Il-konnessjoni tagħna mal-ikel u l-emozzjoni hija waħda primittiva ħafna li tibda mat-twelid, eżattament fil-minuta li jħaddnuna u jagħtuna l-ewwel ħalib tagħna. F’dak il-mument nesperjenzaw is-sentiment sabiħ ta’ sigurta’ u sodisfazzjon. Tarbija titwieled b’ żewġ bżonnijiet prinċipali, il-bżonn tal-għaqda, viċinanza fiżika, u sens ta’ sigurta’, kif ukoll il-bżonn li tiekol. Meta tarbija żżommha u titmagħha fl-istess ħin, dawn iż-żewġ bżonnijiet jiġu moqdija flimkien; il-mument fejn l-ikel u s-sentiment jitħalltu u jsiru ħaġa waħda. Huwa mportanti ħafna li nifmhu li din il-konnessjoni ssir fis-subkonxju u għalhekk teħodhiex kontra tiegħek innifsek meta tfittex l-ikel bħala konsolazzjoni. Nistgħu ngħidu li aħna bijoloġikament ipprogrammati biex niffokaw fuq l-ikel kull meta nkunu taħt xi forma ta’ stress.
Li nħossu l-ġuħ hija esperjenza naturali, imma kultant nieklu mhux għax inkunu bil-ġuħ imma għax qalbna jkollha l-ġuħ. Dan insejħulu ’emotional eating’.
‘Emotional eating’ iseħħ meta nwieġbu għas-sejħa ta’ moħħna mingħajr ma niċċekkjaw jekk l-istonku tagħna huwiex verament bil-ġuħ. Hemm ħafna raġunijiet emozzjonali għalfejn nieklu: nieklu għax inħossuna mdejqin u nħossu l-bżonn ta’ xi ħaġa tajba, nieklu għax inħossuna kuntenti u nkunu rridu niċċelebraw, nieklu għax inħossuna mnikktin u għandna bżonn ftit konsolazzjoni, nieklu għax inħossuna rrabjati u ma nkunux nafu kif għandna nesprimu r-rabja tagħna, u nieklu meta nħossuna ffrustrati, waħedna jew meta nħossu l-bżonn li nimlew il-ħin b’ xi haġa.
Meta nieklu biex nissodisfaw il-ġuħ emozzjonali ħafna drabi nfittxu ikel ta’ malajr, ikel li jissodisfana, u dan nagħmluh mingħajr ma naħsbu jew nindunaw. Ħafna drabi l-messaġġ biex nieklu jiġi minn barra l-ġisem tagħna u mhux minn żaqqna.
Per eżempju ġieli nieklu għax l-ikel ikun jidher sabiħ u tajjeb, jew għax ma stajniex nieklu meta konna bid-dieta; għax sar il-ħin tal-ikel, għax iltqajna mal-ħbieb għall-kafe’ jew għax għandna xi okkażjoni jew attivita’ soċjali.
Il-mod ideali biex inwaqqfu dan l-ikel kumpulsiv huwa billi nieklu biss meta nħossuna fiżikament bil-ġuħ.
Ġisimna huwa ta’ min joqgħod fuqu, u jekk nisimgħuh jgħidilna meta tassew għandna l-ġuħ, jirnexxielna nindunaw, jew noqgħodu attenti wkoll jekk is-sinjal ikun vera dgħajjef.
Matul iż-żmien tlifna il-kapaċita’ li niddistingwu bejn il-ġuħ fiżiku u dak emozzjonali; tlifna l-kuntatt ma ġisimna, imma jekk nisimugħ nidraw nagħmlu distinzjoni bejn li nieklu għal qalbna jew għall-istonku. Bl-istess mod nindunaw ukoll meta nkunu kilna biżżejjed, li mhix ħaġa faċli speċjalment meta nkunu qed nieklu għal raġunijiet emozzjonali minflok għal ġuħ fiżiku.
Meta nieklu biex nissodisfaw il-ġuħ emozzjonali, l-ikel ma jkunx biżżejjed biex jissodisfana u għalhekk ma jkunx faċli li nieqfu.
Li nkissru r-ritmu tal-ikel emozzjonali huwa diffiċli ħafna, imma jekk irridu għandna l-kapaċita’ li nagħmlu dan. Għalkemm mhux kollox jinsab fil-kontroll tagħna, ir-reazzjonijiet, l-imġieba u l-attitudni huma tagħna u għalhekk nistgħu nikkontrollawhom kif irridu. Ix-xewqa li nieklu tista’ tkun aktar qawwija minn dawn. Għalhekk huwa mportanti li nfasslu t-tifsira ta’ din id-dinamika f’moħħna, biex b’hekk inċekknu l-poter ta’ din il-kilba kompulsiva għall-ikel. Dan joħloq sfida kbira fina u jkun jeħtieġ li nagħmlu sforz mentali, imma hemm bżonn nagħmlu dan jekk irridu nkissru din il-kilba għall-ikel għal raġunijiet emozzjonali.
Ejja nagħtu ħarsa lejn l-emozzjonijiet.
L-emozzjonijiet huma parti essenzjali fil ħajja umana speċjalment minħabba li dawn jittrażmettulna informazzjoni dwar x’qed jiġri fil-ġewwieni tagħna, f’ moħħna u f’ qalbna. Ċertu emozzjonijiet inħossuhom faċilment aktar minn oħrajn u ħafna drabi nippruvaw nevitaw l-esperjenza tal-emozzjonijiet l-aktar diffiċli jew stressanti bħal nuqqas ta’ nteress, li nħossuna waħedna, il-biża’, ir-rabja, il-ħsieb li m’ aħna tajbin għal xejn, l-anzjeta’ u l-frustrazzjoni u emozzjonijiet simili. Niffokaw fuq l-ikel biex naħarbu minn dawn l-emozzjonijiet diffiċli. L-ikel jista’ jagħtina konsolazzjoni imma is-sentimenti ma nistgħux nemilinawhom. Nistgħu biss naħbuhom jew naħarbu minnhom. L-uniku mod biex sentiment jiddgħajjef huwa billi nesperjenzawh, idejjaqna kemm idejjaqna. Jekk inżommuh ġewwa fina ma jħalliniex inkunu persuni ferħana u spontanji.
Li nduru lejn l-ikel għall-ewwel jista’ jgħinna naħarbu mis-sentimenti, iżda dan iġib ħafna żvantaġġi bħal żieda fil-piż u nuqqas ta’ poter fuqna nfusna.
Per eżempju nistgħu nieklu biex ma nħossuniex waħidna imma wara li nieklu mhux biss xorta se nħossuna waħidna, imma nħossuna wkoll ħatja jew nistħu għax inkunu kilna żżejjed. Diffiċli naffaċċjaw l-ewwel emozzjoni u aktar u aktar it-tieni waħda. Dan iwassal għal ċiklu ta’ ikel negattiv, inħossuna ħażin, nieklu, nerġgħu nħossuna ħażin, nieklu u nerġgħu nħossuna aktar ħażin…
Li kultant nużaw l-ikel bħala premju biex inħossuna aħjar jew biex niċċelebraw mhix ħaġa ħażina. Il-problem tkun meta l-ikel isir l-uniku mod li nużaw biex naffaċċjaw l-emozzjonijiet tagħna, meta kull darba li nħossuna stressati mmorru niftħu l-friġġ, l-istess meta nkunu rrabjati, mdejqin, għajjenin, bla nteress jew waħedna. Dan joħloq il-periklu li ninqabdu f’dan iċ-ċirku vizzjuż mingħajr ma nindirizzaw il-problema.
Biex teħles minn dan iċ-ċiklu ta’ ikel emozzjonali trid tidra tara d-differenza bejn il-ġuħ fiżiku u l-ġuħ emozzjonali. Dan mhux faċli speċjalment jekk tkun imdorri ddur għall-ikel minflok taffaċċja l-emozzjonijiet tiegħek. Fl-artiklu li jmiss ser nispjega kif tista’ tkisser dan iċ-ċiklu u titgħallem pass pass kif tista’ tieqaf tiekol iżżejjed. Sadanittant oqgħod attenta għall-ġuħ li tħoss u ċċekkja jekk ikunx tassew ġuħ mill-istonku. Dejjem aħseb u ara x’qed tiekol, u għaliex, u kul b’attenzjoni, għax dan kollu jgħin biex ma tikolx iżżejjed, għax jekk taħseb waqt li tiekol tista’ tiddeċiedi jekk dak l-ikel għandekx bżonnu jew le, u tista’ tiddeċiedi wkoll li tieqaf tiekol.
Karen Schranz hija Psikoterapista, Fitness Trainer kif ukoll kowċ tas-Six Pack Revolution.