Dr Jason Debono, President, flimkien mas-Segretarja Ġenerali Dr Joanna Delia, Teżorier, Dr Charlene Scicluna u membri fundaturi, Dr David Grech, Dr Tyron Pillow, u Dr Anna Maria Fenech Magrin, għandhom il-pjaċir iħabbru l-inawgurazzjoni uffiċjali tal-Assoċjazzjoni Maltija tat-Tobba Estetiċi (Aesthetic Physician Association of Malta – APAM).
Opportunita’ ta’ sħubija f’din l-Assoċjazzjoni hija miftuħa għat-tobba mediċi li huma liċenzjati f’Malta u li jeżerċitaw il-mediċina estetika full-time. Sħubija Assoċjata hija wkoll disponibbli għal Tobba mediċi li jeżerċitaw il-mediċina estetika part-time. L-APAN ġiet stabbilita biex tippromwovi u ġġib ‘l quddiem il-prattiċi effettivi, siguri u etiċi tal-mediċina estetika għall-benefiċċju tal-prattikanti mediċi u l-membri tal-pubbliku.
“Il-Bord irid jagħmel dan permezz ta’ tmexxija, informazzjoni, edukazzjoni, appoġġ, żvilupp professjonali u billi jżommu l-ogħla livelli professjonali bejn il-membri tagħha u fiċ-ċirkoli tal-mediċina estetika.” jgħid it-tabib Debono.
L-Assoċjazzjoni twieldet b’risposta għall-interess dinji dejjem jikber fl-iżvilupp mgħaġġel tal-estetika medika u l-ħtieġa ta’ ‘nformazzjoni aġġornata u edukazzjoni dwar il-kura meħtieġa għall-pubbliku sabiex ikun jista’ jagħmel għażliet tajba. Kura medika estetika hija l-isfera tat-Tobba Mediċi u għandha dejjem tkun eżerċitata minn professjonisti liċenzjati apposta u li huma regolati mill-Kunsill Mediku Malti permezz ta’ liġijiet, standards tal-Awtoritajiet tas-Saħħa u korpi oħra tal-Ministeru tas-Saħħa.
Bis-saħħa ta’ standards UNE – EN 168844:2018+A1, l-Unjoni Ewropea tirregola dan il-qasam, u l-membri ta’ din l-Assoċjazzjoni jieħdu dawn l-istandards b’serjeta’ kbira u jistennew li l-Awtoritajiet Maltin jagħmlu l-istess. L-Assoċjazzjoni għalhekk iżżomm l-ogħla standards professjonali fil-prattika tal-mediċina estetika fir-relazzjoni mal-prattika klinika u l-kura tal-pazjent. L-Assoċjazzjoni tippromwovi s-saħħa tal-pubbliku ġenerali billi twaqqaf, iżżomm u tenforza standards li huma spirati mill-prattiċi nternazzjonali, f’konformita’ mal-liġijiet applikabbli li joħolqu standard li għandu valur legali.
L-istandard Ewropew UNE – EN 168844:2018+ A1 jgħid dwar it-Trattament Mediku Estetiku:
3.1.5 – Il-prattikant għandu jkun tabib tal-mediċina awtorizzat mill-awtorita’ nazzjonali kompetenti sabiex jipprattika l-mediċina b’mod awtonomu. Tobba tal-mediċina awtorizzati mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom il-jedd li jwettqu trattamenti mediċi estetiċi basta jkunu mħarrġa f’dawn it-trattamenti. L-assistenti tagħhom għandhom ikunu tobba mediċi li huma fi skema post-graduate ta’ taħriġ, jew professjonisti tal-kura tas-saħħa awtorizzati li għandhom jaqdu ħidmiethom taħt is-superviżjoni diretta tal-prattikant (superviżjoni diretta tfisser li tkun fiżikament perżenti fil-faċilita’ u tkun tista tirrispondi u twettaq ħidmietha skont il-livell tar-riskju tal-proċedura).
3.1.7 – Trattamenti bl-użu ta’ lażer (tieni klassi u ogħla), dawl – (IPL u LED) u apparat ibbażat fuq enerġija oħra jistgħu biss jiġu applikati minn prattikanti mediċi kwalifikati jew minn professjonisti taħt is-superviżjoni diretta tal-prattikant.
“Il-valuri tal-Assoċjazzjoni huma dawk imħaddna mill-professjoni medika moderna u li huma ddikjarati fil-Liġi Applikabbli” tgħid Dr Delia. “L-Assoċjazzjoni sejra tippromwovi s-sigurta’ pubblika billi tagħti l-kontribut tagħha lill-awtorita’ pubblika, partikularment l-awtoritajiet tas-Saħħa fit-tixrid tal-informazzjoni u billi żżomm il-livell miksub għal kulħadd fl-industija, tikkollabora mal-awtoritajiet li jwettqu spezzjonijiet u awditjar u li tirraporta operazzjonijiet perikulużi lill-awtoritajiet relevanti.
Għad-dokument sħiħ (UNE – EN 168844:2018+A1) jekk jogħġbok żur: www.apam.care
Għal aktar informazzjoni żur:
F: https://www.facebook.com/Aesthetic-Physician-Association-of-Malta-111048300267829