Share the love

PMS, is-sindromu ta’ qabel il-menstrwazzjoni, il-frażi mhux mifhuma li ilha twassal lil bosta nisa jitqiesu bħala isteriċi. Il-frażi li ħafna jużaw biex jisvalutaw l-uġiegħ u l-iskumditezza li ħafna nisa jkollhom jissaportu kemm qabel, waqt, kif ukoll wara l-menstrwazzjoni.

L-inizzjali PMS Premenstrual Syndrome, li jirreferi għas-sindromu ta’ qabel il-menstrwazzjoni, huwa essenzjalment taħlita ta’ sintomi li ammont kbir ta’ nisa jesperjenzaw minn ġimgħa sa ġimgħatejn qabel il-menstrwazzjoni. Dawn is-sintomi jinkludu għajja, dipressjoni, burdati, tenerezza fis-sider, irritabilita’ u aptit ta’ tnaqqir żejjed ta’ ikel.

Il-lista tas-sintomi hija waħda vasta u l-intensita’ tvarja, iżda tibqa’ komuni. Fil-fatt taffettwa madwar tlieta minn kull erbgħa nisa li jkollhom il-menstrwazzjoni (skond WomensHealth.gov).

Personalment inbagħti bis-sindromu ta’ qabel il-menstrwazzjoni, u kien ikolli ċiklu rregolari ħafna. U għalhekk għal żmien twil l-esperjenza ta’ dawn is-sintomi kienet waħda pjuttost imprevedibbli, li ma kinitx ittini ċans nifhem x’kien qed jiġri eżatt.

Nikkonsidra lili nnifsi bħala persuna b’konnessjoni ma l-emozzjonijiet tiegħi u dejjem kont kapaċi niffunzjona sew ikunu x’ikunu l-emozzjonijiet li nkun qed nesperjenza. Iżda maż-żmien bdejt ninnota li l-PMS għandu effett sottili iżda mportanti fuq l-istat emozzjonali tiegħi u konsekwentement il-motivazzjoni tiegħi ukoll. Fil-qosor, kien hemm drabi fejn minħabba l-PMS ħassejtni bla ħeġġa ta’ xejn. Kien hemm mumenti oħra fejn meta stembaħt xtaqt li ma kont stembaħt xejn.

Mill-esperjenza personali tiegħi nista’ ngħid li timmanifesta f’mewġ ta’ dwejjaq kbar bla spjegazzjoni. Kont nesperjenza konfużjoni fija nnifsi minħabba li ma stajtx nifhem minn fejn kien ġej dan id-dwejjaq kollu, u b’hekk kont niffrustra ruħi, kemm fil-konfront tiegħi kif ukoll fil-konfront f’ ta’ madwari. Għalkemm bħal ma semmejt aktar il-fuq, minn xahar għal ieħor normali li jkun hemm varjazzjoni ta’ l-emozzjonijiet. Nesperjenza wkoll sintomi oħra bħal uġiegħ fl-istonku u wġiegħ ta’ ras. Dan jista’ jvarja minn mara għal oħra, iżda qed insemmihom għax nixtieq li aktar nisa, speċjalment dawk t’eta’ iżgħar, ikunu jistgħu jirrelataw mal-esperjenzi tiegħi u jagħrfu u jifhmu li dan huwa kollu normali.

Personalment għaraft ukoll li jekk naċċetta l-emozzjonijiet tiegħi inkun qed ngħin lili nnifsi aktar. Eżempju, riċentament, xi ġimgħa qabel il-menstrwazzjoni tiegħi kont qed inħossni mdejqa ħafna dwar ħaġa partikolari, u għalhekk iddeċidejt li mmur mixja. Bdejt din il-mixja prattikament niġri b’rabja ġewwa fija, u saħansitra waqaft nibki tlett darbiet.

Għalkemm ħassejtni mdejqa ħafna, irnexxieli nneħħi minni ħafna emozzjonijiet, u dan kien mod terapewtiku għalija. Għalhekk nissuġġerixxi l-mixi jew kwalunkwe tip t’eżerċizzju bħala mod li bih kapaċi tnaqqas xi ftit l-impatt tas-sintomi tal-PMS.

Filfatt, studju juri li nisa li għamlu siegħa eżerċizzji aerobiċi tlett darbiet f’ġimgħa għal tmien ġimgħat konsekuttivi, ħassewhom aħjar mentalment, fiżikament u emozzjonalment. L-eżerċizzji aerobiċi jirrilaxxaw endorfini, li huma kimiċi fil-moħħ li kapaċi jnaqqsu ftit mill-uġiegħ ikkawżat mill-ormoni rilaxxati waqt il-PMS. Huwa rakkomandat li dan l-eżerċizzju jitkompla tul ix-xahar kollu, u jekk ma tkunx bil-burdata li tagħmel eżerċizzju, agħti ċans lil ġismek jistrieħ ftit u mur għal mixja ħafifa minflok.

Meta nesperjenza uġiegħ intensiv fil-ġisem, inklużi wġiegħ ta’ ras u ‘cramps’, ħafna drabi jkolli nieħu pilloli għall-uġiegħ bħal ma huma l-Ibuprofen. Għalkem il-PMS huwa daqstant komuni, għad fadal stigma allarmanti dwaru.

Għal mijiet ta’ snin ħafna rġiel ipprovaw iwaqqfuna milli nitkellmu dwar dan, u libbsuna tikketta ta’ ‘drammatiċi żżejjed’. U għal ħafna snin in-nisa ħassew li għandhom jiskużaw ruħhom għal kull meta ħassewhom emozzjonati, ‘bossy’ jew ‘bla raġuni’. L-irġiel użaw iċ-ċiklu menstrwali tan-nisa bħala xi ħaġa li biha jistgħu jirridikolawna jew jitfgħulna sens ta’ ħtija. Naħseb issa huwa ċar li kellhom u għandhom żball kbir.

Għalkemm ħafna minna jsofru mill-PMS kull xahar, kemm mentalment kif ukoll fiżikament, xorta nkomplu b’xogħolna b’mod normali. M’hemmx għalfejn ngħidu li l-ebda mara m’għandha tibża’ jew tistħi tgħid li tbati mill-PMS. Dawn l-ormoni huma parti minn natura tagħna, u b’mod kostanti jgħinu lillna n-nisa nuru li għandna reżiljenza li l-ebda raġel ma jista’ qatt ikollu (u b’dan mhux infisser li hemm xi ġeneru aktar b’saħħtu minn ieħor, iżda qed nipprova nuri s-saħħa li l-mara għandha anke meta tesperjenza l-istress ikkawżat bil-menstrwazzjoni, li hi ħaġa li raġel ma jistax jesperjenzaha. Għalhekk in-nisa għandhom iħossuhom kburin).

Nieħu gost nara rġiel li jirrikonoxxu l-PMS, dawk l-irġiel li jinnotaw u japprezzaw il-maġija li hemm fina n-nisa. Komplu hekk! Tajjeb ngħidu pero li l-istigma mhix inevitabbli, u l-edukazzjoni biss tista’ twassal biex nifhmu l-ġisimna u l-ġisem ta’ dawk ta’ madwarna.

Qatt ma ġejt mgħallma dwar il-PMS sakemm kelli bżonn nirriċerka dwarha. Filfatt, niftakar lil persuna tgħidli li PMS tfisser ‘Period Mood Swings’ (frażi li twaqqa’ sindromu f’ sintomu wieħed – ħaġa li turi kemm is-soċjeta’ tħobb tpinġi lin-nisa b’instabbilta’ emozzjonali).

Nemmen li għandna ngħallmu lill-uliedna dwar it-tibdil fiżiku u psikoloġiku tagħna, biex b’hekk jifhmu li l-ebda żewġ esperjenzi m’huma l-istess, li mhumiex strambi meta jesperjenzaw emozzjonijiet differenti, u li huwa aċċettabbli li jagħtu lilhom infushom brejk waqt li japprezzaw is-sinifikanza tas-sistema menstrwali tal-mara. Din it-tip t’edukazzjoni hija integrali anke għall-irġiel għax hekk kif xi ħadd jifhem kif ħaddieħor qed iħossu, jkun kapaċi jirrispettah.

Il-messaġġ finali tiegħi huwa lin-nisa kollha. M’għandna qatt niskużaw ruħna għal dak li aħna jew dak li l-PMS iġagħlna nidhru li aħna. L-emozzjonijiet tagħna huma ġustifikati anke jekk mhux dejjem nifhmuhom. U finalment, ejjew nitgħallmu nħarsu lejn ġisimna bħala l-ħaġa nkredibbli li hi, u nittrattawha hekk kif inhi.


Share the love

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *