Share the love

infertility and mental health

Huwa stmat li madwar 10-15% tal-koppji fl-eta’ riproduttiva jsofru minn infertilita’. Riċentament aktar u aktar koppji qed jitolbu assistenza meta jiġu affaċjati bl-infertilita’. Din iż-żieda tista tkun minħabba li llum il-ġurnata n-nisa ġeneralment qed jippreferu jinqabdu tqal ta’ eta ikbar minn qabel, kif ukoll minħabba r-rata ta’ suċċess tat-trattamenti għall-infertilita’ u l-għarfien dwar is-suġġett. Madankollu dan xorta ma jħassarx il-fatt li l-infertilita’ għandha t-tendenza li tinduċi problemi ta’ saħħa mentali bħal ma huma l-istress, id-dipressjoni u l-anzjeta’.

Effetti Negattivi u Kawżi ta’ l-Infertilita’

Fatturi magħrufa li jistgħu iżidu r-riskju ta’ l-infertilita’ jinkludu t-tipjip tas-sigaretti, il-konsum ta’ l-alkoħol, piż eċċessiv u nuqqas ta’ libido. Id-dipressjoni kapaċi tirriżulta’ f’ infertilita’ minħabba li l-fiżjoloġija tad-dipressjoni tippromwovi żieda fil-livell tal-‘prolactin’, disfunzjoni tat-‘thyroid’ u l-ipotalamu, il-glandola pitwitarja u l-glandola adrenali.  Id-dipressjoni hija wkoll assoċjata mal-ormoni li jirregolaw l-ovulazzjoni, kif ukoll tibdil fil-mod kif is-sistema immunitarja tiffunzjona. Minħabba li l-istress huwa wkoll assoċjat ma tibdil fiżjoloġiku simili, huwa possibbli li livelli għolja ta kumulazzjoni ta’ stress jistgħu ukoll jikkawżaw l-infertilita’.

Fin-nisa, fatturi li jistgħu jikkontribwixxu għall-infertilita’ jinkludu ‘periods’ qawwijin u irregolari, eta’ ta’ l-fuq minn 35 sena, il-kundizzjoni tal-endometrijożi jew mard inflammatorju tal-pelvis, dijabete mhux ikkontrollata,  mard ‘autoimmune’, ‘lupus’, ‘celiac disease, jew trattamenti għal kontra l-kanċer.

Fl-irġiel, infezzjonijiet, ‘sperm count’ baxx, problemi fit-testikoli, prostata mkabbra u ‘varicoceles’, jew vini mkabbra fiż-żona tat-testikoli, tumuri kankrużi jew mhux kankrużi, ‘autoimmune diseases’, sbilanċ fl-ormoni, disfunzjoni sesswali, ilbies ta’ qliezet issikkati, kif ukoll trattamenti għal kanċer jistgħu ukoll jirriżultaw f’ infertilita’.

L-Impatt ta’ l-Infertilita’ fuq is-Saħħa Mentali

Li koppja jkollha tarbija hija tranżizzjoni importanti ħafna kemm fil-ħajja tal-mara kif ukoll tar-raġel. Meta koppja tibda ssib il-problemi xħin tiġi biex tikkonċepixxi xahar wara l-ieħor, emozzjonijiet negattivi jistgħu jaħkmu kemm lil mara u kemm lir-raġel, jew kultant lit-tnejn f’ daqqa. L-anzjeta’, id-dipressjoni u r-rabja huma emozzjonijiet komuni ħafna. Il-koppja tista wkoll tiffaċċja problemi konjugali u disfunzjoni sesswali minħabba s-sitwazzjoni. Iżolazzjoni soċjali tista ssir realta’ speċjalment f’ sitwazzjonijiet li jinkludu laqgħat ma’ persuni li spiss juru stigma jew jgħaddu kummenti negattivi diretti jew indiretti dwar l-infertilita’. Koppja tista wkoll taffaċċja sens ta’ telf speċjalment madwar koppji bit-tfal jew nisa tqal.

F’ koppji infertili, in-nisa għandhom it-tendenza juru livell aktar għoli ta’ dwejjaq meta mqabbla mal-partners tagħhom. Madankollu, l-intensita’ tal-emozzjonijiet tal-irġiel meta l-problema tkun ikkawżata minn naħa tagħhom tkun l-istess bħal tan-nisa. Kemm in-nisa kif ukoll l-irġiel f’ din is-sitwazzjoni jħossu sens ta’ telf tal-identita’ tagħhom u inkompetenza.

Kif  Nista Nnaqqas l-Emozzjonijiet Negattivi u l-Uġigħ Emozzjonali Kkawżati mill-Infertilita’?

L-istudji jissuġġerixxu li l-psikoterapija u gruppi ta’ sapport inaqqsu l-istress u s-sintomi relatati mas-saħħa mentali. F’ ċertu każi dawn filfatt jgħinu billi jżidu ċ-ċans ta’ fertilita’ minħabba li l-anzjeta’, id-dipressjoni u r-rabja jonqsu drastikament.

Il-farmakoterapija hija wkoll possibilta’ importanti għall-koppja li tkun qed tesperjenza sintomi ta’ dipressjoni minħabba l-infertilita’. Għalkemm in-nisa għandhom it-tendenza jevitaw trattamenti mediċi minħabba l-biża li dawn possibilment jista jkollhom impatt dirett fuq ir-rata ta’ fertilita’ tagħhom, m’ hemm l-ebda evidenza li tikkonferma dan. Jekk għaddejja minn perjodu ta’ infertilita’ u qed tesperjenza sintomi ta’ dipressjoni, kellem lit-tabib tiegħek dwar is-sitwazzjoni, u dan jista jagħtik trattamenti apposta li jkunu sikuri anke għal waqt it-tqala.

Is-sapport emozzjonali huwa fattur importanti ħafna f’ każ ta’ infertilita’.  Evita li titkellem dwar il-problemi ta’ infertilita’ tiegħek ma persuni jew membri tal-familja tiegħek li taf li ma tistax tafda, jew li taf li mhux se ssib sapport mingħandhom. Jekk tixtieq tista tingħaqad ma gruppi magħmulin minn membri nisa u rġiel li jkunu qed jiffaċċjaw l-istess problema. Is-sapport jgħin immensament billi jnaqqas l-uġigħ emozzjonali kif ukoll iċ-ċans ta’ progressjoni ta’ problemi ta’ saħħa mentali.

Ħu pariri professjonali u eżatti dwar is-sitwazzjoni tiegħek. Li tkun taf eżatt x’ inhi l-problema u jekk jistax isir xi ħaġa dwarha jgħinek tiddeċiedi x’ passi tista tieħu, bħal ma huma s-sapport, IVF jew adozzjoni. Tagħżel liema triq tagħżel, li jkollok is-sapport neċessarju huwa l-aħjar ħaġa li jista jkollok, għax dan jista jgħinek tibdel l-attitudni tiegħek dwar l-infertilita’ u bħala koppja jgħinkom ittejbu r-relazzjoni tagħkom ukoll.

Tista Tipprevjeni Jew Tevita l-Infertilita’?

Waqt li ċertu kawżi ta’ l-infertilita’ ma jistgħux jiġu pprevenuti, insibu ċertu modi kif kemm l-irġiel kif ukoll in-nisa jistgħu iżidu ċ-ċans li jikkonċepixxu.

Il-Mara:

  • Waqqaf it-tipjip
  • Evita d-drogi u l-konsum ta’ l-alkoħol
  • Agħmel l-eżerċizzju fiżiku (iżda tesaġerax!)
  • Kul ikel tajjeb għas-saħħa u pponta li jkollok BMI normali

Ir-Raġel:

  • Waqqaf it-tipjip
  • Evita d-drogi u l-konsum eċċessiv ta’ l-alkoħol
  • Evita temperaturi għoljin
  • Evita postijiet tossiċi
  • Agħmel eżerċizzju regolari
  • Kul ikel tajjeb għas-saħħa u pponta li jkollok BMI normali

Jekk ilek tipprova tinqabad tqila għal sena jew iktar, kellem lil ġinekoloġista tiegħek ħalli tiggwidak u ttik il-pariri neċessarji.

Jekk inti jew il-partner tiegħek qed tesperjenzaw problemi ta’ saħħa mentali bħal anzjeta’ u dipressjoni, kellem lit-tabib tiegħek ħalli jassessjak u jekk ikun hemm bżonn itik it-trattamenti neċessarji skond il-każ partikolari tiegħek.


Share the love

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *