Share the love

prolapse

Prolass ta’ l-organi tal-pelvis. Rari nisimgħu bih, madankollu huma ħafna n-nisa li jbatu minn din il-kundizzjoni. Filfatt, huwa stmat li madwar 50% tan-nisa li kellhom it-tfal (għalkemm anke nisa li ma kellhomx tfal jistgħu jiġu affettwati) esperjenzaw din il-problema.

X’ inhu l-prolass tal-organi tal-pelvis? Biex nispjegawha b’ mod sempliċi, dan iseħħ meta wieħed jew aktar mill-organi tal-pelvis (ir-rektum – il-passaġġ ta’ wara, il-bużżieqa ta’ l-awrina, jew l-utru) jinżlu l-isfel fil-vaġina. Dan jiġri meta jkun hemm nuqqas ta’ sapport mill-muskoli tal-pelvis, ligamenti u l-‘fascia’.

X’ inhuma s-sintomi tal-prolass?

Ċertu nisa ma jesperjenzaw l-ebda sintomu u jkomplu b’ ħajjithom b’ mod normali mingħajr ma jkunu jafu li għandhom dan, sakemm ikollhom vista għand il-ġinekoloġista u din tinduna bil-każ. Dan ġeneralment jiġri meta l-prolass ikun fl-istadju inizzjali, jew f’ każ li jkun prolass ħafif, kif ġara fil-każ tiegħi waqt ‘smear test’ qabel it-tieni wild tiegħi. Jiddispjaċini ngħid li ħriġt iddiżappuntata ħafna meta l-unika informazzjoni u gwida li ngħatajt kienet biss, “Wow! Mela kemm kellek tfal? Wieħed biss? Bilfors li kien kbir! Aħjar tibda tagħmel ftit eżerċizzji biex issaħħaħ il-muskoli tal-pelvis!”. Bla dubju, dan il-kliem ħallieni inkwetata u konfuża għall-aħħar. Kien filfatt dan l-episodju li żera fija l-interess għall-istudju dwar il pelvis u t-taħriġ relatat.

Lura għas-sintomi jew sinjali li juru li jista jkun għandek prolass. Din l-informazzjoni m’ għandhiex tintuża bħala għodda ta’ dijanjosi, iżda biex iżżid l-għarfien dwar is-suġġett. Dejjem kellem fiżjoterapista speċjalizzata fis-saħħa tal-mara f’ każ ta’ prolass biex tagħtik dijanjosi u gwida ta’ x’ għandek tagħmel.

  • Meta tħoss ċertu toqol fil-pelvis (bħal ma tesperjenza fl-aħħar ġimgħat tat-tqala meta t-tarbija tibda nieżla l-isfel f’ postha bi preparazzjoni għat-twelid)
  • Uġigħ fin-naħa t’ isfel tad-dahar (dejjem ftakar li dan jista jkun ikkaġunat minn sitwazzjonijiet oħra)
  • Meta ma jirnexxilekx iddaħħal jew iżżomm it-tampuni
  • Inkontinenza
  • Tibdil ta’ sensazzjoni waqt l-att sesswali: uġigħ waqt is-sess, diffikulta’ waqt il-penetrazzjoni, u sensazzjoni ta’ xi ħaġa ‘maħlula’ waqt l-att sesswali.
  • Sensazzjoni li mhux jirnexxilek tbattal sew l-urina
  • Nefħa fil-vaġina li ġġagħlek tħossok qisek għandek tampun li ċċaqlaq minn postu jew li qegħda bilqiegħda fuq ballun
  • L-iktar sinjal ovvju – ġilda jew organu mqabbeż il-barra mill-vaġina jew l-‘anus’

Tipi differenti ta’ prolass tal-organi tal-pelvis

Hemm tipi differenti ta’ prolass tal-organi tal-pelvis. Dan jiddependi mill-organu partikolari li jkun involut fil-prolass. It-tipi prinċipali huma dawn:

  • Prolass tal-bużżieqa ta’ l-awrina (Cystocele / Anterior wall prolapse) – meta l-bużżieqa ta’ l-awrina timbotta ruħa fil-ħajt ta’ quddiem tal-utru
  • Prolass tar-rektum (rectocele/posterior wall prolapse) – meta r-rektum jimbotta ruħu fuq wara tal-ħajt tal-vaġina
  • Prolass tal-utru – meta l-utru jaqa’ fil-vaġina
  • Prolass tal-‘vault’ tal-vaġina – meta l-vaġina tinżel l-isfel mill-pożizzjoni ottima tagħha

Hemm tipi oħra wkoll, bħal dik imsejħa urethrocele (meta l-uretra taqbeż fil-vaġina) jew ‘enterocele (meta l-musrana ż-żgħira taqbeż fil-vaġina).

Huwa wkoll possibli li jkollok prolass ta’ aktar minn tip wieħed fl-istess ħin. Waqt l-assessjar, il-prolass jiġi gradat fuq skala ta 1-4 skond il-gravita’. 

X’ iżid ir-riskju għal prolass?

Hemm ħafna affarijiet li jistgħu iwasslu jew iżidu ċ-ċans ta’ prolass. L-iktar raġunijiet komuni huma dawn:

  • It-twelid ta’ tarbija b’ mod vaġinali – dan minħabba dak li nsejħulu ‘Levator Avulsion’, meta jkun hemm skonnettjar bejn il-muskoli tal-‘levator ani’ mill-partijiet tal-għadam tal-pelvis  
  • Stitikezza kronika u sfurzar repetittiv
  • Menopawsa – dan minħabba ħafna fatturi, inkluż tibdil jew nuqqas fil-kollaġen
  • Ħafna rfigħ ta’ toqol mingħajr kontroll tal-pressjoni intra-addominali
  • Mobilita’ żejda jew flessibilta’ żejda  
  • Isterektomija (speċjalment għal prolass tal-‘vault’ vaġinali)

Kif tista tevita u timmaniġġja prolass tal-organi tal-pelvis?

Hemm strateġiji marbuta mal-istil ta’ ħajja, kif ukoll eżerċizzji li jistgħu jintużaw biex jiġi evitat prolass. Dawn l-istrateġiji idealment għandhom jiġu mgħallma lil kull mara minn eta’ bikrija – ħafna minnhom faċilment jintlaħqu billi nkunu konxji ta’ kif jaħdem u jiċċaqlaq ġisimna.

Dawn l-istess strateġiji jistgħu ukoll jgħinu biex jimmaniġġjaw prolass billi jnaqqas is-severita’ tas-sintomi u jippreveni aktar ħsara. Kull mara li għaddiet jew se tgħaddi minn kirurġija relatata ma prolass tal-organi tal-pelvis għandha titgħallem dawn l-istrateġiji, għax huma importanti ħafna biex jiġi mmaniġġjat il-prolass għal tul ta’ żmien.

Strateġiji relatati ma’ l-istil ta’ ħajja

  1. Eżerċizzji għal-tisħiħ tal-muskoli tal-pelvis – dan jibda bil-‘squeeze and lift’ tal-‘kegel’ imma jrid imur oltre, billi jiġi nkorporat mal-funzjoni tal-moviment
  • Tisħiħ u tagħlim biex tattiva l-muskoli li jinsabu fil-fond u fil-qalba tal-ġisem. Dawn jipprovdu stabbilta’ u sapport lil ġisem kollu, u huwa relatat mal-pelvis, u għalhekk għandu rwol importanti ħafna fil-prolass tal-organi tal-pelvis 
  • Ingaġġ u attivazzjoni kif ukoll rilassament tal-muskoli tal-pelvis flimkien mal-muskoli tal-qalba b’ mod sinerġistiku u fil-ħin opportun
  • Titjib tas-saħħa tal-musrana – tqanżiħ jew żamm ta’ l-ippurgar iżid iktar piż fuq pelvis li diġa jkun dgħajjef, u għalhekk ikompli jimbotta l-organi iktar l-isfel
  • Tagħlim ta’ eżerċizzju bbażat fuq il-ħsieb ta’ ġid għal-pelvis, biex tiġi evitata pressjoni eċċessiva intra-addominali li titfa aktar stress u forza l-isfel fuq il-pelvis u l-istrutturi ta’ sapport tiegħu
  • Tgħallem u kun konxja dwar sikurezza tal-pelvis kif ukoll dwar perikli f’ attivitajiet ta’ kuljum, eżempju, rinforz meta qed terfa jew tqum bilwieqfa kif ukoll waqt sogħla, ma żżommx in-nifs, ma tagħmilx ‘squatting’ fit-tul, ma tistrapazzax iżżejjed (iċċaqlaq għamara tqila, terfa ħafna toqol), speċjalment mingħajr il-mod rakkomandat
  • Isserraħ it-piż u l-uġigħ fl-isfel tad-dahar – imtedd fuq dahrek b’ imħadda taħt l-irkopptejn, jew b’ saqajk dritti l-fuq ma ħajt (90°). B’ hekk tkun qed teqleb il-gravita’ u tipprovdi serħan għal mument

Pessarji u kirurġija

F’ ċertu każi, eżerċizzju ggwidat sew jista jkun biżżejjed biex jimmaniġġja prolass u jnaqqas is-sintomi. Kultant aktar għajnuna tista tkun neċessarja b’ użu ta’ pessarji mill-ġinekoloġista tiegħek.

Il-pessarju jista jkun ta’ ġid billi jipprovdi serħan mis-sintomi, iżda dan għandu jsir flimkien ma’ l-istrateġiji msemmija aktar il-fuq (kontroll tal-pressjoni intra-addominali u programm ta’ eżerċizzi tajbin għal pelvis u l-muskoli tal-qalba.

Kultant tiġi rrakkomandata l-kirurġija speċjalment f’każi fejn il-pessarji flimkien ma’ l-implimentazzjoni tal-istrateġiji l-oħra ma jipprovdux serħan biżżejjed u titjib fis-sintomi. Il-ġinekoloġista tiegħek tista ttik aktar gwida dwar dan.

Dejjem ftakar biex issaqsi l-ġinekoloġista tiegħek biex tiċċekkjak għal prolass tal-organi tal-pelvis kull darba li jkollok xi vista, biex f’ każ ta’ dan tinduna mill-bidu u tibda timplimenta dawn l-istrateġiji li semmejna biex tipprevjeni prolass aktar gravi.


Share the love

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *