Il-menopawsa hija assoċċjata ma ħafna bidliet li jistgħu jaffettwaw il-ħajja sesswali tal-mara. Per eżempju, livelli baxxi tal-ormoni jistgħu inaqqsulek l-aptit tas-sess jew inixfulek u jraqqulek il-muskolu tal-vaġina, u dan jirriżulta f’sess skomdu. Irritabilita’ għolja u stress huma komuni f’dan il-perjodu, filwaqt li l-irqad jista’ jiġi affetwat b’għaraq li jiġi maħluq mill-ġisem kif ukoll fwawar kbar ta’ sħana.
Madankollu, is-sess u l-intimita’ waqt u wara l-menopawsa ma jirriflettux biss telfa.
Riċerki u studji li ffukaw fuq dan iż-żmien partikolari fil-ħajja tal-mara indikaw li l-menopawsa tista toħloq opportunijiet biex mara tikber bħala persuna, tfieq, kif ukoll tesperjenza aktar gost u pjaċir waqt is-sess. Mara tista’ tesperjenza aktar poter waqt is-snin tal-menopawsa peress li l-eta’ ġġib magħha aktar għerf u sens aktar ċar ta’ min hi bħala persuna. Fis-snin ta’ wara l-menopawsa, ċertu nisa jħossuhom waslu f’post aħjar, jesperjenzaw aktar kunfidenza u jħossuhom aktar komdi fil-ġilda tagħhom.
Jekk il-mara jkollha l-familja, xi tibdil fil-ħajja tagħha waqt is-snin tal-menopawsa jistgħu jiffaċilitaw aktar privatezza u ħin għas-sess, speċjalment jekk it-tfal ikunu telqu mid-dar u l-istress li tesperjenza bħala ġenitur jonqos. Tajjeb ukoll li nsemmu li wara l-menopawsa jkun hemm inqas bżonn ta’ ‘birth control’. Madankollu, filwaqt li dawn il-fatturi jwasslu għal aktar intimita’ sesswali, ċerti nisa jistgħu jesperjenzaw aktar ansjeta’, speċjalment jekk ikunu esperjenzaw trawma, dipressjoni jew jekk ikunu mistħija.
Hemm ħafna modi li bihom tista’ ttejjeb il-ħajja sesswali tiegħek waqt u wara l-menopawsa. Dawn jinkludu l-eżerċizzju, li jagħti aktar enerġija u jsebbaħ il-mod ta’ kif tara lilek innifsek, kif ukoll li tevita jew tnaqqas it-tipjip, id-drogi u l-alkoħol. Li tagħmel aktar sess u eżerċizzji tal-art pelvika jistgħu jżidu fluss tad-demm lejn il-vaġina, u b’hekk il-muskoli jsiru aktar b’saħħithom. Dawn l-eżerċizzji jsaħħu wkoll il-muskoli nvoluti fl-orgażmu.
Ipprova evita banjijiet b’ħafna ragħwa u ċertu sapun għax dawn jistgħu jikkawżaw irritazzjoni vaġinali. Ċerti pilloli u kremi jistgħu iżidu wkoll l-aptit għas-sess, iżda dawn għandhom jiġu użati biss jekk jirrakkomandahomlok it-tabib. Lubrikanti vaġinali u ‘moisturisers’ li tista’ tixtri mingħajr preskrizzjoni jistgħu jgħinu sabiex inaqqsu n-nixfa vaġinali, iżda f’każijiet aktar severi t-tabib jista’ jiktiblek preskrizzjoni sabiex tixtri prodotti aktar addattati għalik.
Jekk tinsab f’relazzjoni, huwa tajjeb li titkellem dwar l-esperjenzi u dak kollu li jinkwetak matul iż-żmien tal-menopawsa mal-partner tiegħek għax b’hekk tkun tista’ tgħin biex tissaħħaħ din ir-relazzjoni.
Ipprova ddiskuti dak li jagħtik pjaċir u dak li ma jagħtikx, il-mumenti li fihom tħossok aktar rilassata u komda biex tagħmel is-sess, il-pożizzjonijiet li huma l-aktar komdi, u dak li jinkwetak fuq il-bida fiżika li qed tesperjenza. Jekk sess vaġinali m’għadux komdu għalik jew qed jikkawżalek l-uġiegħ, tistgħu tiddiskutu modi oħra dwar kif tistgħu tgawdu intimita’ fiżika, bħal sess orali, masturbazzjoni reċiprokata jew massaġġi.
Għall numru ta’ nisa, il-kwalita’ tar-relazzjoni, speċjalment relazzjoni sikura, għandha tkun tajba sabiex mara tħossha komda tkun intima sesswalment. Xi kultant ikun hemm bżonn li tiddiskutu u tinnegozzjaw mill-ġdid ir-relazzjoni sesswali tagħkom minħabba li arranġamenti li jkunu saru qabel, eżempju ‘provider-protector’ jew xi partner gustuż, m’għadhomx joħolqu l-istess gost li kienu joħolqu matul is-snin li għaddew. F’dan iż-żmien huwa mportanti li tħossok komda tikkomunika, għax il-komunikazzjoni twassal għal taħditiet importanti dwar il-fatt li qed tikbru flimkien.
Il-menopawsa mhix bidla faċli għal ħafna minn nisa. Li titfa’ l-attenzjoni fuq is-sesswalita’ u r-relazzjoni intima tiegħek hija parti importanti f’din it-tranżizzjoni.
Sfortunatament, il-menopawsa tista tkun żmien fejn ħafna minna jitilfu l-interess fis-sess kompletament u jaqtgħu qalbhom. Iżda għal nisa oħra, dan iż-żmien jista’ jkun żmien ta’ bidliet ġodda; żmien fejn tista’ tibda mill-ġdid u tkun l-awtriċi tal-ħajja li tixtieq.
Għandek xi esperjenza personali li tixtieq taqsam ma’ wham, f’ismek jew b’mod anonimu? Ikkuntattjana jew ibgħatilna imejl fuq [email protected]
Anna Catania (MCouns PG Dip fit-Terapija dwar il-Psikosesswalita’ u r-Relazzjonijiet. Anna hija ‘counsellor’ specjalizzata fuq is-sesswalita’ u r-relazzjonijiet. Hija tipprovdi pariri lill-individwi u koppji li qed jesperjenzaw problemi bis-sesswalita’, relazzjonijiet u intimita’.
Għal aktar informazzjoni dwar Anna kif ukoll lista ta’ artikli miktuba minnha fuq Wham agħfas hawn