Share the love

raw motherhood

F’dinja fejn l-opportunitajiet għall-avventura, vjaġġar, xogħol, liberta’ u ndipendenza għan-nisa qed jiġu aktar u aktar possibbli, il-prospett li nillimitaw lilna nfusna billi jkollna t-tfal ma’ tantx għadu jidher attraenti. Għalkemm wieħed jista jgħid li jekk ikollok it-tfal ma jfissirx li l-opportunitajiet għandhom jiġu llimitati, it-tfal jippreżentaw ostakli u anke aktar responsabbilta’. Irrid nammetti li qabel ma sirt omm jien stess, qatt ma ħsibt li nixtieq it-tfal. Il-ħajja ta’ omm hija waħda li qatt ma xtaqt.

Ma ridtx inċedi l-liberta’ tiegħi u l-affarijiet kollha li jferrħuni. Ma stajtx nifhem kif il-ħajja ta’ l-omm tista qatt tikkuntenta l-xi ħadd.

Il-ħajja tal-omm m’hijiex ħafifa jew mimlija ferħ u hena biss, bħal ma jġibuha fir-riklami. L-esperjenza personali tiegħi fetħitli qalbi għall-ferħ awtentiku. Għalkemm ħajti hija mimlija b’nuqqas ta’ rqad, imbarazz li ma jieqaf imkien, kura għas-saħħa personali limitata, u kemmxejn avventura, l-ammont ta’ ferħ pur li nesperjenza hija xi ħaġa li niċċelebra mingħajr mistħija. Hija forma ta’ ferħ li mhux dejjem tista taraha, imma li hija dejjem preżenti bil-kobor kollu tagħha.

F’ġurnata waħda rrealizzajt kemm il-ħsieb tiegħi rigward il-ferħ inbidel drastikament. Seħħet veru kmieni f’ġurnata ordinarja, fejn it-tifel tiegħi kellu madwar xahrejn-tlieta. Ftit ġimgħat qabel kien qed ikun veru stitiku u ma setax ibattal l-imsaren għal ftit ġranet (iva, din hija storja bbażata fuq il-ħmieġ tat-trabi). Konna diġa bdejna nduru lejn il-lassattivi li kienu jaħdmu skont l-okkażjoni, imma ma kinitx soluzzjoni li li kellna niddependu fuqha. Kont għadni żgħira, mingħajr esperjenza u kont relattivament omm ġdida, b’hekk ħassejt li b’xi mod jew ieħor dan kien it-tort tiegħi. Il-ħalib ta’ sidri ma kienx tajjeb biżżejjed u kien qed iħalli lit-tifel tagħna jitgħawweġ bl-uġiegħ u l-iskumdità.

Dak il-lejl kien lejl kiefer u ma tantx irqadt. Iż-żgħir qam kull siegħa u kien ċert li jibda l-ġurnata fil-5 ta’ filgħodu. Nofsni rieqda rnexxieli nqum mis-sodda u mort fuq ic-‘changing table’ biex inbiddilu l-ħarqa.

Għajnejja w’ ġismi bdew juġgħuni u bdejt inħossni ma niflaħx, għajjiena u bla saħħa. L-għajja kienet qed tkissirni u ma kontx lesta għal ġurnata oħra bħala omm.

Imma, waqt li bdejt inbiddel il-ħarqa tat-tifel, il-burdata inbidlet kompletament. Dan it-tifel żgħir tiegħi kien irnexxielu jagħmel l-aktar ħmieġ jinten li qatt esperjenzajt f’ħajti kollha! U filwaqt li għal ħafn’ ommijiet din żgur ma kinitx tkun sorpiża ta’ ferħ, speċjalment fil-5 ta’ filgħodu, jien ħassejtni ferħana se ntir!

Il-burdata kerha mill-ewwel inbidlet, u l-ferħ li kelli fija kien indeskrivibbli. Veru ħassejtni kburija b’ ibni li kien irnexxielu jbattal dak il-ħmieġ kollu waħdu, u issa hu kien finalment ferħan u kuntent ukoll. Qatt ma ħsibt li se nkun daqshekk ferħana jien u nimsaħ il-ħmieġ tat-tifel, imma dak il-ħmieġ kien ifisser li t-tifel kien qed iħossu aħjar. Kien f’dak il-mument fejn verament irrikonoxxejt gratitudni għall-ewwel darba.

Qabel ma kelli t-tfal kelli ħafna raġunijiet li bihom kont inħossni vera fortunata, imma ma kellix il-mentalita’ biex naprezzaha. Wara li ħadt ir-responsabbiltà għas-sikurezza u l-benesseri ta’ wliedi, sirt aktar grata għall-affarijiet żgħar. Li tkun tista’ tgħix ġo pajjiż sikur, li ma jkollokx għalfejn tinkwieta fuq l-ikla li jmissek, li jkollok saħħtek u saqaf fuq rasek huma teżori li finalment bdejt nifhem sew.

Barra minn hekk, il-mumenti ta’ paċi u solitudni li qed isiru veru rari f’ħajti, il-mumenti li għandi għalija nnifsi qed isiru aktar prezzjużi. Qabel it-tfal, dawn l-affarijiet iż-żgħar li għandhom sbuħija sempliċi kienu qed jintilfu fl-avvenimenti l-kbar li kienu qed jiġru f’ħajti. Imma issa, il-filgħodijiet li fihom inkun nista’ ngawdi tazza te’ mingħajr ma nkun interrotta hija xi ħaġa li verament napprezza.

Għalkemm it-tfal ġabu taqlib sħiħ f’ħajti, kienu huma li tawni wkoll forma aktar ċara tal-ħajja: Għallmuni kif ingawdi ħajti fil-forma sempliċi tagħha.

Filwaqt li esperjenzajt mumenti ta’ ferħ f’ħajti qabel ma kelli t-tfal, dawn kienu konnessi ma avvenimenti signifikanti bħal vjaġġar, btaliet, xogħol ġdid, studju u oġġetti materjali. Dawn il-perjodi ta’ sodisfazzjon u ferħ ma kinux se jdumu għal żmien twil u kienu perjodi superfiċjali. Sa ċertu punt, jien kont qed ‘niġri’ wara l-ferħ, kont naħseb li se nsib dan il-ferħ f’pajjiż ieħor, esperjenzi ġodda, relazzjoni ġdida, xogħol ġdid jew ħwejjeġ ġodda. Li nsir omm ippermettieli biex nagħraf forma ta’ ferħ aktar profonda, b’saħħitha, soda u pura. M’hijiex emozzjoni li teħtieġ li tiġi murija, jew li tkun viżibbli fuq il-wiċċ, imma hija sentiment ta’ kuntentizza u grazzja konsistenti.

Mhux l-intezzjoni tiegħi li nimplika li jrid ikollok it-tfal biex tkun ġenwinament ferħana. Nemmen li l-prattika tal-gratitudni tħallina ngħixu eżistenza aktar sinifikanti, kemm bit-tfal kif ukoll mingħajrhom. It-tfal tiegħi u l-esperjenza tiegħi li nkun omm sempliċiment ippermettewli niġbed din il-forma ta’ ferħ li ma stajtx niġbed qabel. Dan huwa aspett tal-maternita’ li ngħożż f’qalbi u li jgħini negħleb id-diffikultajiet ta’ ħajti. Filwaqt li nirrikonoxxi l-mumenti brutali u ta’ uġigħ li toffri l-maternità, nixtieq ukoll infaħħar is-sbuħija potenzjali tagħha.

Dwar l-Awtriċi

Raw Motherhood huwa blog li jesponi l-vjaġġ reali, mingħajr ħabi, tal-ħajja tal-mara, bil-mumenti għoljin u baxxi li jkabbru lit-tfal u dak kollu li jfisser li tkun omm.


Share the love

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *