi ttaffi s-sintomi ta’ dawn il-kundizzjonijiet.
Madankollu, il-każ għall-użu ta’ probijotiċi fit-trattament ta’ diżordnijiet diġestivi għadu mhuwiex ċar.
Għall-maġġoranza tal-mard diġestiv – inklużi kundizzjonijiet diġestivi bħall-‘Crohn’s disease’, ‘ulcerative colitis’ jew irritazzjonijiet fis-sistema diġestiva, analiżi ppubblikata x-xahar li għadda mill-Assoċjazzjoni Gastroenteroloġika Amerikana qalet li m’hemmx biżżejjed evidenza biex tirrakkomanda l-użu ta’ probijotiċi.
Aqra l-artiklu sħiħ hawn: https://edition.cnn.com/2020/07/06/health/probiotics-supplements-depression-wellness/index.html
Awtriċi: Katie Hunt, CNN