Share the love

isterektomija u HRT

Permezz tal-Isterektomija u l-HRT rnexxieli nieħu ħajti lura…

Għalkemm il-‘period’ tiegħi kien dejjem regolari u ħafif, sa mill-bidu soffrejt mill-PMS, u minħabba f’hekk kont inbagħti ħafna bil-burdati, kont inkun imdejqa u sensittiva tant li kont ninfaqa’ nibki malajr. Niftakarni naħseb ħafna fuq il-mewt u kont anke nesperjenza konfużjoni mentali ġimgħa qabel u ftit ġranet wara li kont inkun bil-‘period’. Dan ifisser li għal 10t’ijiem minn kull xahar ma kontx inkun il-persuna ferriħija li jien fir-realta’.

Bħala nisa nitgħallmu ngħixu b’din il-bidla kontinwa minħabba li nafu li ma tantx nistgħu nagħmlu affarijiet biex nibdluha – awtomatikament naħsbu li din hija parti mir-realta’ ta’ x’jiġifieri li tkun mara.

Madankollu, meta għalaqt 43 sena, il-‘periods’ tiegħi marru għall-agħar; bdejt nesperjenza ‘periods’ qawwija, u l-foga mentali kif ukoll is-sensazzjoni li ma stajt nagħmel xejn irduppjaw. Għalhekk mort s’għand il-ġinekoloġista tiegħi li qalli li għandi l-fibrojdi fl-utru u li dawn kienu qed jikkawżawli d-dmija qawwija. Qalli wkoll li seta’ jagħtini pilloli biex nikkontrolla l-qawwa u l-uġiegħ tal-‘period’, kif ukoll li eventwalment kien se jkolli bżonn isterektomija u l-HRT.

Irritornajt id-dar bil-ħsieb li l-inqas ħaġa li xtaqt kienet li ngħaddi minn isterektomija, li nidħol fil-perjodu tal-menopawsa u li nibda l-HRT (Hormone Replacement Therapy). Kien għad kelli biss 43 sena, għalhekk iddeċidejt li nipprova nagħmel ħilti biex nirbħilha billi nkun aktar b’saħħti.

Hassejtni ċerta li l-pilloli li kien tagħni kienu se jsolvu l-problemi kollha, iżda kelli żball. Il-‘period’ tiegħi tant iggrava li kien hemm drabi fejn lanqas stajt noħroġ mid-dar. Kien sar ukoll irregolari, u ma kien ikolli l-ebda ndikazzjoni ta x’ħin kont se nibda nara d-demm.

Ħajti kienet qed tiġi kkontrollata kompletament mill-utru tiegħi. Ippruvajt ma nagħtix kas iżżejjed u għamilt kważi sentejn sejra hekk, nesperjenza dmija u wġiegħ qawwi. Dan sakemm ġiet ġurnata fejn tant bdejt inħossni ma niflaħx, u tant kont qed nitlef demm, li spiċċajt issakkart id-dar. La flaħt niċċaqlaq u lanqas nikkonċentra. Mument minnhom kont qed nipprova niddiskuti xi ħaġa mar-raġel rigward ix-xogħol, iżda tant kemm il-konfużjoni f’moħħi kienet qawwija, li lanqas sentenza waħda ma stajt nifforma.

Dak kien il-mument li fih biddilt fehemti. Ħarist lejn ir-raġel, infqajt nibki u għidtlu “daqshekk”. Bilfors kelli nagħmel xi ħaġa, ma stajtx inkompli sejra hekk.

Ibbukjajt appuntament ieħor għand il-ġinekoloġista – għadni niftakar id-data sal-lum, kien it-Tlieta 28 t’April, 2015.

Waqt il-vista fehemtu li ma stajtx nibqa’ ngħix hekk, u erġajt staqsejtu jerġa jgħidli x’kienu l-għażliet li kelli quddiemi. Ir-risposta tiegħu kienet li f’dan il-punt ma kien hemm xejn aktar ħlief isterektomija x’nagħmel. Fehemni wkoll li kien jagħmel aktar sens li nagħmel isterektomija kompleta li kienet tinkludi t-tneħħijja tal-ovarji. Qalli wkoll li dan kien se jpoġġini direttament fil-menopawsa. Fehemni w’aċċertani li stajt nibda l-HRT (Hormone Replacement Therapy) millewwel, u li x’aktarx kont se nħossni tajba aktar minn qatt qabel.

Wara sentejn t’inċertezza u ‘period’ qawwi, iddeċidejt dak il-ħin li iva, xtaqt isterektomija – staqsejtu dwar id-disponibbiltà tiegħu, iċċekkja d-djarju u qalli li l-eqreb li kellu kien fl-aħħar ta’ Ġunju. Imma stenna waħda, xi ħadd kien għadu kif ikkanċella u b’hekk kelli ċ-ċans li nagħmilha s-Sibt 2 ta’ Mejju jekk irrid!

