Share the love

exercise during pregnancy

L-eżerċizzju waqt it-tqala għandu ħafna benefiċċji kemm għall-omm kif ukoll għat-tarbija fil-ġuf. Meta tipparteċipa f’ eżerċizzju mingħajr riskju u żżomm ruħek attiva, tħossok tajba kemm fiżikament kif ukoll mentalment.

Benefiċċji ta’ l-eżerċizzju waqt it-tqala

  • Jgħinek iżżomm fil-limitu rakkomandat ta’ piż waqt it-tqala
  • Inaqqas kull uġigħ li spiss nassoċjawh mat-tqala bħal ma hu l-uġigħ fid-dahar
  • Isaħħaħ il-muskoli tal-pelvis: benefiċċju li jgħinek ukoll waqt il-ħlas
  • Jgħinek iżżomm il-pressjoni taħt kontroll, li jservi ta’ benefiċċju speċjalment minħabba li l-pressjoni spiss iżżid waqt it-tqala
  • Inaqqas l-istress kif ukoll ir-riskju ta’ dipressjoni ta’ wara t-tqala
  • Jgħinek iġġib lura l-figura li kellek qabel it-tqala fl-inqas żmien possibbli

Konsiderazzjonijiet

In-nisa jesperjenzaw ħafna tibdil fiżjoloġiku waqt it-tqala, u għalhekk, qabel ma tibda xi tip ta’ eżerċizzju tajjeb li tieħu l-prekawzjonijiet kollha neċessarji, speċjalment jekk ħajtek hija waħda attiva ħafna.

Fost il-prekawzjonijiet li jistgħu jgħinuk qabel ma tibda eżerċizzju nsibu:

  • Tilbes ilbies ħafif u tixrob l-ilma spiss
  • Twaqqaf l-eżerċizzju immedjatament jekk tħoss xi sintomi bħal sturdament jew qtugħ ta’ nifs
  • Taċċerta ruħek li l-ambjent li fih tagħmel l-eżerċizzju huwa sikur. Żomm ‘First Aid Kit’ fil-qrib. Ħalli t-twieqi miftuħin ħalli jkollok aktar arja tiċċirkola madwarek, uża ‘gym mat’ ħalli tevita waqgħat bla bżonn, u jekk jista jkun ara li jkun hemm xi ħadd qribek biex f’ każ ta’ bżonn issib l-għajnuna.
  • Idealment kul xi ħaga ħafifa imma nutrittiva qabel tagħmel eżerċizzju ħalli jkollok l-enerġija li għandek bżonn.

Testijiet sempliċi jistgħu jintużaw biex jidentifikaw kwalunkwe tibdil fiżjoloġiku fik waqt it-tqala, bħal ma huma l-iċċekkjar tal-pressjoni, temperatura u l-polz. Jista wkoll isirlek ‘risk assessment’ biex tara x’ effetti jista’ jkollu l-eżerċizzju fil-każ partikolari tiegħek. Tajjeb li dejjem tkellem lit-tabib tiegħek jekk ikollok xi dubji.

Riskji assoċjati ma’ eżerċizzju waqt it-tqala

Għalkemm jeżistu riskji li huma assoċjati ma’ l-eżerċizzju waqt it-tqala, tista titlob lil xi għalliema mħarrġa fil-qasam ta’ l-edukazzjoni fiżika biex ittik pjan magħmul speċifikament għalik. Dan jiġi mfassal skond l-istil ta’ ħajja tiegħek kif ukoll jikkonsidra problemi jew kundizzjonijiet oħra eżistenti. B’ hekk inti tkun tista tagħmel eżerċizzju tajjeb għalik filwaqt li jkollok inqas riskji.

Tajjeb iżżomm f’ moħħok li jekk tbati minn xi kundizzjonijiet oħra bħal ma huma kundizzjonijiet kardjovaskulari (tal-qalb), dijabete jew pressjoni għolja, dejjem ħu parir mingħand it-tabib tiegħek qabel tibda xi forma ta’ eżerċizzju. Dan jista jissuġġerilek ukoll l-aħjar eżerċizzji li huma speċifikament tajbin kemm għalik kif ukoll għat-tarbija li qed iġġorr.

Iktar informazzjoni

Hawn isfel tista ssib u taċċessa PDF li fih informazzjoni dettaljata dwar dan is-suġġett, miktub minn Maya Borg (B.Sc. Sport, Exercise and Health) dwar għażla vasta ta’ eżerċizzji li huma sikuri u produttivi, ideali għall-mara tqila u t-tibdil kollu li t-tqala ġġib magħha, kif ukoll informazzjoni dwar addattamenti fiżjoloġiċi tal-mara tqila b’ relazzjoni ma’ l-eżerċizzju fiżiku u l-benefiċċji kollha relatati miegħu.

http://wham.com.mt/wp-content/uploads/2020/07/Exercise-During-Pregnancy-MAYA-BORG-PDF-FULL-VERSION.pdf

Dwar l-Awtriċi

Maya Borg qed tistudja għal Bachelor’s degree in Sports, Exercise and Health fl-MCAST. Inizzjalment kienet imħajra tistudja biex issir qabla minħabba l-interess li kellha fl-iżvilupp tal-fetu. Madankollu kif daħlet għal kors relatat ma l-ixjenza wara l-isport, Maya rrealizzat kemm kien isbaħ li setgħet tgħaqqad l-aqwa żewġ interessi li kellha: Eżerċizzju u s-saħħa relatata mat-tqala.

Wara li tlesti l-Baċellerat tagħha, Maya qed tippjana biex tkompli l-istudju tagħha b’ Masters fil-fiżjoloġija ta’ l-eżerċizzju jew fl-isport, nutrizzjoni u kontroll tal-piż, bi speċjalizzazzjoni fit-tqala.

Maya taspira li tibda taħdem biex tinkludi l-eżerċizzju bħala trattament għal nisa tqal u tneħħi l-istigma li l-eżerċizzju jagħmel il-ħsara waqt it-tqala. Interessi oħra ta’ Maya huma gwida għal ommijiet tqal b’ rakkomandazzjonijiet nutrittivi għat-tqala, assessjar għal tibdil fil-ġisem waqt it-tqala, manteniment adekwat ta’ piż waqt it-tqala u għajnuna lill-omm biex tikseb il-piż lura li kellha qabel it-tqala.

Tista’ tikkuntattja lil Maya direttament fuq Facebook hawn: https://www.facebook.com/mayaborg18


Share the love

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *