Ħassejtni vera ddisturbata bl-ammont ta’ stejjer li ġew imtella’ fuq Women for Women (Malta) bħala parti mill-moviment ta’ #metooMalta. Wara li qrajt storja ġegħlitni nħoss għafsa ta’ qalb, bdejt naħseb bejni w’ bejn ruħi, “fejn huma l-irġiel it-twajba?”.
Tagħmel l-ebda żball hawn: abbuż sesswali jista’ jiġri minn kull ġeneru u għal kull ġeneru. B’hekk li ngħallmu lit-tfal tagħna dwar ir-rispett, il-kunsens, il-fiduċja u l-konsiderazzjoni għal persuni oħra hija ta’ mportanza kbira, irrispettivament mil-ġeneru u mill-eta’.
Madankollu, studji jindikaw li teżisti rabta bejn il-maskilinità tossika, l-imġieba vjolenti, u l-ħtieġa li jassumu poter. X’inhi maskilinità tossika? Dan it-terminu ġeneralment jirreferi għall-imġieba dannuża u distruttiva bl-idea sterjotipika ta’ xi jfisser li tkun raġel. L-isfida tagħna bħala ġenituri u edukaturi hija li ngħinu lis-subien jitgħallmu li t-tmexxija mhijiex dwar il-wiri ta’ dominanza w’ kontroll. Minn naħa tagħna, aħna bħala nisa rridu ngħinu lill-irġiel jifhmu li l-vjolenza u l-aggressjoni m’humiex sinjali ta’ “raġel veru” u li turi l-emozzjonijiet u tkun vulnerabbli m’humiex sinjali ta’ djufija.
Kif nistgħu ngħinu lill-irġiel f’ħajjitna jiksbu dan?
- Nisimgħu: Irridu nisimgħu b’attenzjoni, mingħajr ma niġġudikaw, dak li jridu jgħidulna t-tfal. Ejja noħolqu spazju fil-familji tagħna fejn it-tfal jesperjenzaw imħabba bla kundizzjonijiet. Ejja ngħinu lit-tfal iħossu li l-ħsibijiet u l-emozzjonijiet tagħhom huma importanti u li aħna nagħtu kashom. Xi kultant, bħala ġenituri ngħaġġlu biex insibu soluzzjoni malajr kemm jista’ jkun. Jekk nieqfu u nisimgħu, it-tfal kapaċi joħorġu b’soluzzjonijiet weħidhom u flimkien ikunu jistgħu jesploraw l-ideat u l-ħsibijiet tagħhom. Barra minn hekk, li nisimgħu lit-tfal jgħinhom jifhmu l-emozzjonijiet tagħhom u jsiru mudelli t’ empatija. Li jiżviluppaw l-empatija hija xi ħaġa verament importanti biex eventwalment jibnu relazzjonijiet sinifikanti u li jġibu ruħhom b’kompassjoni. L-empatija tgħin lit-tfal jagħrfu u jifhmu aħjar l-emozzjonijiet u l-ħsibijiet ta’ dawk ta’ madwarhom, kif ukoll jiżviluppaw imġieba ta’ kompassjoni. Li noħolqu l-empatija fit-tfal tagħna hija importanti, għax subien empatiċi jikbru f’ irġiel empatiċi. L-abbilta’ li tifhem kif tħossha mara tista’ tipprevjeni azzjonijiet li kieku ma kienx ikollhom problema jagħmlu.
- Niksbu nteliġenza emozzjonali: Li ngħinu lit-tfal tagħna jiżviluppaw inteliġenza emozzjonali hija importanti. Inteliġenza emozzjonali tinkludi l-abbilta’ li tidentifika l-emozzjonijiet tal-persuna, issemmihom u tifhem kif tista tirregolahom. Dan il-proċess jgħin biex tiġi normalizzata l-firxa ta’ emozzjonijiet min-nervi sad-dwejjaq u l-għira, u tgħin lit-tfal jidentifikaw it-‘triggers’ u kif għandhom jaġixxu meta jesperjenzaw dawn l-emozzjonijiet. Li tkun taf x’joħloq emozzjonijiet negattivi mhux biss jgħinek tipprevjeni għemil mhux xieraq, imma jagħti ċ-ċans lit-tfal jitrattaw l-emozzjonijiet negattivi tagħhom b’mod sikur mingħajr ma jweġġgħu lilhom infushom jew lil ta’ madwarhom.
- L-indirizzar tal-maskilinità tossika: Bħal ma ġiet imsemmija qabel, il-maskilinità tinvolvi sett distint ta’ mġieba u attributi li huma assoċjati b’mod sterjotipiku ma x’jiġifieri li tkun raġel. Dawn il-karatteristiċi jinkludu l-aggressjoni, attitudni ta’ xi ħadd dominanti u kompetittività, fost l-oħrajn. Ħafna minn dawn il-karatteristiċi jiġu mgħoddija fit-tfal tagħna mingħajr ma nafu; il-ġenituri hemm ċans li jgħidu lit-tfal subien tagħhom li l-“irġiel ma jibkux”, li “għandhom ikunu b’saħħithom” u li “għandhom ikunu xi ftit aktar ħarxa”. Dawn il-karatteristiċi huma idolizzati f’żoni bħal ambjenti tax-xogħol u sport kompetittiv. Mingħajr ma nkunu nafu, hemm ċans li aħna stess inkunu qed ninkoraġġixxu lit-tfal tagħna jaddattaw dawn il-karatteristiċi fihom infushom. Minflok għandna nimmudellaw imġieba alternattiva waqt li nimmiraw ukoll li nsawwru d-definizzjoni ta’ maskilinità f’xi ħaġa oħra għajr is-saħħa fiżika. Minflok ngħidu lis-subien tagħna biex ma jibkux, nistgħu ninkuraġġuhom juru l-emozzjonijiet tagħhom u nuruhom li xi kultant kollha kemm aħna jkollna bżonn nibku. Irridu noħolqu atmosfera fejn is-saħħa m’hijiex biss fiżika; is-saħħa hija li titratta lil persuni oħra b’mod ġentili u għalhekk għandhom jitgħallmu jikkontrollaw l-emozzjonijiet tagħhom. Billi nagħmlu hekk it-tfal tagħna jifhmu li li tkun raġel m’hijiex ugwali għal li tkun aggressiv jew dominanti. Għall-kuntrarju, dak li l-perspettiva tal-maskilinità tossika turi bħala dgħjufija hija fir-realta’ xi ħaġa b’saħħitha ħafna.
Finalment, bħala nisa rridu nemmnu li aħna għandna leħen. Aħna ommijiet, nisa ta’ rġiel, ‘partners’, tfal, aħwa, kollegi, edukaturi u ħbieb. Għandna bżonn li nemmnu li nistgħu nagħmlu differenza mill-konverżazzjonijiet, mir-relazzjonijiet, mill-‘mentoring’, u billi nkunu ġenituri. Bħala adulti rridu naċċettaw xejn inqas mir-rispett fir-relazzjonijiet tagħna, u qatt ma rridu ninsew il-valur personali tagħna.
Anna Catania (MCouns PG Dip fit-Terapija dwar il-Psikosesswalita’ u r-Relazzjonijiet. Anna hija ‘counsellor’ specjalizzata fuq is-sesswalita’ u r-relazzjonijiet. Hija tipprovdi pariri lill-individwi u koppji li qed jesperjenzaw problemi bis-sesswalita’, relazzjonijiet u intimita’.
Għal aktar informazzjoni dwar Anna kif ukoll lista ta’ artikli miktuba minnha fuq Wham agħfas hawn