Għażilt is-Sibt 2 ta’ Mejju, erbat’ ijiem il-bogħod! Mort biex nagħmilha fil-klinika privata tiegħu, ħaġa li kienet koperta fl-assigurazzjoni ta’ saħħti. Kollox kien lest u ppjanat fl-isptar privat wara ftit telefonati, u minn hemm bqajt sejra niltaqa’ ma sħabi għall-ikel.

Fortunatament stajt nagħmel dan kollu permezz ta’ l-assigurazzjoni tas-saħħa privata, u ma kellix għalfejn nistenna xhur għas-servizz tas-saħħa nazzjonali tal-Gvern biex ningħata appuntament. Għalkemm dan forsi jpoġġini fi privileġġ li ħafna nisa m’għandhomx, jekk tista’ tibżax mill-operazzjoni (jekk dejjem għandek bżonnha), ittawwalx iż-żmien minħabba l-biża’.

Dan huwa l-messaġġ tiegħi illum – tibżax tgħix mingħajr l-ovarji, jekk se jkollok tagħmel l-operazzjoni, speċjalment wara li tagħlaq il-45 sena, li hija eta’ viċina tal-menopawsa, m’għadx għandek bżonn l-ovarji u żomm ukoll f’moħħok li safrattant jekk tagħmel dan tnaqqas ukoll ir-riskju tal-kanċer tal-ovarji.

Dejjem iddiskuti l-għażliet possibbli tiegħek mal-ġinekoloġista, imma tibżax tagħmel isterektomija jekk il-ġinekoloġista tissuġġerilek li tagħmilha, anke jekk issemmilek it-tneħħija tal-ovarji.

Wara l-isterektomija bdejt l-HRT mal-ewwel, filfatt kont għadni l-isptar. Napplika l-estroġen f’forma ta’ ġel ċar fuq idejja ta’ kuljum. Illum il-ġurnata, ħafna nisa jistgħu jagħmlu użu minn HRT, u hemm verżjoni partikolari għan-nisa li waslu f’eta’ speċifika, kif ukoll għal sitwazzjonijiet differenti. L-HRT tiggarantilek kwalita’ ta’ ħajja, u personalment qatt ma ħassejtni aktar tajba minn kif qed inħossni llum il-ġurnata. L-HRT tiġi użata minn nisa li jkunu qed jesperjenzaw il-menopawsa, anke jekk ma jkunux għamlu isterektomija.

Ikkuntattjajt l-akbar awtorita’ lokali f’dan il-qasam, Prof Mark Brincat, dwar l-użu tal-estroġen bħala l-unika trattament tal-HRT tiegħi:

“Fil-każ tiegħek, minħabba li kellek Menopawsa kirurġika, u minħabba l-fatt li kellek trattament tal-Estroġen’ t’eta żgħira, l-akbar studju kkontrollat fuq l-HRT, l-WHI, jissuġġerixxi li l-inċidenza tiegħek tal-kanċer tas-sider jitnaqqas bi kważi 40%. ‘Oestradiol gel’ huwa mod effettiv ta’ sostituzzjoni tal-Estroġen. Huwa Estroġen naturali li jiġi assorbit mill-ġilda. Modi oħra li jistgħu jiġu wżati huma pilloli jew ‘vaginal pessaries’. It-trattament jiġi aġġustat skond il-persuna.”

Prof Mark Brincat

L-unika dispjaċir li għandi huwa li m’għamiltx l-isterektomija qabel, u li ħlejt sentejn ninkwieta, bi dmija eċċessivi, b’uġiegħ qawwi u b’foga mentali, meta stajt nevita dan kollu kieku ma bżajtx mill-isterektomija u l-HRT.

Ovjament, kull operazzjoni ġġib magħha xi riskji, imma dejjem għandek tiddiskuti mal-ġinekoloġista. Jun af ir-riskji u l-għażliet li għandek quddiemek u għamel għażla infurmata, imma tħallix il-biża’ tkun ir-raġuni li minħabba fiha ma tagħmilx xi ħaġa. Issa ili madwar 5 snin li għamiltha, u qed inħossni ħafn’ aħjar milli kont inħossni meta kelli 30 sena, grazzi għall-HRT. L-eta’ ġġib il-benefiċċji magħha wkoll.

Jekk għandek xi esperjenza relatata mal-isterektomija u l-HRT li tixtieq taqsam magħna, ikkuntattjana billi timla din il-formola jew ibgħatilna imejl fuq [email protected]


Share the love

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *