Share the love

iġene orali

Is-saħħa orali tinkludi s-saħħa relatata mal-ħalq, inklużi s-snien, il-ħanek, il-griżmejn, u l-għadam ta’ madwar il-ħalq, ġogi u muskoli li nogħmodu bihom. Saħħa orali tajba hija aktar minn snien bla ħsara. Il-ħalq huwa passaġġ dirett lejn il-ġisem, u jirrifletti direttament fi problemi oħra bħal dijabete, lewkimja u lupus.

Kura ġenerali għal ħalqek

Id-dentisti jirrakkomandaw li kulħadd għandu jaħsel snienu mill-inqas darbtejn kuljum għal żewġ minuti b’ ‘toothpaste’ bil-‘fluoride’ (b’ konċentrazzjoni qrib ta’ 1500ppm F – dan tista’ tikkonfermah fuq wara tat-tubu tat-‘toothpaste’ tiegħek. ‘Flossing’ idealment għandu jsir darba kuljum għax dan jgħinek tnaddaf bejn is-snien, post li bit-‘toothbrush’ ma tilħqux. Tista’ wkoll issib alternattivi għal flossing bħal ma huma l-‘interdental brushes’ (li jiġu f’ varjeta’ ta’ qisien li normalment jiġi ssuġġerit mid-dentist tiegħek), ‘picks’ tal-injam jew tal-plastik, kif ukoll ‘flossers’ ta’ l-ilma.

L-aktar episodju mportanti tal-ħasil tas-snien huwa bla dubju l-ħin eżatt qabel tidħol torqod filgħaxija. Apparti dan, il-ħasil tas-snien għandu jseħħ ukoll f’ ħin ieħor matul il-ġurnata.

Jekk tixtieq tnaqqas iċ-ċans ta’ riħa tinten fil-ħalq, huwa ideali li taħsel snienek wara li tiekol il-kolazzjon filgħodu. Meta taħsel snienek għandek tuża ammont ta’ ‘toothpaste’ daqs ta’ piżella, u kif tlesti tlaħlaħx ħalqek, iżda obżoq it-‘tootpaste’ żejjed il-barra. Jekk tuża ‘mouthwash’ ħalli ta’ l-inqas siegħa wara li taħsel snienek, jew inkella għamel dan f’ ħin ieħor, bħal eżempju wara l-ikla ta’ nofsinhar.

Il-maġġoranza tan-nies għandhom iżuru d-dentist tagħhom darba jew darbtejn fis-sena. Madankollu, jekk ikollok problemi oħra ta’ saħħa bħal ngħidu aħna dijabete jew sistema immunitarja baxxa, id-dentist jista’ jissuġġerilek tattendi aktar spiss. Dan minħabba l-fatt li problemi simili ta’ saħħa kapaċi joħolqu mard fil-ħanek jew mard relatat mas-snien.

Ħsara fis-snien

Huwa fatt li f’ ħalqna jeżistu ħafna tipi ta batterji ħajja. Xi wħud minn dawn huma ta’ benefiċċju għas-saħħa orali, iżda oħrajn jipproduċu aċtu fil-ħalq kull darba li nieklu affarijiet biz-zokkor, li eventwalment jikkawżaw ħsara fl-enamel tas-snien. Minerali bħall-kalċju u fosfru li jinsabu b’ mod naturali fil-bżieq tagħna, flimkien mal-‘fluoride’ fit-‘toothpaste’ u l-ilma, jgħinu lill-enamel tas-snien jissaħħaħ, u għalhekk isaħħaħ ukoll is-snien.

Madankollu, iċ-ċiklu ripetut ta’ attakki aċidużi kkawżati minn nuqqas ta’ minerali fl-enamel maż-żmien idgħajjef u jkisser l-enamel u jikkawża ħsara fis-snien. Jekk dan ma jiġix trattat sew, il-ħsara tista’ timxi fis-saffi aktar profondi tas-snien u din tikkawża uġigħ u possibilment telf ta’ snien.

Sinjali attribwiti ma’ ħsara fis-snien jinkludu uġigħ fis-snien, uġigħ waqt l-ikel u sensittivita’ għall-ħelu, kif ukoll ikel u xorb kiesaħ jew jaħraq.

Biex tipprevjeni ħsara fis-snien idealment għandek tikkonsma mhux aktar minn 25g ta’ zokkor fil-ġurnata, u pprova llimita ‘free sugars’ għall-ħin ta’ l-ikel biss. Meta nsemmu ‘free sugars’ inkunu qed nirreferu għal zokkor li nżidu ma’ ikel jew xorb, jew zokkor li fihom prodotti bħall-għasel, ġulepp u meraq tal-frott, minħabba li dan iz-zokkor ma’ jkunx fiċ-ċelloli tal-ikel li nieklu. Għall-kuntrarju ta’ dan, zokkor li jinsab fil-frott, ħaxix u ħalib donnu ma’ jħallix effett negattiv fuq saħħitna, apparti li jkun fih ukoll nutrijenti żejda bħall-fibra. Meta l-frott nagħmluh f’ meraq, iz-zokkor joħroġ u jiġi ‘free sugar’. Hawnhekk il-fibra tintilef, u ġeneralment tispiċċa tikkonsma zokkor żejjed mingħajr ma’ tirrealizza. Aħseb ftit…mhux se tasal tiekol erba’ larinġiet wara xulxin, iżda huwa faċli li tixrob il-meraq tagħhom f’ tazza waħda mingħajr ma’ tħossok mimlija.

Tajjeb ngħidu li z-zokkor ma jaffettwax biss is-snien. Zokkor żejjed ifisser kaloriji żejda, u kaloriji żejda jistgħu jikkawżaw obeżita’, li minn naħa tagħha żżid ir-riskju ta’ mard tal-qalb, dijabete u kanċer.

Biex tkun taf aktar dwar il-kontenut ta’ zokkor fl-ikel u x-xorb li tikkonsma, iċċekkja t-tabella ta’ l-ingredjenti biex tara jekk humiex ideali għal saħħtek.

Figura 1: Tabella tal-ingredjenti ta’ l-ikel maħruġa mid-‘Directorate of Health Promotion and Disease Prevention’.
Figura 2: Tabella ta’ l-ingredjenti tax-xorb maħruġa mid-‘Directorate of Health Promotion and Disease Prevention’.

Mard tal-ħanek

Problemi fis-saħħa orali bħal ma huwa l-mard tal-ħanek jistgħu ikunu sinjal ta’ problemi ta’ saħħa oħrajn.

Mard tal-ħanek jinkludi infezzjoni ta’ dak li jżomm snienek f’ posthom. Ħafna drabi dal-mard huwa kkawżat mill-ġebla, li hija saff ta’ batterja li tifforma fuq is-snien meta s-snien ma’ jiġux imnaddfa sewwa, u li eventwalment tibbies u tiżdied mas-snien.

Ġebla mhux imnaddfa tista’ tkisser parti mill-ħanek u għadam ta’ madwar is-snien, li jsarraf f’ sensittivita’ fis-snien, snien jiċċaqalqu u anke telf ta’ snien. Il-batterja tista’ wkoll timxi f’ ġismek u tagħmlek ma’ tiflaħx.

Saħħa orali għan-nisa

Relatati man-nisa nsibu wkoll problemi uniċi fejn tidħol is-saħħa orali. Il-livelli tal-ormoni fin-nisa jinbidlu matul iċ-ċiklu menstrwali, tqala u menopawsa, li possibilment iżidu r-riskju ta’ problemi relatati mal-ħalq, snien u l-ħanek.

Tibdil fil-livelli ta’ l-ormoni f’ fażijiet differenti fil-ħajja tal-mara jaffettwaw is-saħħa orali.

Meta l-livelli tal-ormoni jinbidlu, il-ħanek jista’ jintefaħ u jirrita ruħu. Jista’ wkoll jikkawża xi ftit tad-dmija, speċjalment f’ każ ta’ tqala, meta s-sistema immunitarja tal-ġisem tkun xi ftit aktar sensittiva minn normal. Dan jista’ jikkawża infjammazzjoni (ħmura, nefħa u anke uġigħ) fil-ħanek. Din l-infjammazzjoni tista’ titnaqqas jew tiġi kkontrollata b’ ħasil u ‘flossing’ regolari tas-snien.

Iċ-ċiklu menstrwali

Il-livelli tal-ormoni jitilgħu u jinżlu matul iċ-ċiklu menstrwali. Waqt l-ovulazzjoni u sa ftit ġranet qabel il-‘period’, livelli għolja ta’ ‘progesterone’ jistgħu jikkawżaw nefħa fil-ħanek, kif ukoll ħmura u xi ftit dmija.

Kontroll tal-fertilita’ bl-ormoni

Meta tagħmel użu minn prodotti ta’ kontroll tal-fertilita’ bl-ormoni, bħal użu tal-pill, injezzjoni, ‘vaginal ring’ jew IUD’s, tkun qed tikkawża żieda fil-livelli tal-ormoni, li minn naħa tagħhom jistgħu jikkawżaw sensittivita’, ħmura u nefħa fil-ħanek.

Dawn l-ormoni jistgħu ukoll jaffettwaw il-mod li bih il-ħalq ifieq wara trattamenti dentali, bħal tneħħija ta’ snien jew kirurġija. Nisa fuq prodotti ta’ kontroll tal-fertilita’ bl-ormoni għandhom riskju akbar ta’ kundizzjoni msejħa ‘dry socket’ wara proċeduri ta’ dan it-tip. Huwa mportanti ħafna li dejjem tavża d-dentist tiegħek dwar il-medikazzjoni kollha li tieħu, inkluża mediċina relatata mal-fertilita’.

It-tqala

Waqt it-tqala il-ħanek faċilment inixxi xi ftit tad-demm meta taħsel snienek jew tifflossja. Dan jista’ jkun sinjal ta’ marda fil-ħanek imsejħa ġinġivite tat-tqala. Għalkemm din hija spiss marda temporanja, tista’ faċilment iddgħajjef is-saħħa tar-rabta tas-snien mal-ħanek, u għalhekk m’ ghandekx tinjoraha. Ħafna drabi tista’ tiġi affettwata minn din il-kundizzjoni jekk ikun kellek infjammazzjoni fil-ħanek minn qabel it-tqala. Fil-fatt din tista’ spiss tiġi evitata billi żżomm appuntamenti rutina ta’ ħasil u flossing, kif ukoll visti għand id-dentist tiegħek tul iż-żmien.

Waqt it-tqala huma wkoll komuni dawk imsejħa tumuri tat-tqala (pyogenic granulomas), li jikkawżaw feriti ħomor u mqabbża mal-ħanek u bejn is-snien. Tħallix dawn jinkwetawk – ħafna drabi dawn ma jikkawżaw l-ebda problema u spiss jitilqu waħedhom hekk kif tibda taħsel il-ħanek sew waqt l-iġene orali, u kif ikollok it-tarbija.

Xewqat strambi għall-ikel huma komuni ħafna fit-tqala.

Jekk dawn ix-xewqat jinbidlu f’ xewqat lejn ħafna ħelu u zokkor, ipprova illimita kemm tista’ ‘snacks’ helwin, u minflok agħżel prodotti aktar ‘healthy’ bħal frott frisk ma’ Greek yoghurt jew yoghurt naturali.

It-tqala tista’ tagħmel il-ħasil tas-snien xi ftit diffiċli, speċjalment f’ nisa li jesperjenzaw dardir qawwi minħabba t-togħma tat-‘toothpaste’, kif ukoll mill-ħasil innifsu. F’ dal każ idealment ipprova aqleb għal ‘toothpaste’ b’ togħma newtrali u ‘toothbrush’ xi ftit aktar ratba.

Jekk qed tbati minn dardir filgħodu (morning sickness) li jġagħlek ittella’, l-aċtu li jitla’ mill-istonku jista’ jdgħajjef l-enamel tas-snien.

Ħruq fl-istonku huwa problema oħra komuni fit-tqala, li tikkawża l-istess effett. Biex tnaqqas din il-ħsara idealment laħlaħ ħalqek b’ kuċċarina baking soda mħallta ma’ tazza ilma 30 minuta wara li taħsel snienek.

Infezzjonijiet fil-ħalq jistgħu jaffettwaw ukoll lit-tarbija tiegħek waqt it-tqala. Importanti li żżomm kuntatt regolari mad-dentist tiegħek ħalli b’ hekk tipproteġi snienek waqt it-tqala. Wara l-20 ġimgħa tat-tqala tista’ tħossok xi ftit skomda bilqiegħda fuq is-siġġu tad-dentist. Dejjem avża lid-dentist tiegħek li tkun tqila, speċjalment għaliex x-rays ta’ rutina ħafna drabi jinqabżu waqt it-tqala biex it-tarbija tkun protetta mir-raġġi, anke jekk ir-riskju fuq it-tarbija huwa minimu.

Jekk tiġi bżonn trattament b’ emerġenza jew x-rays speċifiċi minħabba problemi serji, id-dentist tiegħek jista’ jieħu prekawzjonijiet addattati biex jipproteġi t-tarbija tiegħek fil-ġuf waqt l-x-rays.

Ara li tieħu kwalunkwe trattamenti neċessarji relatati mas-saħħa orali, għax meta tevita trattamenti neċessarji tkun possibilment qed tirriskja saħħtek kif ukoll is-saħħa tat-tarbija tiegħek.

Il-menopawsa

Livelli baxxi ħafna tal-ormoni estroġen wara l-menopawsa jistgħu jaffettwalek is-saħħa orali tiegħek b’ diversi modi. Tista’ tesperjenza nixfa f’ ħalqek li tikkawżalek skumdita’ u sensittivita’ fil-ħanek, ġebla, ulċeri, infezzjonijiet, ħsara fis-snien, ħruq fil-ħalq, differenza fit-togħma kif ukoll osteoporożi, li żżidlek ir-rittmu tal-ħsara. F’ każi hekk id-dentist tiegħek x’ aktarx jissuġġerilek tattendi aktar frekwenti għal-‘check-ups’ għandu.

Id-dijabete

Persuni bid-dijabete għandhom riskju akbar ta’ mard fil-ħanek. Fil-fatt, il-mard fil-ħanek huwa meqjuż bħala s-sitt komplikazzjoni l-aktar komuni f’ dawk kollha li għandhom id-dijabete. Jekk għandek din il-kundizzjoni, ir-riskju li tesperjenza nixfa fil-ħalq huwa akbar minn normal.

Mard fil-ħanek jista’ jżid il-problemi relatati mad-dijabete.

Aktar ma’ jirnexxilek tikkontrolla z-zokkor, taħsel snienek u tifflossja kuljum, u żżur id-dentist tiegħek b’ mod regolari, aktar tista’ tipprevjeni mard tal-ħanek, u b’ hekk tkun qed tgħin lilek innifsek iżżomm id-dijabete taħt kontroll.

Problemi relatati ma’ ‘eating disorders’

Remettar volontarju u involontarju, u ammont baxx ta’ kkunsmar ta’ ikel jistgħu jaffettwawlek is-saħħa orali tiegħek. L-aċtu mill-istonku li jitla’ waqt li persuna ttella’ jista’ faċilment itebba’ u jħassar is-snien. Jekk ma tkunx qed tiekol biżżejjed, ġismek ma’ jkunx qed jirċievi nutrijenti biżżejjed, u l-għadam, inklużi l-għadam fil-ħalq, jistgħu jiddgħajfu minħabba nuqqas ta’ kalċju.

Ansjeta’ dentali

Xi wħud jevitaw id-dentist minħabba li jibżgħu mill-uġigħ fiżiku li huwa psikoloġikament assoċċjat ma’ trattamenti dentali. Spiss jiġri dan minħabba esperjenzi kemmxejn qarsa mill-passat. Nisa li jkunu esperjenzaw vjolenza jew trawma fil-passat tagħhom spiss isibuha bi tqila biex ipoġġu jew jimteddu fuq siġġu ta’ dentist minħabba biża’ jew PTSD.

Tkellem mad-dentist tiegħek dwar problemi relatati ma’ biża’ jew ansjeta’ ħalli ssibu mod kif tħossok aktar komda waqt l-evalwazzjoni dentali tiegħek. Forsi tippreferi żżur dentista flok dentist, jew li jkollok assistenta mara fil-kamra. Tista’ forsi ssib aktar ta’ wens li tieħu lil xi ħadd miegħek għall-vista. Id-dentist tiegħek jista’ jgħinek tħossok aktar kunfidenti billi jispjegalek eżatt dak kollu li jkun qed jagħmel, u li jaqbel miegħek li jieqaf milli jkun qed jagħmel jekk tagħmillu sinjal biex jieqaf. Id-dentist jista’ wkoll jgħinek billi jdoqqlok mużika rilassanti, jew b’ xi televixin fil-kamra, jew modi oħra ta’ rilassament. Xi kultant ċertu dentisti jistgħu ukoll ituk xi mediċina jew saħansitra xi tekniki ta’ sedazzjoni biex jgħinek tirrilassa.

Jekk l-ansjeta’ tipprevenik milli tmur għand id-dentist tiegħek tista’ wkoll titkellem ma’ professjonista fuq saħħa mentali bħal xi psikologu. Teżisti terapija li tista’ tgħinek tnaqqas l-ansjeta’ u l-biża’.

Is-saħħa orali hija parti mportanti tas-saħħa ġenerali tagħna. Għalhekk huwa mportanti li tnaqqas il-biża’ u l-ansjeta’ relatati ma’ visti għand id-dentist.

Pariri siewja biex tipprevjeni problemi ta’ saħħa orali:

  • Żur id-dentist tiegħek mill-inqas darba jew darbtejn fis-sena. Id-dentist tiegħek jista’ jirrakkomandalek li tmur għal aktar jew inqas visti, dejjem skond il-każ u l-bżonnijiet ta’ saħħa tiegħek.
  • Agħżel ikel tajjeb għas-saħħa. Illimita l-ammont ta’ zokkor fl-ikel u x-xorb li tikkonsma.
  • Aħsel snienek u l-ħanek darbtejn kuljum għal żewġ minuti b’ ‘toothpaste’ li fih il-‘fluoride’, u fflossja jew uża ‘interdental cleaning aid’ darba kuljum. Tlaħlaħx ħalqek wara li taħsel snienek.
  • Tpejjipx. It-tipjip iżidlek ir-riskju ta’ mard relatat mal-ħanek, kif ukoll kanċer tal-ħalq u tal-grieżem. Jista’ wkoll itebbagħlek snienek u jikkawżalek riħa tinten f’ ħalqek.
  • Ixrob inqas xorb biz-zokkor miżjud, u pprova ixrob aktar ilma minflok. Xorb li huwa tad-dieta jkun fih ukoll aċidi li jistgħu jieklu mill-enamel tas-snien. Iżżidx zokkor fit-te u l-kafe’, u evita ‘snacks’ ħelwin, jew almenu ħu porzjonijiet żgħar.

Share the love

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *