F’kitba fuq Facebook fl-2015, Mark Zuckerberg qal li korriment huwa esperjenza ta’ solitudni li tesperjenza waħdek. Hu qal dan il-kliem hekk kif hu u martu kienu qed jistennew tarbija wara tlett korrimenti. F’dak iż-żmien, din il-kitba rċeviet 1.7 miljun ‘like‘ u l-koppja ġiet imfaħħra talli tkellmet b’mod apert dwar suġġett daqshekk diffiċli.
Ir-riċerka turi li l-korriment huwa l-aktar kumplikazzjoni komuni tat-tqala. Tqala minn kull erbgħa tintilef f’korriment. Din it-telfa tista’ tħalli effetti devastanti kemm fl-irġiel kif ukoll fin-nisa li jesperjenzawha. Sfortunatament, fil-maġġoranza tal-kulturi, korriment għadu meqjuż bħala suġġett tabu’. Dan narawh ċar fil-fatt li l-koppji ta’ spiss jingħataw parir biex ma jħabbrux tqala ġdida mal-familjari u l-ħbieb qabel it-12-il ġimgħa. Għalhekk, dawk li jesperjenzaw korriment kmieni fit-tqala spiss jispiċċaw iħossuhom iżolati u waħedhom.
Il-maġġoranza tal-koppji li jesperjenzaw korriment jgħaddu minn telfa b’5 stadji, kif deskritt minn Elisabeth Kubler-Ross. Għall-ewwel jista’ jkun hemm sens ta’ ċaħda…’ma jistax ikun li dan qed jiġri lilna‘. Jista’ jkun hemm ukoll rabja għall-isfortuna tas-sitwazzjoni, jew rabja lejn il-partner, it-tabib jew xi professjonisti oħra li jkunu qed jassistu l-koppja waqt il-proċess tal-konċepiment…’Għaliex ma rnexxilhomx? Suppost dawn esperti!‘. Fil-fażi suċċessiva tan-negozjar, il-mara tibda tagħmel kull ma tista’ biex tinqabad tqila, tibdel id-dieta tagħha u taqra kull ma ssib dwar il-konċepiment. Kultant il-koppja tista’ wkoll tesperjenza emozzjonijiet dipressivi, djufija u nuqqas ta’ tama. Jekk din il-fażi tieħu pjuttost fit-tul, huwa tajjeb li l-koppja tfittex għajnuna professjonali. Waqt il-fażi ta’ l-aċċettazzjoni, il-kopja tibda terġa tagħmel kuraġġ u tittama f’riżultat aħjar. F’dan il-punt il-kopja tista’ tibda tesplora possibiltajiet oħra bħal teknoloġija ta’ riproduzzjoni assistita (ART), addozzjoni, jew ħajja mingħajr tfal. Huwa mportanti nsemmu li l-proċess ta’ niket mhuwiex fiss u b’hekk, emozzjonijiet ta’ telfa jistgħu jerġgħu jiġu esperjenzati matul iż-żmien u fi żminijiet li ma jkunux mistennija.
Is-silenzju marbut ma’ korriment jista’ jkun diffiċli mmens biex tħabbat wiċċek miegħu. M’hemmx mod partikolari li tista’ tuża biex tfieq minnu. Madankollu, ċertu attivitajiet jistgħu jgħinu.
Il-kitba
Il-kitba tista’ tkun mezz ta’ fejqan. Hija mod li bih persuna tista’ tesprimi l-emozzjonijiet tagħha li tkun għadha mhix lesta taqsam ma ħaddieħor. Fil-fatt, il-kitba tista’ tgħin biex persuna tesprimi rabja, dwejjaq u emozzjonijiet ta’ telfa. Mezz li tista’ tuża f’dan il-każ huwa li tikteb ittra lit-tarbija li kont qed tittama li jkollok, u fiha tesprimi dak kollu li għandek f’qalbek.
Iżra’ ġnien
Li tkun imdawwra bin-natura jew il-baħar jippromovi fejqan. Barra minn hekk, hemm xi ħaġa speċjali marbuta ma tħawwil ta’ żerriegħa, xogħol fil-ħamrija u tkabbir ta’ pjanti. Li tiżra’ żerriegħa b’dedikazzjoni għal korriment jista’ jirrifletti tama ġdida.
Ikkrea komunita’ ta’ sapport
Żomm lilek innifsek imdawra minn familjari u ħbieb li jifhmuk u li kapaċi jisimgħuk. Aċċetta li toħroġ tippassiġġa waqt li titkellem dwar it-telfa li esperjenzajt. Tiżolax lilek innifsek minn dawk li jħobbuk speċjalment mill-partner tiegħek. X’aktarx li dawn ikunu qed jesperjenzaw l-istess telfa tiegħek bil-mod tagħhom ukoll…
Fid-dinja tal-lum, dinja aktar miftuħa u konnessa, li niddiskutu dawn is-sitwazzjonijiet ma jbegħduniex minn xulxin; anzi, jgħaqqduna aktar. Joħolqu għarfien u tolleranza, u jagħtu tama ġdida.
Zuckerberg, 2015
Jekk esperjenzajt korriment u tixtieq taqsam l-istorja tiegħek magħna ta’ wham, kemm f’ismek u anke b’mod anonimu, ikkuntattjana jew ibgħatilna imejl fuq [email protected]
Anna Catania (MCouns PG Dip fit-Terapija dwar il-Psikosesswalita’ u r-Relazzjonijiet. Anna hija ‘counsellor’ specjalizzata fuq is-sesswalita’ u r-relazzjonijiet. Hija tipprovdi pariri lill-individwi u koppji li qed jesperjenzaw problemi bis-sesswalita’, relazzjonijiet u intimita’.
Għal aktar informazzjoni dwar Anna kif ukoll lista ta’ artikli miktuba minnha fuq Wham agħfas hawn