Fit-tmeninijiet u d-disgħinijiet, l-eqreb li ġejna tal-porn kien permezz ta’ produzzjonijiet simili għal ‘Colpo Grosso’ fuq it-televiżjoni Taljana jew Siċiljana, jew jekk forsi kont taf ċertu persuni stajt tiddobba kopji tal-Playboy magazine jew tfittex it-tfajliet fuq il-paġna numru 3 fuq The Sun. Fil-fatt, f’Malta l-pornografija flimkien ma materjal oxxen kien illegali sas-sena 2016, anke jekk dirett lejn udjenza adulta. Sa l-aħħar tas-sena 2011, il-Qorti tal-Appell Kriminali f’Malta ikkonfermat kundanna kontra films pornografiċi li kienu qed jiġu murija s-City Lights Theatre fil-Belt Valletta. Madankollu, fl-2015, il-Ministru tal-Ġustizzja Soċjali ta’ dak iż-żmien, Owen Bonniċi, beda jaħdem fuq leġiżlazzjoni li servizzi marbuta ma arti u divertiment għall-adulti jiġu permessi jaċċessaw u joħolqu materjal pornografiku,u sa l-aħħar ta’ l-2016, il-Parlament Malti approva din il-leġiżlazzjoni. Pornografija li tinvolvi l-minuri, individwi b’diżabbilta’ u forom ta’ pornografija estrema baqgħu illegali. Dawn l-emendi legali xorta waħda jenfasizzaw li d-distribuzzjoni ta’ porn vendikattiv u l-ittellar u l-ixxerjar ta’ vidjows pornografiċi fuq l-internet li oriġinarjament kienu maħluqa għall-użu personali jibqaw atti kriminali.
Statistiċi jindikaw li għalkemm din il-liġi għaddiet fl-2016, fl-istess sena minn Malta kien hemm 12-il miljun hit fuq porn hub biss. Interessanti l-fatt li t-traffiku lejn dan is-sit pornografiku naqas sostanzjalment waqt l-iljieli li fihom ġew imxandra l-Eurovision, logħob tal-futbol internazzjonali u f’jum San Valentinu. Tajjeb ngħidu wkoll li il-qligħ iġġenerat mill-pornografija madwar id-dinja jammonta sa 97 biljun fis-sena, u li s-siti pornografiċi jkollhom viżitaturi aktar minn Amazon, Netflix u Twitter f’daqqa. Fil-fatt, fil-lista tal-aktar 10 termini mfittxija online madwar id-dinija nsibu l-kelma sex fir-raba’ post u porn fis-sitt post.
X’jagħmel il-porn fuq l-internet daqshekk popolari?
Riċerka tipponta lejn dak imsejjaħ 3A’s ta’ użu ta’ internet porn li jagħmel din il-forma ta’ ċibersess daqshekk popolari. Dawn huma:
Aċċessibilita’:
Għall-ġenerazzjonijiet passati, il-pornografija mhux biss kienet illegali, iżda kienet diffiċli ħafna biex taċċessaha. Għal maġġoranza ta’ konsumaturi prospettivi, ma kinitx idea tajba li jirriskjaw l-immaġini u r-reputazzjoni tagħhom. Minn meta ġie żviluppat l-internet l-hawn, minn soft porn sa l-aktar hardcore porn ġew faċli biex jiġu aċċessati, mhux biss mid-dar imma wkoll mill-bwiet u l-basktijiet.
Affordabbli:
Ammont kbir ta stampi u vidjows pornografiċi llum jistgħu jinkisbu bla ħlas. Siti li jitolbu ammont ta’ flus jipprovdu ammont ta’ materjal pornografiku b’xejn għall-klijenti potenzjali tagħhom bl-għan li jikkreaw bżonn għal aktar. B’hekk, meta l-klijent potenzjali jkun eżawsta l-materjal b’xejn, ikollu l-possibilta’ li jħallas biex ikollu aċċess għall-materjal disponibbli kollu.
