Share the love

Ottubru huwa x-xahar li fih kull sena titqajjem ‘awareness’ fuq il-Kanċer tas-Sider. Jiġu organizzati mixjiet, tiġirjiet u anke ġiri bir-roti madwar Malta u Għawdex sabiex jinġabru l-fondi għal-NGO’s u għar-riċerka dwar il-kanċer. L-iskejjel, kif ukoll postijiet tax-xogħol jorganizzaw laqgħat u jinkuraġġixxu l-ilbies r-roża għal dawk il-ġranet partikolari. Din l-‘awareness’ hija importanti għaliex tenfasizza l-importanza li mara jkollha l-eżaminazzjonijiet mediċi neċessarji u trattamenti f’każ li jkun hemm xi problema.

Din is-sena, minħabba l-pandemija tal-COVID, l-NGO’s kellhom jaħsbu f’modijiet differenti biex iqajmu kuxjenza u jiġbru l-fondi għas-servizzi tal-kanċer u r-riċerka. Dawk minna li jaħdmu fil-qasam tal-Kura tal-Kanċer jafu bl-importanza li l-kanċer jiġi skopert fl-istadji bikrin u t-trattament jingħata kmieni. Madankollu, aħna għandna nkomplu naħdmu għal-trattamenti u servizzi relatati mal-kanċer aħjar, u naħdmu wkoll sabiex insibu kura għal din il-kundizzjoni li tolqot lill-kbar u saħansitra ż-żgħar.

Sfortunatament, għal dawk l-individwi u familji li kellhom jaffaċċjaw il-marda tal-kanċer, ‘Pink October’ huwa żmien kemmxejn iebes. Daż-żmien jista’ jġib miegħu memorji iebsin, dwejjaq u ansjeta’ għax jiftakru fid-diffikultajiet kollha li għaddew minnhom. Għal dawn il-familji, iż-żigarella r-roża tista’ tkun simbolu ta’ tama imma ukoll ta’ sofferenza u żminijiet iebsa.

Bħal ma jafu dawk kollha li għaddew minn din l-esperjenza, id-dijanjosi tal-kanċer tbiddel il-ħajja b’mod drastiku. Jinbidlu l-prijoritajiet, u ħafna mill-pjanijiet jinbidlu jew jiġu kkanċellati. Din l-aħbar iġġib magħha ħafna nċertezza mhux biss lill-persuna li qed taffaċċja din il-marda, iżda wkoll lil dawk ta’ madwarha. Isiru numru ta’ investigazzjonijiet mediċi li għal kemm jistgħu jikkawżaw anzjeta’, huma neċessarji biex it-tim multidixxiplinarju involut fil-kura tal-pazjent ifassal pjan ta’ kura.

Għal xi familji, ‘Pink October’ huwa aktar diffiċli. F’każijiet ta’ kanċer rikorrenti jew metastasi, il-familja tgħix minn test għall-test, u minn kura għal kura. Dejjem hemm ‘scan’ ieħor jew mediċina oħra, aktar radjuterapija jew immunoterapija. Hemm mumenti sbieħ meta jaslu riżultati tajbin u mumenti ħżiena u diffiċli. Dawn l-esperjenzi m’humiex ħfief, la biex tgħaddi minnhom u lanqas biex tinsihom.

Huwa mportanti li aħna nkunu sensittivi lejn dawk li jkunu qed jaffaċċjaw din il-marda s-sena kollha imma ukoll waqt ix-xahar t’Ottubru. Id-dijanjosi ta’ kanċer iġib miegħu bidliet kbar fil-ħajja tal-individwu u fil-ħajja ta’ madwarhom. Il-kanċer u t-trattament mediku jaffettwa d-dehra tal-ġisem kif ukoll il-kwalita’ tal-ħajja, u jista’ jikkawża ansjeta’, biża u dwejjaq kbar. Li tilbes ir-roża waqt ix-xahar t’Ottubru hija ħaġa sempliċi ħafna imma tista’ turi lil dawk li għaddejjin minn żmien iebes li għandhom is-sapport tiegħek. Apparti minn hekk inqajmu iktar ‘awareness’ fuq l-importanza tas-saħħa tas-sider, l-edukazzjoni u r-riċerka tal-kanċer. Nittamaw u naħdmu biex fil-futur l-ebda familja ma jkollha terġa taffaċċja din il-marda li ġġib magħha diffikultajiet kbar.

Issapportjana fil-missjoni tagħna li nqajmu kuxjenza dwar il-kanċer tas-sider u li nagħtu għajnuna lill-NGOs tal-kanċer tas-sider u Hospice…

Issapportja lil Women for Women u Toly billi tixtri ‘blusher’ speċjalment maħluq minn Toly! 3 ewro minn kull ‘blusher’ mibjugħ se jingħataw b’donazzjoni lill-karità inklużi Hospice Malta u Europa Donna. Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok agħfas hawn .


Share the love

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *