Share the love

Parentcraft Services’ huwa servizz indipendenti offrut mid-Dipartiment tal-Obstetrika fl-ewwel sular, blokka E, fl-Isptar Mater Dei. ‘Parentcraft Services’ joffru edukazzjoni u s-sapport kemm waqt, kif ukoll wara t-tqala.

Waqt li kont qed nagħmel ftit riċerka għall-informazzjoni neċessarja għal dan l-artiklu, kont fortunata biżżejjed li tkellimt maċ-‘Charge Midwife and Parentcraft Services Coordinator’, Louise Bugeja, li permezz ta’ telefonata ġentilment kellmitni fid-dettal dwar l-opportunitajiet edukattivi kollha li jiġu offruti permezz ta’ dan is-servizz. Ms Bugeja spjegatli li l-edukazzjoni sseħħ f’’team meetings’ li jiġu offruti għall-ommijiet/koppji li qed jistennew tarbija, ommijiet tqal b’tewmin, nanniet, u ommijiet bi tqaliet konsekuttivi. L-ommijiet jiġu mgħaqqda flimkien fi gruppi skond ix-xahar li jkunu mistennija jwelldu fih, u l-parteċipazzjoni tista’ tkun kemm wiċċ imb’ wiċċ kif ukoll onlajn. Il-gruppi kollha imbagħad jiġu nvitati biex jingħaqdu ma grupp ġenerali, li bħalissa jinkludi l-fuq minn 2,500 membru. F’dan il-grupp jiġu mtella’ ċerti ‘modules’ u ‘updates’ informattivi relatati mas-suġġett.

Il-‘Parentcraft’ joffru wkoll sessjonijiet ta’ wara t-twelid, li jservu bħala għodda edukattiva speċjalment għal dawk li jħossu li għandhom ħafna mistoqsijiet li mbagħad jiġu mwieġba minn qwiebel kwalifikati. Inizjattiva oħra tajba ħafna offruta għal perjodu ta’ wara t-twelid hija li permezz ta’ paġna ta’ Facebook imsemmija Ask The Parentcraft Midwife, l-ommijiet ġodda jistgħu jistaqsu l-mistoqsijiet tagħhom kif ukoll jiddiskutu kwistjonijiet relatati magħhom infushom u mat-trabi tagħhom. Dawn ukoll jiġu mwieġba minn qwiebel li ġentilment jagħmlu dan grazzi għad-dedikazzjoni kbira tagħhom. Il-paġna ‘Ask the Parentcraft Midwife’ hija miftuħa wkoll għall dawk l-ommijiet li jixtiequ jsemmgħu leħinhom fuq dak li jinkwetahom u anke jistaqsu mistoqsijiet relatati.

Personalment nieħu din l-okkażjoni nirrakkomanda lill-‘Parentcraft Services’! Għamilt użu minn dan is-servizz meta kont tqila bit-tfal tiegħi fil-passat, u minn dak li qed nara, huwa evidenti li dan is-servizz, li kien diġa tajjeb ħafna, issa sar eċċellenti!

Il-‘Parentcraft Midwives’ jistgħu jiġu kkuntatjati għal aktar informazzjoni fuq 25455123, 25455124 jew 25455127, jew fuq il-paġna ta’ Facebook https://www.facebook.com/parentcraftmalta. Għal dawk li huma mħajra japplikaw għal xi servizzi li ġew imsemmija aktar il-fuq, Ms Bugeja ġentilment ipprovdiet dokument mehmuż hawn taħt li jikkonsisti f’applikazzjoni li tista’ tiddawnlodja faċilment, u wara li timliha, ibgħatha fuq l-imejl [email protected]

Ms Bugeja ġentilment għadditilna wkoll dan id-dokument informattiv ferm  li għandu l-kuntatti kollha li tista’ tiġi bżonn kull mara tqila…

Sfortunatament, waqt li kont qed nikteb dan l-artiklu fid-17 t’Ottubru 2020, il-‘Parentcraft Midwives’ ġew mitluba biex jaħdmu fiċ-ċentru tal-‘Contact Tracing’ minħabba l-pandemija COVID-19. B’hekk is-servizzi kollha li joffru, inklużi dawk onlajn, twaqqfu. Meta dan ġie mħabbar, ħafna nisa tqal kif ukoll nisa li huma ommijiet diġa, esprimew id-dispjaċir tagħhom dwar din is-sitwazzjoni fuq il-medja soċjali.

Evidentament, il-‘Parentcraft Midwives’ huma ta’ importanza kbira fil-ħajja ta’ l-omm, inkluża l-omm prospettiva, aktar u aktar waqt il-pandemija tal-Covid-19. Ommijiet li qed jistennew biex iwelldu jew għadhom kemm welldu għandhom bżonn aktar sapport, speċjalment f’dawn il-ġranet, fejn l-istress żied drastikament minħabba dan il-vajrus.

Il-qwiebel għandhom l-esperjenza neċessarja kif ukoll l-informazzjoni li tant għandhom bżonn in-nisa tqal. Il-pariri dejjem huma mistennija, speċjalment minn nisa li jkunu se jsiru ommijiet għall-ewwel darba. Dak li tgħallimt mill-vidjows u l-lezzjonijiet tagħhom kienu ta’ għajnuna kbira kemm għalija u kemm għall-‘partner’. Il-vidjows verament għenuni speċjalment għax tista’ terġa tmexxi lura biex kull darba li tkun trid tiftakar xi ħaġa jkollok l-opportunita’ li tfittixha. Huma pprovdewlna wkoll is-sapport f’dan iż-żmien diffiċli, u naqqsulna ftit mill-ansjeta’…

Dan is-sapport kif ukoll l-esperjenza kbira tagħhom ma jistgħux jinstabu f’kotba tat-trabi li tista’ taqra bħal ma ssuġġerew xi nies fuq paġni tal-medja soċjali. Xi persuni qalu li huma ma kellhomx dawn is-servizzi fi żmienhom. Li tisma’ l-pariri t’ommok u tan-nanna xi kultant mhux biżżejjed għaliex l-istudji jsiru kuljum biex itejbu l-kura u l-pariri li jingħataw lill-ommijiet għat-trabi tagħhom, u b’hekk l-informazzjoni l-aktar riċenti hija dejjem provduta bis-saħħa tal-‘Parentcraft Services’. Għalhekk aħna vera ffortunati li għandna dawn is-servizzi u s-sapport kollu disponibbli għalina…

Rajt ukoll ommijiet li qasmu l-esperjenza tagħhom tat-twelid, u lill-qwiebel ifaħħru lill-ommijiet u jirringrazzjawhom talli jkunu kitbu l-istorja tagħhom. Mill-esperjenza riċenti tiegħi tat-twelid – sal-ġranet stressanti ta’ ftit wara, xi kultant ikollok bżonn tisma’ li dak li għamilt kien tajjeb u li miexja sew minn dawk in-nies esperjenzati sabiex jitnaqqas ftit mill-inkwiet u l-istress b’mod ġenerali.

Laura Caruana

Il-‘Parentcraft services’ joffru bħal nifs ġdid, partikolarment f’dawn iż-żminijiet tal-Covid-19. Li tkun taf li huma biss messaġġ il-bogħod iserraħlek moħħok. Id-dedikazzjoni u l-imħabba li juru lejn kull omm li qed tistenna biex twelled tinħass faċilment, anke jekk dan iseħħ b’mod virtwali. Kienu brillanti diġa’ meta kont qed nistenna l-ewwel tarbija tiegħi, u issa huma bħal xaq ta’ dawl f’dawn iż-żminijiet tant kefrin.

Kiki Mizzi

F’ qasir żmien nisa tqal jew bi trabi u l-familjari tagħhom bdew jiktbu r-reviżjonijiet onesti tagħhom fuq il-paġna ta’ ‘Parentcraft Malta’. Kollha kemm huma qablu li dan is-servizz huwa ta’ bżonn u mportanza kbira, u li m’għandux jitwaqqaf…

Jien kelli tarbija f’Awwissu. Kieku ma kienux huma f’dan iż-żmien sensittiv, kieku jien kont inħossni kompletament mitlufa… is-servizz tagħhom huwa dejjem ta’ benefiċċju f’ċirkostanzi normali, aħseb u ara issa… grazzi!!

Flo Tn

‘Parentcraft Malta’ joffru servizz brillanti w’ uniku; servizz li n-nisa tqal għandhom tassew bżonn. Għalija dawn in-nies kienu punt ta’ referenza għal kull tip ta’ mistoqsija li daħlitli f’moħħi, jew għal kull ħaġa li ġegħlitni niddubita fija nnifsi jew kull meta bdejt nesperjenza xi ftit ta’ l-ansjeta’. Fil-vjaġġ tat-tqala tiegħi sibthom qishom spalla. Għalkemm ħafna partijiet mis-servizz tagħhom beda jseħħ onlajn minħabba s-sitwazzjoni tal-COVID, huma kienu dejjem lesti biex iwieġbu l-mistoqsijiet tiegħi, ikun x’ħin ikun. L-informazzjoni li ħadt mill-vidjows tagħhom kienu ta’ valur li ma jistax jiġi kkumparat. Dak kollu li ħadt minnhom serraħli moħħi. Nixtieq ngħid grazzi speċjali lil Louise u lil Sharon talli qasmu l-informazzjoni u s-sapport tagħhom miegħi, talli tawni ftit mill-ħin tagħhom u talli kienu dejjem disponibbli b’daħka fuq fommhom waqt dawn iż-żminijiet strambi li qed nesperjenzaw.

Daniela Galea

Li ssir omm, għalkemm taf tkun xi ħaġa li tkun ilek tixtieq għal żmien twil, xorta hija esperjenza li tqajjem emozzjonijiet qawwija fik. F’daqqa waħda jkun hemm tarbija tikber fik li tkun qed tikkawża bidla f’ġismek u f’ħajtek. Għalkemm smajt u qrajt ħafna dwar it-trabi, mill-klassijiet tal-‘Parentcraft’ sibt modi prattiċi dwar kif nista’ naċċetta t-tqala, il-preparazzjonijiet u dak kollu li għandi nistenna mit-twelid, kif ukoll xi pariri għal dawk il-ġimgħat tal-bidu sa meta kelli nwelled. Jien issa qiegħda ġimgħatejn il-bogħod mit-twelid u minħabba t-‘transfer’ li kellhom il-‘Parentcraft Midwives’ inħossni qed nitlef ħafna mill-assigurazzjoni u kumdità li biha nkun nista’ nsaqsi domandi fl-aħħar minuta, speċjalment dwar l-‘updates’ il-ġodda tar-regolazzjonijiet minħabba l-COVID…

Davinia Pirotta

Il-‘Parentcraft’ huwa verament tajjeb u essenzjali għal dawk kollha li se jsiru ommijiet. Personalment sibthom t’għajnuna kbira meta kont tqila għall-ewwel darba. Issa, waqt dawn iż-żminijiet strambi hekk kif ninsab tqila bit-tieni tqala tiegħi, kienu qishom mibgħuta min Alla. Kontinwament jaċċertaw l-ommijiet, joffru l-pariri siewja tagħhom, iwieġbu l-mistoqsijiet u anke tellgħu ħafna nformazzjoni onlajn. Grazzi għax-xogħol kollu u għad-dedikazzjoni tagħkom. Intom kontu u għadkom is-sistema tas-sapport tagħna. Nittama li dan is-servizz bżonnjuż jerġa’ jingħatalna lura mill-aktar fis possibbli!

Tiziana Yana Bonello

Dawn huma biss ftit mill-vuċijiet ta’ ħafna nisa li esperjenzaw l-għajnuna u s-servizzi eċċellenti offruti mill-‘Parentcraft Midwives’. Fortunatament, fil-21 t’ Ottubru 2020, l-MUMN issapportjaw lill-‘Parentcraft Midwives’ u bagħtuhom lura miċ-ċentru tal-‘Contact Tracing’ f’posthom fejn huma tant imfittxija. Issa jistgħu ikomplu joffru s-servizz eċċellenti tagħhom lil dawk in-nisa kollha li għandhom bżonnhom, speċjalment f’dan iż-żmien iebes tal-COVID-19.


Share the love

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *