Persuna t’ispirazzjoni hija xi ħadd li jiġi ammirat, li jispira ħafna nies, u li jingħata stima għolja minn individwi oħra minħabba l-abbilta’ li biha juru passjoni u ispirazzjoni, b’potenzjal li juru sett ta’ valuri ċari u mpenn lejn il-komunita’. ‘Role models’ huma kapaċi jaċċettaw lil kulħadd u jegħlbu l-ostakli mingħajr pretens żejjed. Dawn jistgħu ikunu nies li l-persuna tkun taf personalment jew jista’ jkun ukoll xi ħadd li qatt ma ltaqgħu miegħu, bħal xi persuna famuża.
Permezz ta’ dan l-artiklu nixtieq naqsam ma kull wieħed u waħda minnkom lista ta’ nisa li jispirawni, kif ukoll ir-raġuni għala nqishom bħala ‘role models’ tiegħi. Kull mara msemmija hawn taħt affetwatni b’mod jew ieħor, kemm permezz tal-bidliet li wettqu kif ukoll bil-mod li bih affaċċjaw esperjenzi diffiċli f’ħajjithom.
Greta Thunberg
“You all come to us young people for hope. How dare you! You have stolen my dreams and childhood with your empty words.”
Greta Thunberg
Greta Thunberg hija żagħżugħa attivista ta’ 17-il sena li gwadannjat l-attenzjoni tal-pubbliku fl-eta’ ta’ 15-il sena, wara li ħadet id-deċiżjoni biex ma tmurx skola u minflok tagħmel tliet ġimgħat tipprotesta kontra l-bidla fil-klima barra mill-parlament Svediż, filwaqt li żżomm kartonċina bil-kliem “Skolstrejk för Klimatet” (Strajk Skolastiku għall-Klima).
Il-kunċett li tinqabeż l-iskola għall-protesti flimkien mal-użu tal-banners imsejħa ‘Fridays for Future’ ġie magħruf mad-dinja kollha u ispira lil ħafna sabiex jingħaqdu magħha. Hija semgħet minn kliemha stess u għamlet użu ta’ jott li ma jarmix emmissjonijiet biex tattendi l-‘UN Climate Action Summit’ li kien qed isir fi New York, fejn hi għaddiet kummenti emozzjonanti għall-aħħar bħal “Jien ma missnix qiegħda hawn” u “Jien suppost qiegħda l-iskola n-naħa l-oħra tal-oċean.”
Greta rnexxielha wkoll tqajjem kuxjenza fuq is-sindromu Asperger, minħabba l-fatt li hi stess għandha dan is-sindromu. Hija ddiskrivietu bħala rigal u qalet li li tkun differenti huwa “superpower”.
Ir-raġuni għala nammira lil Greta Thunberg hija minħabba li ta’ eta żgħira kellha l-kapaċita’ tifhem suġġett daqsekk kumpless u kellha l-abbilta’ li titkellem fuqu f’okkażjonijiet differenti. Jogħġobni l-fatt ukoll li billi qed tagħmel hekk, hija qed jirnexxilha toħloq aktar kuxjenza fuq dan is-suġġett, li qed iwassal għall-bidla. Hija kellha taffaċċja wkoll ħafna kritika u kien hemm ħafna li għajruha, iżda dan ma waqqafhiex milli tiġġieled għal dak li temmen li huwa tajjeb. Id-determinazzjoni tagħha tagħtini l-kuraġġ nitkellem u nargumenta fuq dawk l-affarijiet li nemmen li huma ragonevoli, mingħajr ma nħalli l-kummenti negattivi ta’ ħaddieħor ikissruli l-ideat tiegħi.
Milena Kadieva
“It is a recognition of every active woman in Europe. It is an inspiration to all women and girls in Europe that their actions matter. It is a sign that even the work of a single woman could change the world.”
Milena Kadieva
Riċentament, Milena Kadieva rebħet premju talli “ħadet azzjonijiet straordinarji fil-livell lokali” fil-Women of Europe awards. Dan il-premju ġie mogħti lilha talli ħolqot fondazzjoni li tgħin lill-vittmi tal-vjolenza kontra n-nisa, li hi semmiet Gender Alternatives Foundation. Din il-fondazzjoni magħmula minn tim ta’ avukati, psikoloġisti u ‘social workers’ li jipprovdu s-sapport lin-nisa meta jkollhom jaffaċċjaw problemi ekonomiċi u soċjali.
Hi u taċċetta l-premju, hija semmiet li l-missjoni tagħha bħala avukata tad-drittijiet umani hija biex tipproteġi t-tfajliet u n-nisa mill-vjolenza, biex jissapportjaw lil dawk li huma fil-bżonn u anke biex jaħdmu favur l-ugwaljanza bejn il-ġeneri.
Il-kwotazzjoni msemmija hawn fuq laqtitni mmedjatament, għax għalkemm kollha kemm aħna għandna potenzjal, hemm ċans li nibżgħu mir-reazzjonijiet ta’ ħaddieħor meta nibdew naħdmu fuq xi ħaġa li nemmnu ħafna fiha, weħidna. Hija tagħtini l-kuraġġ li l-potenzjal tiegħi jista’ jkun biżżejjed biex iġib il-bidla, anke jekk inkun l-unika waħda li nemmen fiha.
Johanna Nejedlová
“We need to focus on creating a safer and better environment for women. And, there is no shortage of tools to do so. We need politicians and public figures to speak up and make gender-based sexual violence their priority and the first step on the long journey towards gender equality is the ratification and implementation of the Istanbul Convention in all European countries.”
Johanna Nejedlová
Johanna Nejedlová hija l-ko-fundattriċi ta’ Konsent, li huwa grupp maħluq minn għaqda ta’ femministi żgħażagħ. L-għan ta’ dan il-grupp huwa biex tinħoloq aktar ugwaljanza bejn il-ġeneri fir-Republika’ Ċeka billi jitkissru l-mitoloġiji madwar l-istupru, jmur kontra s-sessiżmu u jippromwovi sess b’kunsens.
Riċentament, Nejedlová rebħet premju fil-Women of Europe Awards 2019 talli saħħet il-vuċi tan-nisa żgħażagħ fl-Ewropa mix-xogħol devot tagħha biex tagħmel il-komunita’ Ċeka post aħjar u aktar sikur. Għamlet dan billi edukat dwar il-fastidju sesswali u l-konsegwenzi tiegħu.
Hawnhekk hi qalet “li hija ħaġa mperattiva li neliminaw il-vjolenza kontra n-nisa sabiex inġibu l-ugwaljanza. Ma nistgħux nistennew li n-nisa jiffjorixxu fuq livell personali u professjonali jekk is-sigurta’ tagħhom tibqa’ mhedda b’fastidju, attakk jew stupru.”
Personalment, naħseb li dak li qed tagħmel Johanna huwa xogħol verament tajjeb li jista’ jgħin lin-nisa kollha. Il-fatt li l-irġiel jiġu trattati ħafna aħjar minn nisa fejn tidħol il-paga, il-qorti, eċċ, għax huma nisa verament iweġġani, u personalment ma nistax nifhem għala teżisti l-inugwaljanza bejn is-sessi. Fl-opinjoni tiegħi, għandu jkun hemm aktar kuxjenza fuq fastidji, assulti u stupri u l-konsegwenzi tagħhom, peress li kważi kull mara tesperjenza xi waħda minn dawn f’ħajjitha. Nammiraha minħabba li naf li qed taħdem biex ittejjeb il-kwalita’ tal-ħajja għalina n-nisa.
Monica Cirinnà
“It is not exactly equal to other marriages, which I would have preferred, but it is a bill that recognizes all social rights.”
Monica Cirinnà
Monica Cirinnà, li hija membru Taljana tas-Senat, twieldet u trabbiet f’familja Kattolika, għamlet 20 sena taħdem f’Ruma u ilha ħajjitha kollha attivista tad-drittijiet tal-ambjent, tan-nisa u tal-annimali.
Fl-2016, il-liġi li taċċetta l-unjonijiet ċivili bejn l-istess sessi għaddiet u ġiet imsemmija għaliha. Hija kienet ir-raġuni għala Ruma fetħet l-ewwel uffiċini tad-drittijiet tal-annimali u kkontribwiet għall-liġi nazzjonali li tiprojbixxi l-qtates u l-klieb milli jiġu miżmuma ġo djar pubbliċi tal-klieb.
Addizzjonalment, Monica Cirinnà saħqet mas-sindku ta’ Ruma ta’ dak iż-żmien, Gianni Alemanno, biex idaħħal aktar nisa fil-kabinett.
Hija ġġieldet għall-ugwaljanza bejn iż-żwieġ ta’ l-istess sess u żwieġ bejn raġel u mara, u kellha taċċetta verżjoni differenti tal-liġi li pproklamat, kif ukoll iġġieldet favur l-addozzjoni tal-i‘step-child’.
Jien persuna li nħobb l-annimali u li nemmen li kulħadd ħaqqu kwalita’ ta’ ħajja tajba, kif ukoll li ħadd m’għandu jiġi ġġudikat skond l-orjentazzjoni sesswali. Nammira ħafna l-Monica minħabba li taħdem u tistinka għal ħafna affarijiet li anke jien nemmen li huma veru importanti għal ħajja tal-lum.
Malala Yousafzai
“When the whole world is silent, even one voice becomes powerful.”
Malala Yousafzai
Malala Yousafzai saret famuża inizjalment għall-attiviżmu fit-tfulitha kontra r-restrizzjonijiet li ħalqu t-‘Tehrik-e-Taliban Pakistan’s (TTP’s)’ fuq l-edukazzjoni tan-nisa, li kienet qed tiġi mmexxija minn Maulana Fazlullah. Dak iż-żmien, il-familja tagħha ħarbet dan il-post għal raġuni ta’ sigurta’ u rritornaw wara li naqset it-tensjoni u l-vjolenza.
Yousafai kitbet ‘blog’ għall-‘British Broadcasting Corporation (BBC)’ u anke għamlet apparenza fuq it-televiżjoni. Waqt waħda mill-apparenzi tagħha fuq it-TV, hija qalet li “L-edukazzjoni hija ta’ poter għan-nisa. It-Taliban qed jagħlqu l-iskejjel tan-nisa għax ma jridux li n-nisa jkollhom il-poter.”
Isimha sar aktar magħruf wara li sofriet ferita minn sparatura f’rasha u salvat. Minbarra li sservi bħala avukata għad-drittijiet u l-edukazzjoni tan-nisa, hija wkoll l-iżgħar persuna li qatt irċeviet il-Premju Nobel tal-Paċi.
Niftakar li fis-sekondarja isimha ġieli ssemma, u onestament naħseb li hija waħda mill-aktar nisa t’ispirazzjoni fid-dinja. Malala mhux biss hija l-iżgħar rebbieħa tal-Premju Nobel tal-Paċi, imma hija ġġieldet għad-drittijiet tan-nisa t’eta żgħira. Il-fatt li kellha l-kuraġġ tiġġieled għad-drittijiet tan-nisa wara li għaddiet minn trawma daqsekk kerha, għalija hija xi ħaġa inkreddibli. Hija ġġagħlni nemmen li minkejja l-ostakli kollha li nista’ naffaċċja matul ħajti, xejn m’għandu jwaqqafni milli niġġieled għad-drittijiet tiegħi.
Ruth Bader Ginsburg
“My mother told me to be a lady. And for her, that meant to be your own person, be independent.”
Ruth Bader Ginsburg
Minn meta Ruth Bader Ginsburg kienet għadha żgħira, hija dejjem xtaqet issir avukata, imma n-nies kienu jgħajjruha għaliex skonthom, biex tkun imħallef jew avukat ridt tkun raġel. Hija nnutat li l-imħallfin jew l-avukati ta’ dak iż-żmien kienu kollha rġiel, imma dak il-fatt ma waqqafhiex milli toħloq bidla.
Hija kienet waħda mill-aqwa studenti tal-Iskola tal-Liġi ta’ Harvard u ġiet l-ewwel fil-gradwazzjoni mill-Iskola tal-Liġi tal-Kolombja. Kien hemm ħafna nies li kienu jgħidu lir-raġel tagħha li suppost hija baqgħet id-dar mat-tarbija, imma hu kien jieħu gost iqatta’ ħin mat-tarbija u kien veru kburi bil-mara tiegħu.
Ruth Bader Ginsburg mhux biss kienet appassjonata dwar id-drittijiet tan-nisa, iżda argumentat ukoll sitt każijiet importanti li kienu dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi quddiem il-Qorti Suprema tal-Istati Uniti. Hija vvutat biex twaqqaf il-piena tal-mewt tat-tfal, biex jipproklamaw l-ugwaljanza taż-żwieġ permezz ta’ “the law of the land”, u żiedet il-protezzjoni mill-inġustizzji tal-pulizija ta’ dawk li jiġu arrestati fil-perjodu ta’ qabel ma jibdew jidhru l-qorti. Isimha tniżżel fl-istorja talli saret it-tieni mħallef femminili fil-‘ US Supreme Court’. Ir-rimarka tagħha dwar li biss meta jkun hemm disa’ nisa fil-Qorti Suprema jkun hemm biżżejjed, bellaħ lil-kulħadd, għaliex dejjem kien hemm disa’ rġiel – b’hekk kienet qed turi l-importanza tal-ugwaljanza.
Jien u nitgħallem dwar din il-mara ħassejtni verament fortunata li qed ngħix fl-istess perjodu tagħha. Meta sirt naf li fit-18 ta’ Settembru, 2020, ħalliet din id-dinja, verament iddispjaċieni. Hija esperjenzat u ġġieldet ħafna sessiżmu f’ħajjitha; saret it-tieni prefessura tal-liġi feminnili fl-Iskola tal-Liġi ta’ Rutgers u iġġieldet biex in-nisa u l-irġiel ikollhom l-istess paga; kienet il-ko-fundatriċi ta’ l-ewwel ġurnal tal-liġi fuq id-drittijiet tan-nisa kif ukoll ‘Women’s Rights Project l-ACLU’; isimha beda jsir aktar magħruf minħabba l-opinjonijiet ta’ maġġoranza u dissenti jaħarqu; hija kienet l-ewwel ‘Supreme Court justice’ li uffiċjat iż-żwieġ omosesswali u hija l-unika ‘Supreme Court justice’ li saret ikona tal-kultura ‘pop’.
Ruth Bader Ginsburg inspiratni u urietni li bħala mara, jiena nista’ nagħżel kwalunkwe professjoni, anke jekk tkun magħrufa aktar bħala professjoni maskili, u li jien m’għandix inwaqqaf lili nnifsi milli nipprova nġib idea ġdida fid-dinja għax forsi nkun l-ewwel waħda. Hija ma beżgħatx iġġib il-bidla u jien għalhekk nammiraha ħafna. Madankollu, il-kwotazzjoni tagħha li ktibt aktar il-fuq hija xi ħaġa li spiss tgħidli ommi, għalhekk inħoss konnessjoni emozzjonali magħha wkoll.
Melanie Martinez
“President? What a joke. Your kind are too soft and too sensitive to handle a man’s job – Having a larger capacity to feel and express emotion are one of the many qualities that make us superiour to your kind.”
Melanie Martinez in K-12
Melanie Martinez għandha 25 sena u hija kantanta, ‘songwriter’, attriċi, ‘screenwriter’, direttriċi u fotografa. Hija kkreat u mexxiet filmati żgħar għal kull diska fl-album tagħha ‘Cry Baby’.
L-għan ewleni tagħha huwa li toħloq mużika li tippromwovi fejqan għax temmen li l-arti u l-mużika huma forom effettivi ta’ terapija.
L-‘album’ tagħha – K-12 huwa riflessjoni li rat fiha nnifisha. K-12 kien addattat f’film. Dan il-film huwa bbażat fuq id-dinja moderna u joffri kummentarju jaħraq fuq ħafna kwistjonijiet, bħar-razziżmu, ‘bullying’, sessiżmu, diskriminazzjoni kontra l-komunita’ ‘transgender’, is-saħħa mentali u l-oppressjoni valenuża patrijarka. Melanie tixtieqna nifhmu li jekk aħna naprezzaw il-karatteristiċi uniċi tal-personalita’ tagħna u li nuru dak li verament aħna, anke meta naffaċċjaw xi problema, tgħinna biex ma nħossuniex daqshekk waħedna u b’hekk nibdew insibu postna fid-dinja.
Personalment, jien naħseb li Melanie hija artista inkredibbli, il-mużika tagħha togħġobni ħafna, u nista’ nirrelata mal-lirika minħabba li għandha tifsira aktar profonda. Meta nsib lili nnifsi naffaċċja sitwazzjonijiet diffiċli, għandi t-tendenza li nisma d-diski tagħha, li b’xi mod inħossni nirrelata magħhom f’dak iż-żmien partikolari.
Anke fil-mumenti meta nħossni waħdi, nista’ ngħid li b’xi mod, id-diski tagħha u l-karattri bħal donnhom jifhmuni. Xi temi ppreżentati fid-diski ta’ K-12 huma l-ħbieb foloz; li tieħu brejks minn relazzjonijiet tossiċi li jwasslu għad-dipressjoni; bulimja; il-pressjoni pubblika; senswalita’ u ideoloġiji relatati mal-figura femminili li spiss bħala nisa jkollna naffaċċjaw; fastidji kontra n-nisa u ħafna aktar.
Addizzjonalment, dan il-film huwa estetikament sabiħ u kkulurit. Personalment nammira l-fatt li ma tibżax tkun differenti, u speċjalment ma tibżax toħloq kuxjenza u titkellem fuq l-opinjonijiet tagħha dwar suġġetti mportanti. Nammira l-fatt li hija kienet id-direttriċi u l-produttriċi tal-vidjows tal-mużika tagħha u anke tal-film, li huwa mtella’ b’xejn fuq Youtube, bl-intenzjoni li tqajjem kuxjenza.
J.K. Rowling
“It is impossible to live without failing at something, unless you live so cautiously that you might as well not have lived at all – in which case, you fail by default.”
J.K. Rowling
J.K Rowling hija bla dubju waħda mill-aktar kittieba sinjuri fid-dinja, imma ħajjitha qatt ma kienet xi waħda ħafifa.
Hija ġiet miċħuda mill-Universita’ ta’ 17-il sena u mbagħad meta kellha 25 sena esperjenzat l-aktar ħaġa trawmatizzanti li xi ħadd jista’ jesperjenza; tilfet l-ommha minħabba l-kundizzjoni magħrufa bħala Multiple Sclerosis. Sena wara, hija għaddiet minn korriment u ta’ 28 sena ddivorzjat lil-żewġha li kien jabbuża minnha. Dan wassalha għal dijanjosi ta’ dipressjoni. Ta’ 29 sena, hija kienet omm weħidha, tgħix f’appartament żgħir mingħajr flus u xogħol, u fit-2008 hija saħqet li hija l-akbar falliment li taf.
Meta kellha 30 sena riedet tikkommetti suwiċidju, imma imbagħad bdiet taħdem fuq ktieb li inizzjalment ġie miċħud minn aktar minn tnax-il pubblikatur. Imma ta’ 31 sena rnexxielha tippublika l-ewwel ktieb tagħha u ta’ 35 sena ġiet meqjusa bħala l-‘Author of the Year’. Ħdax-il sena wara hija biegħet ħdax-il miljun kopja tal-kotba ta’ Harry Potter f’24 siegħa. Il-kotba tagħha imbagħad ġew adattati f’films, ‘theme parks’ u aktar.
Jien nammira ħafna lil din l-awtriċi mhux biss minħabba l-imħabba li għandi għall-‘Harry Potter franchise’, imma anke peress li rnexxielha ssib il-kreattivita’ anke meta ħajjitha kienet qed titfarrak. Jien u naħseb dwar il-fatt li f’ mument partikolari f’ ħajjitha kienet tħossha bħala l-akbar falliment, meta llum hija waħda mill-aktar nisa ta’ suċċess fid-dinja vera tispirani. L-istorja tagħha tgħallimni li għalkemm il-ħajja taf tkun diffiċli u trawmatizzanti, qatt m’għandna naqtgħu qalbna. Għalmitni nippersisti u nagħmel dawk l-affarijiet li jferrħuni, u meta nsib bieb magħluq m’għandix neħodha ħażin għax dak jaf ikun ifisser li hemm xi ħaġa aħjar għalija fil-qrib.
Nixtieq madankollu ngħid kelma fuq il-kontroversja tal-kummenti dwar in-nies ‘transgender’ li riċentament għamlet J.K. Rowling. Mingħajr ma nidħol f’ħafna dettal peress li l-informazzjoni relatata ma dan is-suġġett tista’ tinsab faċilment fuq l-internet, jien ma naqbel ma dak li J.K Rowling qalet fuq in-nisa trans. Jien ġejt imrobbija biex niffoka fuq il-pożittiv tal-persuna, għalhekk ma nistax immur kontra J.K. Rowling minħabba kummenti li qalet u ninsa t-tajjeb kollu li għalmitni qabel. Imma nixtieq nagħmilha ċara li nemmen b’qalbi kollha li kulħadd għandu d-dritt jgħix kif jixtieq hu, mingħajr ma jkollu jaffaċċja ħafna mistoqsijiet u mingħajr ma jiġi mgħallem kif għandu jkun, u jekk inti, li qed taqra dan, tidentifika lilek innifsek bħala trans, mela kun af li jien nirrispettak int kif int.
Selena Gomez
“I want girls to know that there’s an option of standing up for yourself.“
Selena Gomez
Selena Gomez hija bla dubju waħda mill-aktar artisti magħrufin madwar id-dinja, iżda ħajjitha qatt ma kienet faċli.
Meta għalqet 5 snin, il-ġenituri tagħha ddivorzjaw, u b’hekk marret tgħix m’ommha Los Angeles. Huma bagħtew ħafna finanzjarjament, filfatt, ommha kellha taħdem tlett xogħolijiet biex tipprovdi għaliha nnifisha u għat-tifla tagħha. Eventwalment, Selena bdiet tifforma l-karriera tagħha, iżda wara ftit żmien hija ngħatat dijanjosi tal-Lupus u kellhaa anke tikkanċella t-‘tour’ minħabba l-kimoterapija. Il-kundizzjoni tagħha kkawżat aktar kumplikazzjonijiet u kellha anke bżonn ta’ ‘kidney transplant’, imma waqt l-operazzjoni infaqgħetilha arterja u b’hekk it-tobba kellhom joħolqu waħda ġdida billi jagħmlu użu minn vina f’saqajha.
Hija bdiet titkellem b’mod onest fuq l-esperjenza tagħha dwar l-ansjeta, id-dipressjoni u l-uġiegħ ikkawżat mill-Lupus. Fl-aħħar, hija wkoll iddaħlet f’faċilita’ għal-mard mentali.
Fl-2017, Selena Gomez ġiet imsemmija bħala “Billboard’s Woman of the Year” għaliex ispirat ħafna nisa madwar id-dinja. Hija kienet il-produttur eżekuttiv ta’ 13 Reasons Why, ħalqet ‘partnerships’ mal-kumpaniji Puma u Coach u hija wkoll ambaxxatriċi attiva għall-UNICEF sa mill-2009. Hija ħadmet ukoll għal kawżi filantropiċi bħall-Fundazzjoni ‘Step Up’, kif ukoll ikkowċjat favur il-‘World Kindness Day’. Gomez irnexxiela tgħaqqad aktar minn $500,000 għall-Alleanza tar-Riċerka dwar il-Lupus.
Meta kont iżgħar, kont nistenna bil-ħerqa sabiex nara wieħed mill-aktar serji favoriti tiegħi ħalli nkun nista’ nammira l-kapaċita’ li kellha Selena Gomez. Kont inħossni ispirata mill-onesta’ tagħha dwar is-saħħa mentali u fiżika tagħha, waqt li tuża l-fatt li kienet ċelebrita’ sabiex toħloq kuxjenza dwar l-importanza tas-saħħa mentali u li persuna tfittex l-għajnuna u t-trattament meta u fejn ikun hemm bżonn. Hija għalmitni biex ma nibqax siekta u biex nuża leħni u ma nibżax mill-mistħija jew ġudizzju. Għalmitni nifhem li hija ħaġa tajba li niftaħ qalbi meta nħossn il-bżonn, u bis-saħħa tagħha llum il-ġurnata ma niddejjaqx ngħid li anke jien inbagħti mid-dipressjoni.
Madeline Stuart
“The world is becoming very black and white. People are striving for perfection where only the best is acceptable. If we continue down this road, then we will lose everything that is human…A model is supposed to represent reality, and in reality, people come in all shapes, sizes, nationality, and colour.”
Madeline Stuart
Madeline Stuart hija magħrufa bħala l-ewwel mudella professjonali bid-Down Syndrome, imma hija wkoll l-aktar mudella magħrufa fid-dinja bid-Down Syndrome.
Fit-2015, hija ddeċidiet tibda taħdem biex twettaq il-ħolm tagħha, li kien jinkludi ż-żfin, u għalhekk hija ddeċidiet taqbad drawwiet aktar tajbin sabiex issir aktar b’saħħitha. Għalkemm ħafna nies bid-Down Syndrome jesperjenzaw problemi tal-piż, hi rnexxielha tonqos 20 kilo. Hawnhekk ommha ddeċidiet biex ittella’ ritratt li juri t-transformazzjoni ta’ bintha, ritratt li kien suċċess kbir.
Minn dakinhar l’hawn Madeline immudellat waqt il-‘Paris Fashion Week’, ‘New York Fashion Week’, ‘Art Hearts Fashion Week’, ‘London Fashion Week’, ‘Style Fashion Week’, ‘Melange Fashion Week’, ‘Mercedes Benz Fashion Week China’, ‘Sunshine Coast Fashion Festival’ u aktar.
Hija tissapportja wkoll ħafna organizzazjonijiet ‘non-profit’. Ġieli għamlet apparenzi speċjali, jew żifnet jew immudellat fi wħud minnhom. Madeline Stuart tissapportja ħafna karitajiet bħall-‘Silver Linings Project’, ‘Vets Intl’, ‘The DisABILITY Museum’, ‘The Carol Galvin Foundation’, ‘Kulture City’, ‘Embrace Kulture’, ‘FUB Sweden’, ‘‘I can, I will’ Australia’, ‘Inside Outside Dance Ensemble’, ‘Buddy Walk NYC’, ‘Special Olympics of New York’, u ‘Cultural Device Project and Radical Beauty Project’ u ħafna aktar. Hija ġiet tidher ukoll f’publikazzjonijiet magħrufin bħal ‘Vogue’, ‘Cosmopolitan’, ‘Woman’s Day’, ‘Women’s Weekly’, u aktar.
Fis-snin 2015, 2016 u 2017, hija ġiet innominata għall-premju ta’ ‘Australia and Young Australian of the Year’, u ġiet imsejħa l-Mudella tas-Sena fl-2016 mill World Fashion Media. Għax xogħol tagħha f’Uganda minn Kulture City, Madeline ġiet mogħtija ‘Advocacy Award’, kif ukoll irċeviet ‘Quincy Jones Exceptional Advocacy Award’ minn ‘Global Down Syndrome’ fl-2018. Hija ħalqet ukoll il-‘Fashion Label’ tagħha li sejħet ’21 Reasons Why’.
Jien naħseb li din il-mara żagħżugħa hija waħda mill-aktar nisa t’ispirazzjoni fid-dinja għax xejn ma jwaqqafha milli tmur għal ħolm tagħha.
Billie Eilish
“In the public eye, girls and women with strong perspectives are hated. If you’re a girl with an opinion, people just hate you. There are still people who are afraid of successful women, and that’s so lame.”
Billie Eilish
Billie Eilish kellha l-ewwel ‘hit’ tagħha fl-eta’ ta’ 15-il sena bid-diska ‘Ocean Eyes’ wara li soffriet korriment li waqqafha milli tagħżel iż-żfin bħala l-karriera tagħha.
Riċentament hija rebħet erba’ ‘Grammy Awards’ għall-‘Album of the Year’, ‘Best New Artist’ u ‘Song of the Year’, ma ħuha Finneas, kif ukoll premju ieħor tal-‘Best Pop Vocal Album Grammy’.
Isimha tniżżel fl-Istorja meta saret l-ewwel artista feminnili u t-tieni kantanta li rebħet erba’ kategoriji kbar fil-‘grammies’, kif ukoll iddaħħlet fil-kotba tal-‘Grammy Record’ minħabba li saret l-iżgħar ‘solo’ performer’ ta’ 18-il sena li rebħet il-‘Grammy’ għall ‘Album of the Year’. Flimkien ma ħuha, hija kitbet id-diska tal-25 film ta’ James Bond, ‘No Time To Die’.
Hemm ħafna affarijiet li jwassluni biex nammira lil din l-artista. L-ewwel ħaġa Billie kienet minn dejjem determinata; kienet taf li riedet tikteb u tipperforma l-mużika, u għamlet ċert li xejn ma jwaqqafha. Billie Eilish semmiet ukoll li m’hemmx għalfejn wieħed ikollu ‘studio’ biex jipproduċi l-mużika, filfatt, hija kitbet ‘Ocean Eyes’ ma ħuha fil-kamra tiegħu. B’hekk għalmitni li m’hemmx għalfejn ikolli ammont ta’ flus biex nibda nirnexxi fil-ħajja. Hija tinsisti biex tagħżel il-ħwejjeġ għaliha nfisha, tikteb id-diski tagħha u timmaniġġja ħajjitha hi stess minflok ħalliet nies oħra jagħmlu dan ix-xogħol. Billie tispirani biex insir aktar indipendenti għaliex hija ta’ l-istess eta’ tiegħi u għandha l-kontroll fuq ħajjitha. Ħaġa oħra li togħġobni dwarha huwa l-istil tagħha li huwa ‘non-gender conforming’ u jista’ jiġi deskritt bħala ‘laidback’, kuraġġuż u kbir. Tagħmel dan biex tevita s-sessiżmu, b’hekk toħroġ l-idea li n-nisa ta’ spiss jiġu ‘sexualised’ u fl-opinjoni tiegħi din hija ħaġa ħażina u hija problema komuni li għandha tiġi affrontata. Il-mużika tagħha hija aktar minn ‘pop’, u l-lirika tal-mużika dejjem tkun profonda u mimlija tifsiriet. Dan jista’ jkun minħabba l-fatt li bħal ma qalet f’ħafna intervisti, hija għandha d-dipressjoni u għalhekk tħobb tpoġġi l-emozzjonijiet tagħha fid-diski. Din l-istqarrija minn naħa tagħha tgħinni nifhem li anke ċ-ċelebritajiet ikollhom jaffaċċjaw it-toqol tal-ħajja minkejja l-premji li jkunu rebħu jew jekk ikunu ġew magħrufin minn produtturi tal-films kbar, etc. Jekk wieħed ikollu kollox ma jfissirx li jkun ferħan, u għalija Billie Eilish tgħinni nifhem li jien mhux waħdi nersperjenza mumenti dipressanti.
Michelle Obama
“No one is born smart. You become smart through hard work.”
Michelle Obama
Michelle Obama hija bla dubju waħda mill-aktar nisa b’saħħithom fid-dinja u hija tuża dan it-titlu għall-ġid. Hija għenet biex nazzjon sħiħ jinbidel għall-aħjar u tiffoka fuq proġetti u programmi madwar id-dinja kollha, bħal strateġijji kontra l-obeżita’ u tinkoraġġixxi lin-nisa jirċievu l-edukazzjoni globalment. Hija omm devota, ikona tal-istil, u kittieba u avukata tajba.
Madankollu, meta kienet iżgħar Michelle kienet tgħix mal-familja tagħha f’appartament li kellu kamra tas-sodda waħda. Kienet taħseb li m’hijiex tajba biżżejjed imma ommha u missierha kienu jinkuraġġuha. Xi għalliema kienu jwissuha biex ma toħlomx iżżejjed għax il-marki tagħha ma kienux daqstant tajbin, u ftit kienu saħansitra jgħidulha li minħabba li hi tifla b’ġilda skura min-Naħa t’Isfel ta Chicago, qatt ma kienet se timxi l-quddiem fil-ħajja.
Dawn kienu kollha żbaljati għax wara li gradwat minn Harvard, Michelle saret avukata. Ġiet mitluba tkun ‘mentor’ għal avukat li ma kien ħadd ħlief Barack Obama. Barack Obama laħaq l-ewwel President ta’ ġilda skura, filwaqt li Michelle saret l-ewwel ‘First Lady’ Afrikana-Amerikana tal-Istati Uniti.
Personalment nammira l-Michelle Obama minħabba li titkellem ħafna dwar l-edukazzjoni għan-nisa, talli qabżet għan-nisa Afrikani u talli fakkret lit-tfajliet biex jiffukaw fuq il-karriera minflok ifittxu l-imħabba, u tal-frażi t’ispirazzjoni tagħha li “M’hemmx limitu ta’ x’nistgħu nagħmlu aħna n-nisa.”
Michelle kienet ‘high achiever’ f’soċjeta’ ddominata mill-irġiel. Fid-dinja tal-lum donnu ż-żwieġ għandu aktar ċans li jfalli milli jkun ta’ suċċess u din personalment xi ħaġa li tbeżżagħni. Imma meta niftakar li Michelle Obama ilha miżżewġa aktar min 28 sena nirrealizza li ż-żwieġ jista jkun suċċess jekk ikun hemm sapport, imħabba u rispett reċiprokat fil-koppja. Hija tisħaq għal stil ta’ ħajja sana. Filfatt, il-kampanja tagħha msejħa ‘Let’s Move!’ ipproduċiet risposta kbira mill-komunitajiet, edukaturi u ġenituri u anke inkuraġġiet kumpaniji tad-divertiment u ristoranti biex jagħmlu sforz u jippromwovu għażliet aħjar.
Francesca Fenech Conti
“Always look forward, don’t dwell on the past.”
Francesca Fenech Conti
Francesca Fenech Conti għandha BA fil-Politika Soċjali għaliex għandha dedikazzjoni kbira lejn il-kwistjonijiet politiċi u l-‘empowerment’ tan-nisa.
Francesca hija l-amministratriċi u l-kreattriċi tal-grupp ta’ Facebook ‘Women for Women (Malta)’. Dan il-grupp għandu aktar minn 38,000 membru u joffri post fejn in-nisa jħossuhom sikuri u jsibu l-komfort meta jkunu qed jesperjenzaw mumenti diffiċli. Il-membri ta’ dan il-grupp jistgħu ukoll jibqgħu anonimi meta jkunu jridu jistaqsu xi ħaġa.
Francesca Fenech Conti taħdem ukoll mal-NGOs u s-‘social workers’, u timmaniġġja fondi għan-nisa li jkollhom bżonn l-għajnuna filwaqt li tmexxi dan il-grupp.
Waqt il-perjodu tal-Covid-19, Francesca, flimkien ma Stephanie Spiteri, bdew serje ta’ vidjows ‘live’ fuq il-grupp ‘featuring talks’ ma nies speċjali fejn jiddiskutu ‘business’, ‘saħħa’ u ‘edukazjoni’.
Jaffaxxinani l-fatt li Francesca rnexxiela tgħaqqad ħafna nisa flimkien u li b’hekk tfakkarna li aħna għandna nkunu hemm għal xulxin. Aktar minn hekk, hija taqbeż għad-drittijiet tan-nisa u anke ħolqot sit bl-għan li tipprovdi informazzjoni speċjalment dwar ħafna suġġetti relatati man-nisa. B’hekk tgħinna nirrealizzaw li m’aħniex weħidna.
Francesca hija mara tassew ‘down to earth’, tagħti każ ħafna ta’ dak li jkun u għandha qalbha tad-deheb, u ħajjitha tirrifletti dak kollu li temmen fih. Din il-ħaġa ġġagħlni nammiraha aktar. Inħossni tassew fortunata li qed ngħix fl-istess żmien li qed tgħix hi, u fortunata aktar u aktar għax nafha personalment, u nħoss li fis-soċjeta’ tagħna għandna bżonn ta’ Francesca u nisa oħra bħalha li kapaċi jġibu t-tibdil neċessarju sabiex aħna n-nisa nħossuna aktar sikuri u ‘empowered’.
Krystle Penza
“We need to love ourselves and be the first in rewarding ourselves. We need to be the ones seeing our true worth, valuing ourselves and making ourselves happy; this makes us better people, better women, stronger women, empowered women.”
Krystle Penza
Krystle Penza hija l-mara wara l-marka lokali Mvintage. Krystle Penza tgħid f’intervista imwettqa minn Francesca Fenech Conti fuq Wham, li minħabba diffikultajiet li esperjenzat fil-ħajja personali tagħha, hija batiet akkademikament bħala studenta. Madankollu, hija gradwat bħala waħda mill-aqwa studenti fil-‘management’.
Fl-istess intervista hija semmiet li tilfet il-flus kollha li kellha minħabba deċiżjoni li għamlet fil-bidu tal-karriera tagħha. Madankollu Krystle irnexxiela toħloq dak li għalija huwa imperu permezz tal-marka tagħha MVintage.
L-ewwel darba li dħalt ġo ħanut ta’ MVintage ħassejtni qisni dħalt fil-ġenna, u l-affarijiet li għandi ta’ din il-marka huma verament għal qalbi, imma ma kontx naf li Krystle Penza kienet il-kreattriċi ta’ MVintage qabel ma qrajt l-intervista li għamlet Francesca Fenech Conti lil Krystle. Meta Krystle tkellmet dwar il-problema akkademika li ltaqgħet magħha bħala studenta laqtitni ħafna għal fatt li anke jien kont inħossni li mhux daqshekk tajba fl-iskola meta kont iżgħar. Imma fl-opinjoni tiegħi, din il-mara hija l-mara wara marka lokali li ħafna nies inklużi l-Maltin verament iħobbu. Meta semmiet li hekk kif bdiet tilfet il-flus kollha iżda rnexxielha xorta terġa tqum fuq saqajha, saħħitni aktar biex ma naqtax qalbi meta naffaċċja l-ostakli fil-ħajja, diffiċli kemm jidhru diffiċli.
Agatha Barbara
“Agatha Barbara took her post with dignity and showed bravery more than many men. She ended up in prison scared by rats, which were left in her cell purposely and she emerged out of prison a Socialist more than before.”
Dom Mintoff about Agatha Barbara
Agatha Barbara kienet l-ewwel mara f’Malta fil-politka, kienet eletta ħames darbiet bħala ministru tal-kabinett u fl-1982, hija kienet l-ewwel mara Maltija li laħqet president f’din ir-Republika.
Fil-bidu tal-1940s, meta l-ħajja kienet aktar patrijarka u kontra s-soċjaliżmu, hija talbet li n-nisa jkollhom kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar. Irnexxielha wkoll tieħu x-xogħol lura wara li kienet imkeċċija għax qabżet għal mara oħra.
Agatha Barbara kienet l-ewwel mara li ddiskutiet id-differenza fil-pagi li jaqilgħu l-irġiel min-nisa u kienet l-ewwel mara li rċeviet l-istess ammont ta’ paga daqs l-irġiel. Hija attendiet laqgħat politiċi u protesti meta l-General Workers Union organizzat strajk.
Bis-saħħa tal-passjoni tagħha lejn id-drittijiet ta’ dawk li qiegħdin fil-minoranza u li kienet kontra l-inġustizzja, l-edukazzjoni ġiet mogħtija b’xejn u saret obbligatorja. Appart dan, hija organizzat ‘survey’ għat-tfal li kellhom problemi fil-viżta, fis-smiegħ u dawk b’diffikultajiet ta’ tagħlim. Eventwalment hija fetħet skola għalihom, u għamlet fiċ-ċert li bħal ma s-subien li jattendu l-iskola kellhom ix-xjenza bħala suġġett, il-bniet seta’ jkollhom din il-lezzjoni wkoll għaliex fiż-żmien meta kienet għada żgħira hi, ix-xjenza kienet restritta għas-subien biss.
Agatha Barbara minn dejjem kienet tiġi msemmija fil-klassijiet tal-istorja meta kont immur l-iskola primarja u sekondarja, imma qatt ma kienu jgħidulna ħafna dwarha. Għalhekk meta għamilt ftit riċerka fuqha u sibt li kienet vuċi għat-tfal, għan-nisa u għal nies bi bżonnijiet speċjali kif ukoll għal dawk li kienu meqjusa ta’ klassi minuri, niżżiltha mmedjatament fil-lista tar-role models tiegħi.
Kieku hi ma daħlitx fid-dinja tal-politka, min jaf x’kien jiġrilhom dawk li huma fi gruppi ta’ minoranza. Meta nkunu żgħar għandna d-drawwa nieħdu l-edukazzjoni ‘for granted’, imma jien u nikber irrealizzajt kemm hi essenzjali li jkollna l-edukazzjoni, u il-fatt li fil-passat kien hemm mara li ġġieldet għal dan id-dritt u rnexxielha takkwista dak li ħadmet għalih huwa nkredibbli. L-idea li mara rnexxielha tagħmel l-edukazzjoni disponibbli għall-kulħadd, speċjalment f’ dawk iż-żminijiet, tferraħni u tagħtini l-kuraġġ. L-idea ta’ ftuħ ta’ skola għal individwi bi bżonnijiet speċjali kienet xi ħaġa tassew bżonnjuża, speċjalment f’dak iż-żmien. Meta naħseb fl-edukazzjoni tiegħi illum il-ġurnata, nieqaf u nirringrazzjaha għall dak kollu li għamlet fil-passat.
Claire Galea (Ommi)
“Everything happens for a reason”
Claire Galea
Ommi Claire Galea hija l-iktar mara li tispirani. Għaddiet minn ħafna tbatija iżda issa spiċċat bħala studenta matura “mummy-nurse” hekk kif insejħulha jien u ħuti.
Maż-żmien rajtha tinbidel. Saret aktar assertiva, aktar kunfidenti, aktar reżiljenti u ma tħalli l-ħadd u xejn iwaqqafha milli tgħix il-ħolma tagħha. Hija minn dejjem kienet tkun l-ewwel persuna biex tgħin lil dawk li għandhom bżonn u xi kultant anke tagħmel aktar milli tista biex tagħmel dan.
Minħabba fiha, jien il-persuna li jien illum. Għalmitni ħafna, imma l-akbar ħaġa hija li m’għandix inħalli lil ħaddieħor iwaqqafni milli nagħmel dak li nixtieq għax jien mara. Għalmitni nikkontrolla ħajti, u ma nibżax nitkellem dwar l-opinjonijiet u l-ideat tiegħi. Minħabba fiha, jien għadni ngħix u għalija dak ifisser li jien qatt m’hu se nkun waħdi, u din hija ħaġa speċjali għalija.
Jien nammiraha għax naf li kieku kelli ngħaddi minn dak kollu li għaddiet minnhu hi, ma jirnexxilix inkampa. Hija vera mara b’saħħitha biex irnexxiela tiġġieled kull tip ta’ problemi li ltaqgħet magħhom biex iġġib il-pożittivita’ lura f’ħajjitha. Nammira l-kuraġġ li kellha biex tibda karriera bħala studenta matura – jien insib il-ħajja tiegħi bħala studenta veru tqila aħseb u ara kif tħossha hi, mhux biss għandha l-ħajja ta’ studenta imma għandha ħafna affarijiet oħra x’tagħmel.
Jien dejjem inżomm lura milli nsaqsi l-mistoqsijiet għax nibża li niġi ġġudikata, imma hi naħseb l-aktar persuna li ssaqsi mistoqsijiet, anke quddiem 100 student, minkejja li fil-passat tagħha għaddiet minn ‘bullying’ u ħajja miżerabbli waqt l-iskola. Hi għalmitni li l-ħajja ta’ spiss ma tkunx ward u żahar, imma li m’għandi nħalli l-ħadd jeħodli ħajti u jkissirha. Għalmitni kif inħobb u nirrispetta l-ħaddieħor u biex ngħin fejn ikun hemm bżonn. Hija tissapportjani f’ kollox u minn dejjem kienet hemm biex tgħidli ma naqta qalbi qatt fl-edukazzjoni. Hija tfakkarni f’dak li jien u għalmitni napprezza lili nnifsi. Hija għalmitni kif inkun mara ta’ stoffa, li tiġġieled għal dak kollu li temmen fih.
Christianne Marie Galea qed issegwi Baċċellerat fl-‘Early Childhood Education and Care’ fil-Fakulta’ tal-Edukazzjoni, fl-Universita’ ta’ Malta, li jwassalha biex tilħaq edukattriċi tat-tfal żgħar. Ix-xewqa tagħha hija li toħloq spazju fejn it-tfal tal-klassi tagħha jħossuhom komdi jaqsmu ħsibijiethom u l-emozzjonijiet tagħhom filwaqt li jesprimu ruħhom liberament.
Fil-ħin liberu tagħha, Christinne tħobb toħloq arti billi tuża medji differenti bħal ‘water colours’, ‘acrylic’, lapsijiet tal-kulur u akwarelli. Hija tieħu gost ukoll tisma’ l-mużika, tirreċta u tqatta’ l-ħin ma ħutha.