Share the love

Ritratt: Unsplash

L-istaġun tal-festi, immarkat bid-daqq tal-qniepen u r-rwejjaħ ifuħu ta’ imbuljata, huwa żmien meta l-familji jingħaqdu iżjed biex jiċċelebraw.

Il-Milied iġib l-opportunitajiet għal aktar ħin ta’ kwalità mal-familja. Kemm jekk id-dar kif ukoll jekk f’attivitajiet barra minn djarna, dan huwa bla dubju żmien fejn jiżdiedu l-memorji mal-għeżież tagħna, u r-relazzjonijiet jissaħħu.

Minkejja li jġib ferħ, daħk, u mumenti prezzjużi mal-maħbubin, madankollu, il-perjodu tal-festi mhux nieqes mill-isfidi. Wham intervista lill-konsulenta dwar is-sess u r-relazzjonijiet Anna Catania dwar l-istress u l-pressjoni li l-istaġun tal-festi jista’ jkollu fuq il-koppji.

Il-pressjoni biex tinħoloq ċelebrazzjoni perfetta tista’ twassal għal stress bħad-dekorazzjoni tad-dar, ix-xiri tar-rigali, u l-ikla perfetta tal-Milied. Aspettattivi mhux realistiċi, flimkien ma’ problemi finanzjarji, jistgħu jagħmlu pressjoni fuq din l-okkażjoni ferrieħa.

It-tensjoni finanzjarja matul il-vaganzi tista’ tittaffa billi jiġi stabbilit baġit realistiku. Wieħed jista’ jikkunsidra li jorganizza ‘Christmas Secret Santa’ fi ħdan familji kbar biex jiġi mnaqqas il-piż finanzjarju. Il-ħolqien ta’ listi ta’ xewqat jiżgura li r-rigali jkunu maħsubin u apprezzati.

Biex jittaffa l-istress, huwa importanti li jiġu stabbiliti aspettattivi realistiċi. Dekorazzjonijiet perfetti jistgħu jkunu fantasija minn Instagram.

L-isfida li torganizza l-ikla tal-Milied tista’ titħaffef bi tħejjija minn qabel u ħidma f’tim. It-tisjir bil-quddiem u l-iffriżar tal-ikel, jistgħu jħaffu t-tagħbija. Barra minn hekk, wieħed għandu jevita kummenti bħal “Ilalu emm ħadt irqiq!” jew “meta se jkollok tarbija?” għaliex iż-żamma ta’ konversazzjonijiet pożittivi tikkontribwixxi għal atmosfera aktar pjaċevoli.

L-ibbilanċjar tat-tradizzjonijiet hija sfida komuni għall-koppji. Il-komunikazzjoni miftuħa hija ċ-ċavetta għall-armonizzazzjoni tad-drawwiet differenti. Il-koppji għandhom jiddiskutu u jippjanaw, filwaqt li jiżguraw li it-tnejn li huma jħossuhom rispettati matul il-festi.

Fi staġun mimli bl-avvenimenti, huwa essenzjali li wieħed ikun selettiv. L-ibbilanċjar tal-ħtiġijiet tal-introverti u l-estroverti f’relazzjoni jippermetti taħlita armonuża.

L-aktar rigal prezzjuż matul l-istaġun tal-festi huwa r-rigal tal-preżenza. Li wieħed ineħħi ftit l-apparat elettroniku minn idu u distrazzjonijiet oħra jiżgura li l-ħin mal-maħbubin ikun tassew sinifikanti.

Hekk kif jispiċċa l-istaġun tal-festi, it-tranżizzjoni lura għall-ħajja ta’ kuljum tista’ tkun ta’ sfida. L-istress ta’ wara l-vaganzi jista’ jimmanifesta f’diffikultajiet biex wieħed jirritorna għax-xogħol u jżarma d-dekorazzjonijiet tal-Milied. Il-moderazzjoni matul il-festi tista’ tħaffef din it-tranżizzjoni.


Share the love