Share the love

pre pregnancy advice

Kemm hu żmien ta’ ferħ u eċitament iż-żmien fejn tkun qed tippjana żieda ta’ tarbija fil-familja! Iżda tajjeb ngħidu li hemm xi ftit affarijiet li tajjeb tikkonsidra biex taċċerta ruħek li kemm inti kif ukoll is-sieħeb tiegħek tkunu fl-aqwa saħħa possibbli qabel tidħlu f’ din il-fażi. Ejjew naraw modi faċli li bihom tistgħu tassiguraw dan:

Dieta

Id-dieta tagħkom għandha tkun ibbażata fuq frott u ħxejjex friski. Vera li dan forsi jirrikjedi sforz akbar, pero huwa ta’ benefiċċju kbir li l-ikel li tiekol ikun magħmul frisk. B’hekk inti tkun tista tassigura ruħek li qed tieħu l-vitamini, proteini u karboidrati kollha neċessarji. Żomm kemm tista l-bogħod minn ikel ipproċessat, għax dawn ħafna drabi jkollhom ħafna mluħa, xaħam u zokkor żejjed.

Eżerċizzju

Jekk m’ intix imdorrija tagħmel eżerċizzju regolari, tibdiex eżerċizzji żejda f’ daqqa imma ibda bil-mod u żid gradwalment meta tħoss l-eżerċizzju jiffaċilita ruħu. Kun aktar attiva billi tmur bil-mixi għax-xiri, itla’ t-taraġ minflok tuża l-lift u għum. Dawn isarrfu kollha f’eżerċizzji. Uża l-kreattivita’ tiegħek biex tinkorpora eżerċizzji varji fir-rutina tiegħek. Dan jgħinek iżżid fis-saħħa, u qalbek tirringrazzjak meta tiġi biex tissapportja lilek u t-tarbija tiegħek waqt it-tqala u wara.

L-Indiċi tal-Massa tal-Ġisem (BMI)

Qabel it-tqala ipponta li bħala toqol tkun taqa’ taħt piż normali. Dan tista taċċertaħ billi tikkalkula l-indiċi tal-massa tal-gisem tiegħek (BMI). BMI normali huwa ta 18.5-24.9 kilo għal kull metru kwadru. Tista tikkalkula l BMI tiegħek eżatt billi tiddividi l-piż tiegħek f’ kilos bit-tul doppju (piż ÷ tul ÷ tul). Jekk il-piż ikun inqas jew iktar min-normal taf issib diffikulta’ biex tinqabad tqila, u jkollok ukoll riskju ikbar li tiżviluppa kumplikazzjonijiet waqt it-tqala.

It-tipjip u l-alkoħol

It-tipjip ma jagħmel ġid lil ħadd, iktar u iktar lil koppja li qed tipprova tinqabad tqila. Tkellem mat-tabib tiegħek dwar suġġerimenti biex twaqqfu t-tipjip, kif ukoll dwar mediċini li jistgħu jgħinu biex dan l-attentat ikun suċċess. It-tipjip waqt it-tqala iżid ir-riskju ta’ korriment, nuqqas ta’ piż fit-tarbija u saħansitra mewt bis-SIDS (sudden infant death syndrome).

Rigward alkoħol, l-Għaqda Dinija tas-Saħħa tirrakkomanda li n-nisa ma jiħdux iktar minn 3 ‘units’ ta’ alkoħol fil-ġurnata, waqt li l-irġiel ma jiħdux iktar minn 4. Waqt li l-koppja tkun qed tipprova għat-tfal, tajjeb li ma taqbiżx il-limiti rakkomandati, u meta t-tqala tiġi kkonfermata, evita l-alkoħol sakemm twelled u anke waqt treddigħ tat-tarbija.

Vitamini

Jeżistu ħafna vitamini fis-suq li huma rakkomandati minn qabel il-konċepiment, imma l-iktar wieħed importanti huwa l-‘Folic Acid’ li jgħin fil-formazzjoni tal-ispina u l-moħħ tat-tarbija. F’ każ li tbati minn ċertu kundizzjonijiet jew qed tieħu mediċini regolari, tajjeb li tieħu parir mingħand it-tabib tiegħek għax jista jkollok bżonn tieħu doża ftit akbar min-normal. Ibda ħu l-‘Folic Acid’ minn madwar xahrejn jew tlieta qabel ma tippjana li tinqabad tqila, biex tassigura li jkollok ammont sostanzjali ta’ din il-vitamina fid-demm tiegħek.

Il-Ġenetika

Ċertu kundizzjonijiet ġenetiċi ssibhom fil-familja, u f’ dal każ tarbija taf tiret l-istess kundizzjonijiet ġenetiċi wkoll. Dawn jistgħu ikunu ħfief bħal Beta-Thalassaemia li tikkawża nuqqas ta’ ossiġnu fil-ġisem, kif ukoll aktar severi, bħal Distrofija Muskulari, li tikkawża nuqqas ta’ saħħa fil-muskoli. Biex tkun taf dwar possibilta’ ta mard ġenetiku tista tagħti ħarsa lejn l-istorja tal-familja kemm tiegħek kif ukoll tas-sieħeb tiegħek biex tara hemmx kundizzjonijiet ġenetiċi, u jekk tissuspetta li jista jkun hemm, tajjeb tieħu parir mingħand it-tabib tiegħek.

It-Tqala

Huwa rari li tinqabad tqila ma’ l-ewwel prova, għalhekk, taqtax qalbek jekk tieħu ftit taż-żmien aktar milli mistenni. Tmenin fil-mija ta’ nisa taħt l-erbgħin sena li jkollhom x’jaqsmu regolarment ħafna drabi jinqabdu tqal f’ madwar sena. Idealment ikollok x’taqsam darba kull tlett ijiem tul iċ-ċiklu kollu, kif ukoll kuljum minn ftit ġranet qabel sa wara l-ovulazzjoni. Tajjeb tkellem lit-tabib tiegħek jekk tkun ilek tipprova għat-tfal għal sena mingħajr suċċess.

Mod Kif Tikkalkula ż-Żmien tal-Ovulazzjoni Tiegħek

  1. Ikkalkula l-medja ta’ ġranet taċ-ċiklu tiegħek (it-total ta’ ġranet mill-ewwel ġurnata tal-‘period’, sal-ġurnata ta’ qabel il-‘period’ li jmiss). Ikkalkula l-medja ta’ madwar 5 sa 6 ċikli.
  2. Minn dat-total naqqas 14-il ġurnata.

F’ ħafna każi ċ-ċiklu tal-mara jieħu 28 ġurnata, u għalhekk l-ovulazzjoni meqjusa li tkun fl-14-il ġurnata tagħha. Mara b’ ċiklu ta’ 32 ġurnata tovula fit-18-il ġurnata.

It-Test tat-Tqala

It-tqala tipproduċi ormoni, li jkunu l-iktar qawwija fl-ewwel awrina tal-ġurnata. Għalhekk tajjeb li meta tkun qed tagħmel test biex tara intix tqila, tuża l-ewwel awrina tal-ġurnata. Tista tibda tipprova dan it-test mill-ewwel ġurnata li ma jiġikx il-‘period’, għalkemm ċertu ditti diġitali kapaċi jaqbdu traċċi ta’ l-ormoni minn ġranet qabel.

F’ każ li jkollok riżultat pożittiv, stenna ftit ġranet oħra u erġa rrepeti t-test. Meta jkollok żewġ jew tlett riżultati pożittivi kellem lit-tabib tiegħek dwar il-pass li jmiss.

Jekk ikollok riżultat negattiv iżda l-‘period’ jibqa ma jiġix, tajjeb terġa tirrepeti t-test wara ftit ġranet, u jekk tibqa bla risposta konkreta kellem it-tabib tiegħek.


Share the love