Wara aktar minn tlett xhur maqfula ġewwa ħassejt il-bżonn ta’ bidla totali. Xtaqt nerġa nieħu r-ruħ, nerġa nħossni “ħajja”.
Bdejt b’ vista għand il-‘hairdresser’ tiegħi Bianca ta’ Alfie’s, li għamlitli ‘cut’, ‘colour’ u ‘blow-dry’. Irnexxieli wkoll ingawdi minn konsultazzjoni qasira dwar ‘moisturizer’ mal-‘beautician’ u ‘makeup artist’ Francesca Scerri Rizzo, oħt Bianca, li bħal dejjem mingħajr ma ssikkatni dwar il-prodotti varji li għandha, spjegatli u tagħtni kampjuni b’ xejn biex nippruvahom u nara liema jogħġbuni l-aktar. Ħriġt mis-‘salon’ inħossni ħafn’ aħjar u lesta għal konsultazzjoni oħra dwar il-possibilta’ ta’ trattamenti estetiċi ta’ malajr b’ riżultati fit-tul. Għalhekk tlaqt niltaqa’ ma Dr Joanna Delia ta’ People and Skin.
L-atmosfera li sibt għand People and Skin għoġbitni wisq! Anke jekk kollha konna bil-maskri, ħassejtni milqugħa b’ mod vera sabiħ u t-tim kollu offra atmosfera ta’ ħbiberija bħal li kieku kont qed inżur ħbieb li kont ili ħafna ma nara.
Xtaqt inkun naf x’ tip ta’ “maġija” Dr Delia setgħet tagħmel fuqi – wara li ssanitizzat mera ta’ l-idejn u newlithieli, qaltli biex nuriha dak kollu li kien qed idejjaqni. Spjegatli li kien importanti li niġbdilha l-attenzjoni jien dwar dak kollu li ma kontx kuntenta bih.
Naf li s-sbuħija mhix kollox, li għandi nkun kuntenta bil-mod kif nidher u nipprova nikber fl-eta’ b’ mod grazzjuż mingħajr importanza żejda lejn id-dehra ta’ barra filwaqt li niffoka aktar fuq is-sbuħija minn ġewwa kif ukoll l-intellett. Iżda li tikber fl-eta’ mhux dejjem faċli u għalija huwa importanti ħafna li nħossni kunfidenti u kuntenta.
ma nuża l-‘makeup’ biex inħossni aħjar, xi ftit ‘botox’ jew xi ftit ‘filler’ jew kwalunkwe għajnuna żejda biex inħossni aħjar bija nnifsi huma mportanti wkoll. Iva, normalment jiena mara kuntenta u ‘happy go lucky’ u minix fitta żżejjed dwar id-dehra tiegħi, iżda meta nitbissem b’ dik il-maskra ma’ wiċċi u nara dak il-ftit tikmix u ‘crows feet’ fejn għajnejja nammetti li nħossni xi ftit iddiżappuntata. Iva probabbilment hemm iċ-ċans li ħadd ma jinnotahom apparti minni, iżda jdejquni wisq – din hija xi ħaġa li forsi tista titqies bħala ‘egoista’ iżda li xtaqt nagħmel għalija u għalija biss.
Għalhekk staqsejt lil Dr Delia dwarhom u dwar x’ soluzzjonijiet seta’ jkollha għalija. Forsi stajt ukoll inneħħi ‘age spot’ partikolari li qegħda qrib t’ għajnejja fuq ħaddejja l-leminija?
Il-biża’ tiegħi dwar il-‘botox’ dejjem kienet li forsi bih ma nibqax nidher naturali, u li nibda nħossni persuna differenti milli jien. Seta’ jiġri dan? Dr Delia semgħet it-tħassib tiegħi u assiguratni li kull ma kelli bżonn kienu biss interventi minimi – ftit qtar ta’ ‘botox’ madwar għajnejja minħabba l-‘crows feet’. Dr Delia spjegatli li bl-ammont ċkejken li kellha bżonn tuża fuqi żgur ma kontx ħa nħossni stramba, u li l-maġġoranza li jagħmlu użu mill-‘botox’ wara spiss jibdew jiffokaw fuq postijiet oħra u għalhekk joħolqu perspettiva differenti. Dan ifisser li għalkemm nibdew forsi naraw lilna nfusna differenti wara l-‘botox’, fir-realta’ li jiġri hu li fejn qabel konna ffukati fuq imperfezzjoni partikolari, meta din l-imperfezzjoni titneħħa niġu konxji ta’ imperfezzjonijiet oħra. Rigward l-‘age spot’, din tista titneħħa faċilment pero’ dan l-intervent isir biss fix-xitwa – u jiswa biss 50 ewro. Għalhekk iddeċidejt li nistenna u mmur lura aktar tard għaliha, filwaqt li għal ‘botox’ stajt ukoll immur lura d-dar u naħsibha sew qabel niddeċiedi.
Dr Delia u t-tim kollu tagħha dejjem lesti biex jagħtu l-aħjar għajnuna u pariri lil klijenti tagħhom, u filfatt kienu wkoll kuntenti jispjegaw sew lill-Luisa, li hija t-tifla tar-raġel, li akkumpanjatni għal din il-konsultazzjoni dwar prodotti speċifiċi għall-eta’ tagħha.
Wara li lestejt mill-konsultazzjoni soqt lejn id-dar eċitata dwar l-informazzjoni li kont ingħatajt, u ma stajtx nieqaf naħseb dwar jekk kellix nagħmel il-‘botox’ jew le. Il-verita’ hi li kont ukoll qed inħossni xi ftit ħatja li kont se naħli l-flus fuq xi ħaġa spiss meqjusa ‘bla sens’. Sibt ruħi f’ battalja ma dik il-vuċi ġewwa fija li bdiet tfakkarni li kien ħaqqni ngawdi minn xi ħaġa li kont ili nixtieqha, anke jekk ma kellix bżonnha. Finalment irrealizzajt li m’ inix tifla żgħira, m’ għandix bżonn noqgħod niġġustifika miegħi innifsi għala għandi jew m’ għandix nonfoq fuq xi ħaġa li xtaqt.
Hekk kif wasalt id-dar u ħarist lejn it-tikmix iddeċidejt millewwel. Iva. Nerġa mmur għal dak il-ftit ‘botox’. Minnufiħ bgħatt messaġġ lil Mixhelle għal appuntament – “ħaqqni ngawdi”, bdiet tirrepeti dik il-vuċi ġewwa fija. U għalkemm sal-ġimgħa ta’ wara kont għadni naħsibha bejni u bejn ruħi jekk inħassarx l-appuntament, ikkonvinċejt lili nnifsi li mmur.
Ta’ min jgħid li ma ħassejt l-ebda uġigħ u li kien intervent bla dewmien ta’ xejn, u kont barra mill-klinika fi 15 il-minuta!
L-effett tal-‘botox’ idum xi ftit tal-ġranet biex jibda jidher, u r-riżultat mhux wieħed istantanju. Għall-ewwel ftit ġranet kont inħares spiss fil-viċin lejn il-‘crows feet’ biex nanalizza r-riżultat. Fl-ewwel ġurnata kollox kien jidher kif kien qabel. Fit-tieni ġurnata l-istess. Iżda mat-tielet ġurnata bdejt ninnota li t-tikmix kien donnu sparixxa fix-xejn! Fis-sitt ġurnata id-dehra tiegħi kienet tidher ħafn’ aħjar, u t-tikmix bilkemm kien jidher sakemm mhux waqt xi tbissima kbira. Dan kien ir-riżultat eżatt li kont xtaqt! Ridt li nagħti dehra friska lili nnifsi mingħajr ma tkun dehra ta’ plastik jew mhux naturali.
Issa nista ngħid li nħossni kuntenta ħafna meta nitbissem waqt li nkun quddiem il-mera, bħal qisni għandi dak is-sigriet żgħir li jimlini bil-ferħ u b’ kuntentizza.
Għalija, li naqra dak il-ktieb speċjali, li mmur niekol mal-familja u l-ħbieb, li naqra storja dwar rebħa fuq xi sitwazzjoni diffiċli, li nagħmel ‘blow-dry’, kollha jimlewni bil-kuntentizza. Dawn l-affarijiet iżommuni sana, u nħossni l-aktar ibbilanċjata meta dik il-vuċi ta’ ġo fija tkun f’ armonija ma kif nidher u nħossni minn barra. Nemmen li huwa mportanti ħafna li kultant nagħtu dik ix-xi ħaġa lilna nfusna biex inħossuna aħjar, mingħajr ma nesperjenzaw l-ebda ħtija.
Jekk inti wkoll temmen li ħaqqek xi ħaġa iżda sfortunatament ma taffordjahiex, hi x’ inhi, iktbilna u għidilna għala inti (jew forsi xi ħabiba partikolari tiegħek) ħaqqek din il-ħaġa billi tibgħatilna imejl fuq [email protected]
About People and Skin
People and Skin joffru varjeta’ kbira ta’ trattamenti estetiċi pprovduti minn tim professjonali u kkwalifikat.
Francesca Fenech Conti hija entużjasta dwar problemi soċjali u għandha BA fis-‘Social Policy’. Hija wkoll fundattriċi u kreattriċi tal-grupp fuq Facebook iddedikat għan-nisa biss Women for Women (Malta) u l-‘Women for Women Foundation’ li taħdem id f’id ma’ NGOs u negozji oħra li jagħtu s-setgħa u l-appoġġ lin-nisa, speċjalment nisa li jrabbu t-tfal weħidhom.
Riċentament, Francesca ħalqet Wham.com.mt bl-għan li tipprovdi spazju tant meħtieġ fix-xenarju tal-medja lokali biex tippromwovi l-ilħna tan-nisa Maltin u tipprovdi lin-nisa sorsi ta nformazzjoni rigward il-benesseri tagħhom.