Anonimu:
Meta persuna taċċessa l-pornografija fuq l-internet tkun qed tagħmel dan b’anonimita’, fejn ma jkollha l-ebda kuntatt dirett mal-bejjiegħ. Dan jipprovdi privatezza u segretezza fl-użu tal-porn permezz ta’ l-internet. L-anonimita’ flimkien mal-aċċessibilita’ u l-affordabbilta’ jagħmlu l-porn online mezz popolari ta’ ċibersess. Pornografija online tintuża biex tissodisfa l-kurjożita’, għal-stimulazzjoni sesswali u masturbazzjoni u biex ittejjeb il-ħajja sesswali tagħna mal-partners.
Il-fatt li llum hawn daqstant ammont kbir ta’ kontenut sesswali online jista’ jwassal biex tfal u teens ta’ mill-inqas 11-il sena jiġu esposti għall-porn. Ħafna drabi dan iseħħ minn espożizzjoni aċċidentali permezz ta’ pop-ups, tfittxija ta’ terminoloġija żbaljata, spam u stealth sites. Minħabba l-fatt li persuni t’eta’ żgħira għandhom livell għoli ta’ newroplastiċita’ (moħħhom ikun għadu qed jimmatura u jiżviluppa b’pass mgħaġġel), espożizzjoni għal immaġini pornografika tista’ tikkawża problemi aktar il-quddiem fil-ħajja.
Il-pornografija online tista’ ssir vizzju?
Id-DSM 5 (2013), il-manwal għall-assessjar u dijanjosi ta’ disturbi mentali, ma nkludewx il-pornografija fil-lista ta vizzji fil-kapitlu “Substance Use and Addictive Disorders”. In-nuqqas ta’ riċerka ta’ kwalita’ tajba rigward dan is-suġġett jagħmilha diffiċli għall-assessjar u kategorizzazzjoni, u għalhekk, minn perspettiva klinika nitkellmu dwar l-użu kompulsiv ta’ pornografija aktar milli vvizzjar.
Fil-fatt, waqt li miljuni jagħmlu tfittxijiet online għall-pornografija kuljum, numru żgħir biss jiżviluppa użu kompulsiv minnu. Ir-riċerka f’dan il-lat hija diffiċli u l-maġġoranza tagħha hija limitata għal kampjuni żgħar mill-popolazzjoni ta’ rġiel eterosesswali, u mhemmx biżżejjed immaġini newroloġika biex issostniha. Madankollu, l-istudji li għandna jindikaw similjanza ċara bejn l-attivita’ tal-moħħ f’użu kompulsiv ta’ porn mal-użu vizzjat tad-droga. Eżempju, espożizzjoni repetuta għall-pornografija turi persentaġġ ta’ desensitizzazzjoni u bżonn ta’ aktar espożizzjoni biex biha tgawdi l-istess sensazzjoni ta’ pjaċir. Fil-każ ta’ użu kompulsiv ta’ porn insibu impulsivita’, nuqqas ta’ ħsieb, nuqqas t’abbilta’ li tieħu deċiżjonijiet u preokkupazzjoni eċċessiva dwar is-sess. Hemm xewqa u sforz biex bih tiggwadanja xi tip ta’ gratifikazzjoni jew ħarba mir-realta’. Xi drabi l-porn jista’ jintuża bħala mezz li bih taħrab emozzjonijiet skomdi bħall-ansjeta’, dwejjaq u frustrazzjoni.
Interessanti ngħidu li l-irġiel jaraw il-pornografija aktar minn-nisa. Nistgħu nargumentaw li għalkemm in-nisa llum għandhom aktar moħħhom miftuħ rigward il-pornografija milli kellhom qabel, din il-forma ta’ ċibersess hija fil-maġġoranza tagħha mmirata lejn l-irġiel u xi kultant tipperpetwa sterjotipi tas-sessi u toġġettifika n-nisa. Sess lisbjan huwa hemm biex jagħti pjaċir lill-irġiel, u persuni bisesswali jintużaw biss fi threesomes. In-nisa għandhom it-tendenza jfittxu aktar siti erotiċi u porn li huwa aktar kuntestwali, aktar milli kopulazzjoni sesswali.
Finalment l-iktar ħaġa mportanti li għandha tiġi kkunsidrata hija jekk l-użu tal-porn hux qed iħalli effett negattiv fuq ħajjitna jew le. Żgur li l-ġenituri għandhom jagħtu aktar każ li jipproteġu u jedukaw l-uliedhom. Għalhekk, aċċess limitat u moniteraġġ huma mportanti fejn jidħlu t-tfal u t-teens, u l-attivita’ tagħhom online. Madankollu, minħabba li l-pornografija online hija aċċessibbli faċilment, l-enfasi għandha tkun fuq edukazzjoni u komunikazzjoni onesta aktar milli kontroll.
Bħala adulti rridu nagħtu ħarsa onesta lejn kemm il-porn qed iħalli mpatt f’ħajjitna: l-attivita’ pornografika tagħna qed tgħin jew tnaqqas il-konnessjoni intima mal-partner? L-użu tal-porn qed jikkawżali problemi meta niġi biex ikolli x’naqsam sesswalment ma’ persuna fir-realta’? Nesperjenza emozzjonijiet dipressivi jew t’iżolazzjoni wara li nara l-porn? Għandi t-tendenza naħbi li qed nagħmel użu minnu? L-użu tal-porn qed iħalli mpatt drastiku fuq ix-xogħol, il-finanzi u r-relazzjonijiet tiegħi?
Mhux kull użu pornografiku huwa problematiku għall-individwi u l-koppji. F’ċertu forom ta’ terapija sesswali, l-użu tal-porn individwali jew bħala koppja jista’ jintuża sabiex jagħti spinta r-relazzjoni sesswali. Madankollu ċertu koppji jħossu li din il-forma ta ċibersess tista’ tkisser il-konfini tar-relazzjoni u tikkrea problemi billi toħloq aspettattivi sesswali mhux realistiċi. Bejn koppja huwa mportanti li ż-żewġ naħat jitkellmu b’mod ċar dwar il-perspettiva personali tagħhom dwar il-pornografija online u jinnegozjaw regoli u konfini dwar dan b’rabta mar-relazzjoni tagħhom.
Referenzi
https://www.parlament.mt/media/80801/07031.pdf
Asthon, S., McDonald, K. & Kirkman, M. (2018). Women’s experiences of pornography: A systematic review of research using qualitative methods. The Journal of Sex Research, 55(3), 334-347.
Bridges, A.J. (2010). Pornography’s effects on interpersonal relationships. The Social Costs of Pornography: A Collection of Papers, 89-110.
De Alarcon, R., De La Iglesia, J.I., Casado, N.M., & Montejo, A.L. (2019). Online Porn Addiction: What we know and what we don’t – A Systematic Review. Journal of Clinical Medicine, 8(1). 91
Muusses, L.D., Kerkhof, P.& Finkenauer, C. (2015). Internet pornography and relationhsip quality: A longitudinal study of within and between partner effects of adjustment, sexual satisfaction and sexually explicit internet material among newly-weds. Computers in Human Behavior, 45, 77-84.
Park, B.Y., Wilson, G., Berger, J. Christman, M., Reina, B. Bishop, F. & Doan, A.P. (2016). Is Internet Pornography causing Sexual Dysfunctions? A review with clinical reports. Behavioral Sciences, 6(3), 17.
Perry, S.L. & Schleifer, C. (2018). Till porn do us part? A longitudinal examination of pornography use and divorce. The Journal of Sex Research, 55(3), 284-296.
Schneider, J.P, Weiss, R. & Samenow, C. (2012). Is it really cheating? Understanding the emotional reactions and clinical treatment of spouses and partners affected by cybersex infidelity. Sexual Addiction & Compulsivity, 19(1-2), 123-139.
Tylka, T. L. (2015). No harm in looking, right? Men’s pornography consumption, body image, and well-being. Psychology of Men & Masculinity, 16(1), 97–107.
Għandek xi esperjenza li tixtieq taqsam magħna ta’ wham b’rabta mal-użu tal-porn? Tista’ tagħmel dan anke b’mod anonimu. Ikkuntattjana jew ibgħatilna imejl fuq [email protected]
Anna Catania (MCouns PG Dip fit-Terapija dwar il-Psikosesswalita’ u r-Relazzjonijiet. Anna hija ‘counsellor’ specjalizzata fuq is-sesswalita’ u r-relazzjonijiet. Hija tipprovdi pariri lill-individwi u koppji li qed jesperjenzaw problemi bis-sesswalita’, relazzjonijiet u intimita’.
Għal aktar informazzjoni dwar Anna kif ukoll lista ta’ artikli miktuba minnha fuq Wham agħfas hawn