Qed ninnota li ftit ġranet qabel kull ‘period’ qed inkun emozzjonali ħafna, qed inbati bil-burdati, u saħansitra nsibha bi tqila biex norqod. Kull ma nkun nixtieq nagħmel hu li nibki u ningħalaq fija nnifsi. Sfortunatament ma nistax nibqa’ d-dar għal ġimgħa sħiħa bla ma mmur għax xogħol kull darba li jkun se jiġini l-‘period’.
Fittixt xi ftit fuq Google dwar dawn is-sintomi, u sibt informazzjoni li tindika li jista’ jkun li qed inbagħti minn sintomi relatati mas-sindromu ta’ qabel il-menstrwazzjoni (PMS). Ili għaddejja minn dan għall-aħħar 8 ‘periods’.
Hemm xi ħaġa li nista’ nagħmel biex innaqqas jew inwaqqaf dawn is-sintomi? Jew forsi xi ħaġa li nista’ nagħmel biex inħossni xi ftit aħjar? (Mistoqsija Anonima)
Iva, x’aktarx li dak li qed tesperjenza huwa PMS, Pre-Menstrual Syndrome jew is-Sindromu ta’ Qabel il-Menstrwazzjoni. Dan huwa l-isem mogħti lis-sintomi kemm fiżiċi kif ukoll emozzjonali li qed jaffettwawlek il-ħajja tiegħek fil-ġimgħatejn ta’ qabel il-‘period’. Ħafna drabi dawn is-sintomi jnaqqsu wara li jiġik il-‘period’. Iżda jekk mintix ċerta, nissuġġerilek iżżomm djarju u tniżżel is-sintomi li tesperjenza għal mill-inqas xahrejn jew tlieta. Uża skala minn 0 sa 5, fejn 0 ifisser li tħossok tajba, u 5 iħossok l-agħar li tista’ tkun.
Għalkemm il-maġġoranza tan-nisa jesperjenzaw xi wħud ta’ sintomi ta’ dan it-tip, dawn ivarjaw minn xahar għall-ieħor. L-iktar sintomi komuni huma l-burdati ħżiena, dipressjoni, nervi, anzjeta’ u emozzjonijiet, għajja u problemi ta’ rqad, uġiegħ ta’ ras, aptit ta’ ikel u tnaqqir, sensazzjoni ta’ nefħa fiż-żaqq u xi wġiegħ fis-sider.
Sal-lum għad m’għandniex idea x’inhu eżatt dak li jikkawża sintomi tal-PMS, iżda jidher li jistgħu ikunu effett ta’ tibdil fil-livelli tal-ormoni u kimiċi relatati maċ-ċiklu menstrwali.
Nissuġġerilek tipprova żżid xi ftit ta’ eżerċizzju, tiekol dieta bbilanċjata u tagħmel dak kollu li tħossu jgħinek timmaniġġja l-istress, bħal meditazzjoni, yoga u mindfulness.
Hemm ukoll terapija partikolari msejħa CBT Cognitive Behavioural Therapyli tinvolvi diskussjoni ma’ terapista. Din tista’ tgħinnek taddatta għal modi ġodda li bihom tkun tista’ timmaniġġja l-impatt tas-sintomi fuq il-ħajja tiegħek ta’ kuljum.
Tista’ tipprova wkoll tieħu l-Magnesium u l-Vitamina B, Kalċju, Vitamina D u anke ‘herbs’ bħall-Agnus-Castus jew Ginkgo. Għas-sensazzjoni tenera li tista’ tesperjenza wkoll tista’ tipprova l-Evening Primrose Oil.
Jekk dan kollu ma jgħinnekx biżżejjed, nissuġġerilek tkellem lil GP għax hemm trattamenti bl-ormoni kif ukoll mingħajr l-ormoni li jistgħu jgħinuk.
Prof Isabel Stabile, Ġinekoloġista.
Profs Stabile taħdem bħala ġinekoloġista privatament f’ St James Hospital. Preżentament hija wkoll id-direttriċi tal-International School for Foundation Studies and Medical Foundation Programme fl-Universita’ ta’ Malta. Bħalissa għaddejja b’riċerki dwar l-edukazzjoni medika.