Share the love

F’dawn l-aħħar ħames snin, diversi nisa ħassew il-bżonn li jaqsmu miegħi l-esperjenzi tagħhom relatati mal-abort b’mod kunfidenzjali. S’issa, l-ebda mara minnhom ma qaltli li ddispaċiha ta’ dak li kellha tagħmel. Anzi, ħafna minn nisa li tkellmu miegħi qaluli li kienet waħda mill-aħjar deċiżjonijiet li ħadu f’ħajjithom u li m’għandhom l-ebda dispjaċir. Nixtieq naqsam magħkom uħud minn dawn l-esperjenzi.

L-Abort Għandu Jkun Relatat Direttament Ma’ Kompassjoni u Fehem

Statistika li nħarġet fl-Ingilterra fis-sena 2019 turi li 90% ta’ kull abort fl-Ingilterra seħħ qabel it-12-il ġimgħa tat-tqala. Terminazzjoni li sseħħ qabel it-12-il ġimgħa tat-tqala isseħħ bl-istess mod ta’ korriment. Nisa Maltin qed jagħmlu abort qabel it-12-il ġimgħa billi jordnaw il-pilloli onlajn. Għalkemm il-proċess jġiegħel lill-mara tesperjenza l-uġiegħ, ħafna drabi simili ta’ dak li jiġi kkawżat mill-menstrwazzjoni, f’ċerti każijiet ikun hemm ukoll ħafna dmija. Madankollu il-proċess huwa wieħed sikur. Il-pilloli jaslu wara biss ftit ġimgħat.

Kull tqala hija differenti, u skond iċ-ċirkostanzi, l-istess mara tista’ tesperjenza kemm il-ferħ u anke paniku f’tqaliet differenti.

Personalment, meta fl-1997 skoprejt li kont inqbadt tqila ta’ 28 sena – kont vera ferħana – għalkemm it-tqala ma kinitx ippjanata – mall-ewwel xtaqtha t-tarbija tiegħi. Ħassejtni qisni l-aktar mara ffortunata fid-dinja. La kelli sintomi, la dardir ta’ kull filgħodu…qatt ma ħassejtni aħjar. Kien l-aktar żmien sabiħ ta’ ħajti u f’qalbi kelli ferħ kbir.

Fl-ewwel ftit ġimgħat tat-tqala kelli sigriet speċjali u sabiħ. Kont kuntenta li kont tqila. Għoġobni l-fatt li jien biss kont naf li f’ġufi kont qed inġorr tarbija. Għoġbitni dik is-sensazzjoni ta’ meta kien wasal iż-żmien biex inħabbar lid-dinja ta’ madwarli li kont tqila. Ħadt gost tassew nisma’ l-qalb tat-tarbija tħabbat, b’rittmu aktar mgħaġġel mill-qlub l-oħra li kont smajt qabel. Kont nistenna bil-ħerqa l-visti li kelli għand il-gynae u veru kont nieħu gost meta kont nara lit-tarbija waqt l-‘ultrasound’. Niftakar li f’dawk il-ġranet kont qisni qed intir bil-ferħ. U meta nħares lura nħossni qisu dan seħħ il-bieraħ…għadni nista’ nħoss is-sensazzjoni straordinarja sal-lum. U naf li ħafna nisa li għaddew mill-istess sensazzjonijiet jifhmuni.

Issa dawwar dawn l-emozzjonijiet ta’ ferħ billi tilbes iż-żarbun ta’ nisa li ma jixtiqux jinqabdu tqal, li bħali ma kellhomx il-pjan li jinqabdu tqal, imma fejn jien xtaqt inżomm it-tarbija sa mill-bidu nett, dawn jafu li ma jridux ikomplu bit-tqala tagħhom. Emozzjonijiet b’saħħithom imma b’mod totalment differenti. Din li ġejja hi l-esperjenza personali ta’ Serena*.

Serena, li ilha mal-għarus tagħha 11-il sena u li ma tixtieqx tfal, tkellmet fuq it-tqala mhux pjanata tagħha:

“Kont il-ħin kollu marida, ħassejtni maqbuda b’xi ħaġa li ma xtaqtx, ma stajtx nifhem għala jien kont tqila biex imbagħad nisa li tant jixtiequ t-tfal ma jistgħux jinqabdu tqal.”

“Kważi bdejt nogħbod lill-għarus għax kien hu li taqqalni, imma jien biss kont qed nesperjenza ħafna problemi fiżiċi u psikoloġiċi. Għaliex hija dejjem il-mara li tiġi ġġudikata? Kienet sensazzjoni terribbli, ħassejtni verament waħdi, għax dawk li suppost jgħinuk bħat-tobba u l-infermiera, f’Malta ma jgħinukx f’ sitwazzjoni hekk.”

Sirt naf lil Serena meta kkuntattjatni biex ngħinha ssib terapista ‘pro-choice’ għaliex:

“Ħafna terapisti m’humiex ‘pro-choice’, u dawk li huma favur ma jgħidux li huma hekk, allura din is-sitwazzjoni toħloq aktar diffikulta’. Ma neħodhiex sorpriża jekk xi nisa jispiċċaw anke jikkontemplaw suwiċidju f’perjodi daqshekk emozzjonanti. Għall-grazzja t’Alla jien stajt naffordja nsiefer għal terminazzjoni, imma ta’ spiss insibni naħseb fuq l-emozzjonijiet li jkollhom it-tfajliet li jħossuhom iddisprati għax ma jkunux jistgħu jaffordjaw isiefru.”

“Kont trawmatizzata mit-tqala, mhux mit-terminazzjoni, l-abort salvali ħajti, dawk l-għaxar minuti tal-proċedura salvawli ħajti –

“Jien kelli ċ-ċans nerġa nieħu ħajti lura. L-esperjenza tiegħi għand ‘Marie Stopes’ kienet waħda tajba; kollha kellhom qalbhom tajba u kienu lesti jgħinuk u jifhmuk mingħajr ma’ jiġġudikawk. Il-klinika kienet mimlija b’nisa bħali. Ħsibt fuq kemm hija ħaġa sabiħa li tiġi trattata bħala umana, u li tkun tista’ ċċempel lil xi ħadd u tibbukkja appuntament f’pajjiżek stess, mhux bħalna, n-nisa Maltin, li rridu nsiefru weħidna. Mhux l-abort irrid ninsa imma l-fatt li użajna l-kondoms u xorta nqbadt tqila. iMinħabba din l-esperjenza sirt nibża’ waqt is-sess, nibża’ wisq li nerġa ninqabad tqila!”

Serena femitni li hija allerġika għall-kontraċezzjoni ormonali, u minħabba l-forma stramba tal-utru tagħha, ma tistax tuża ‘copper coil’ lanqas.

“Vera nixtieq nitkellem ma terapista fuq it-trawma li tgħaddi minnha meta jkollok tqala mhux mixtieqa. Nittama li xi ħadd jista’ jgħinni negħleb din il-fażi għaliex qed tkissirli l-ħajja sesswali u r-relazzjoni tiegħi mal-għarus.”

Nisa fis-sitwazzjoni ta’ Serena jesperjenzaw biża kontinwa, dejjem bil-ħsieb dwar jekk il-kondom ikunx iżżerżaq jew ħareġ jew tqatta’. Isirilhom diffiċli mmens biex jieħdu gost waqt is-sess minħabba l-biża li jerġgħu jinqabdu tqal.

Min naħa l-oħra, Larissa* dejjem xtaqet it-tfal imma qatt ma rrealizzat li se tesperjenza disprament qawwi u ħsibijiet ta’ suwiċidju bil-biża għat-twelid li qabditha hekk kif ħarġet tqila.

“Il-problema ta’ ‘tokophobia’ ma tissemmiex Malta u jien ma sibt l-ebda għajnuna dwarha, lanqas mit-tim tal-‘perinatal’. Hawn Malta taw kas biss it-tqala mhux is-saħħa mentali. B’mod ċar xtaqt nagħmel suwiċidju u kieku mhux bis-saħħa tar-raġel, kieku m’inhix qiegħdha hawn illum.”

Larissa qaltli li veru tħobbhom it-tfal u li kieku kienet taf li se tesperjenza tokophobia, kieku ma kinitx tinqabad tqila.

“Kont ħerqana biex ninqabad tqila imma meta nqbadt kollox inbidel ta’ taħt fuq. Ħassejtni litteralment iddisprata.”

Larissa fehmitni li f’Malta ħadd ma għena:

“Mort għand il-gynae darbtejn, imma hi qatt ma rrealizzat kemm kont gravament iddisprata. Mad-9 ġimgħa xtrajt il-pilloli abortivi u mal-10 ġimgħa kont ċerta li jew nieħu l-pilloli jew nintefa’ quddiem xi karozza. Ma nħossnix ħatja u ma jiddispjaċinix li għamilt abort għax kieku ma kienx l-abort għalija żgur kont nispiċċa nagħmel suwiċidju. Qatt ma ħassejt daqshekk ferħ bħal ma ħassejt dakinhar li spiċċa kollox. L-abort salvali ħajti!

Għal Larissa, li għamlet abort salvalha ħajjitha.

Larissa għamlet xi riċerka onlajn u rrealizzat li kienet qed tbagħti minn kundizzjoni msejħa tokophobia. Tokophobia hija deskritta bħala biża patoloġika għat-tqala u li tista’ twassal għall-evitar tat-twelid.

“Ħadd ma fehmni meta kont tqila, u baqgħu jgħiduli li hija normali li tibża u li fl-aħħar mill-aħħar kollox kien se jkun ok. Imma moħħi kien jgħidli li nippreferi naqbeż quddiem karozza milli ngħaddi mit-twelid. Kien ikolli attakki ta’ paniku kbir, kont nispiċċa b’wiċċi blu. Onestament, ma kontx naf li teżisti t-tokophobia. Kont naf biss li kont qed nibża biża kbira, imma kulħadd qalli li normali. Li kieku kont naf li l-biża li kelli nesperjenza kienet se tkun daqshekk qawwijja, żgur ma kontx ninqabad tqila.”

L-esperjenza ta’ Larissa turi li aħna rridu noħolqu aktar kuxjenza fuq it-tokophobia. Nisa li qed ibagħtu u li jkunu qed jesperjenzaw biża bħal Larissa għandhom jiddiskutu l-possibilta’ li jesperjenzaw it-tokophobia mat-tabib magħhom mallewwel.

Larissa qaltli li dejjem xtaqet it-tfal:

“Jien inħobbhom ħafna it-tfal, u dejjem xtaqt li jkolli tiegħi, filfatt f’dawn l-aħħar sentejn wara li għamilt l-abort, jien u r-raġel addottajna żewġt itfal, u onestament huma qalbi u ruħi. Għandi wkoll l-aqwa raġel li jista’ jkolli; minn dak iż-żmien huwa għamel il-‘vasectomy’.”

F’Malta, is-sentimenti kontra l-abort jiġu mitkellma regolarment fuq ħafna pjattaformi tal-medja soċjali u gazzetti lokali. Mar-retorika tagħhom ġeneralment jagħmlu użu minn stampi li jkunu użati fuq siti ‘pro-life’ li huma qarrieqa u ‘photoshopped’ apposta biex joħolqu emozzjonijiet b’saħħithom kontra n-nisa u mibegħda lejn in-nisa.

Dawn li jitkellmu fuq l-opinjonijiet tagħhom huma ħafna drabi rġiel li jpoġġu aktar importanza fuq embrijun li ma jistax iħoss jew jaħseb milli fuq l-emozzjonijiet u l-ħsibijiet ta’ nisa adulti. Irġiel li qatt m’huma se jkunu jafu t-trawma psikoloġika assoċċjata mal-esperjenza ta’ tqala mhux ippjanata. Irġiel li ma jirrealizzawx li dawn in-nisa li qed jitkellmu fuqhom huma it-tfal tagħhom stess, in-nisa tagħhom, ‘partners’, u ħuthom. Ħafna nisa jikkuntattjawni għall-għajnuna jew biex jaqsmu l-esperjenza tagħhom tal-abort, u ħafna minnhom jgħiduli li ma jistgħux jiftħu qalbhom sew minħabba li missierhom, it-tifel jew ħuhom huwa veru ‘pro-life’.

Mhux biss hemm irġiel li huma ‘anti-choice’ imma hemm ukoll ħafna nisa li ma jsibu l-ebda kompassjoni jew empatija għan-nisa li huma favur l-għażla. Ftit nisa ma jirrealizzawx li dawn huma t-tfal tagħhom, ħuthom, zijiet li kellhom terminazzjoni u li jekk jitkellmu u jgħajruhom qattiela hemm ċans li jkunu qed jgħajru lill-uliedhom bniet jew lil ħuthom bniet qattiela. Li tkun ‘pro-choice’ ifisser li jkollok imħabba u rispett lejn in-nisa li jinsabu fil-ħajja tiegħek.

Għal dawk li jsibu lilhom infushom imħassba jew mhux ċerti x’għandhom u lil min għandhom jemmnu, nissuġġerilkom li ma tisimgħux minni, imma morru u għamlu r-riċerka tagħkom. Ara x’jgħidu l-professjonisti, ir-RCOG – ‘Royal College of Obstetricians and Gynaecologists’ jew il-‘United Nations’, jew il-‘World Health Organisation’. Ipprovaw ifhmu u sibu kompassjoni lejn ħutna l-bniet biex anke huma jaqsmu l-istejjer personali tagħhom magħkom kif jaqsmuhom miegħi. Huwa biss mill-kompassjoni u l-empatija u l-fehem tas-sofferenza ta’ nisa oħra billi nimxu fiż-żraben ta’ ħutna l-bniet li nistgħu nifhmu in-neċċessita’ ta’ abort sikur u legali bħala parti integrali tas-saħħa tal-pajjiż.

* L-ismijiet propja tan-nisa msemmija hawn fuq ġew mibdula għall-iskop ta’ kunfidenzjalita’ u protezzjoni.


Share the love

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *