“Menopawsa hekk tkun?” “Vera li hija daqshekk sħana, jew diġa qed nesperjenza xi sintomi tal-menopawsa?”
Kemm il-darba nisimgħu dawn il-mistoqsijiet? Jew nirrimarkaw b’dan il-mod, speċjalment waqt il-ġranet sħan tas-sajf? Il-verita’ hi li din hija fażi li n-nisa kollha jgħaddu minnha eventwalment, għalhekk jagħmel ħafna sens li dan il-ħsieb jgħaddilna minn moħħna, anke sa minn eta’ bikrija f’ħajjitna.
Il-menopawsa hija l-perjodu ta’ meta mara tieqaf tesperjenza menstrwazzjoni u ma tkunx tista’ tinqabad tqila b’mod naturali. Il-menopawsa hija ddefinita bħala 12-il xhar mingħar dmijja tal-menstrwazzjoni fin-nuqqas ta’ kundizzjonijiet oħra. Aħna u nikbru, l-ovarji tagħna jieqfu jipproduċu biżżejjed estroġen u għalhekk ma tibqax tinqata’ bajda kull xahar. Dan ġeneralment iseħħ meta jkollna bejn 45 u 55 sena, għalkemm tajjeb ngħidu li 1 minn kull 100 mara tesperjenza menopawsa aktar kmieni, xi kultant anke fl-aħħar tat-tletinijiet. Qabel ma tesperjenza l-menopawsa, il-‘period’ jibda jnaqqas il-frekwenza, ġeneralment għal-perjodu ta’ bejn ftit xhur u ftit snin, u eventwalment jieqaf. Dan l-istadju ta’ qabel il-menopawsa huwa magħruf ukoll bħala ‘premenopause’. Madankollu, kien hemm każijiet fejn il-menstrwazzjoni tieqaf f’daqqa.
Minbarra r-raġuni tal-eta’, il-menopawsa xi kultant tista’ tiġi kkawżata minn trattamenti kuriġiċi bħal tneħħija tal-ovarji, trattamenti tal-kanċer bħal kimoterapija u radjografija, u kundizzjonijiet oħra.
Sintomi tal-Menopawsa
Ħafna nisa jesperjenzaw varjeta’ ta’ sintomi tal-menopawsa, u xi kultant dawn jistgħu ikunu kemxejn severi. Ċertu nisa jsibu wkoll li dawn is-sintomi tal-menopawsa jħallu effett kemmxejn drastiku fil-mod kif jgħixu. Is-sintomi tal-menopawsa jistgħu jibdew sa xhur jew anki snin qabel il-menopawsa, u jdumu sa 4 snin wara l- menopawsa, għalkemm hemm nisa li jibqgħu jesperjenzaw sintomi tal-menopawsa għal ħafna aktar żmien minn hekk.
Sintomi komuni tal-menopawsa jinkludu:
Mumenti ta’ sħana qawwija: mument fejn tiġi ħafna sħana f’daqqa minn imkien imma tiġri b’pass rapidu f’ġismek.
Togħroq mal-lejl: togħroq b’mod eċċessiv matul il-lejl, fejn meta tqum issib il-lożor u l-ilbies tas-sodda mimlija bl-ilma, irrispettivament mill-ambjent kiesaħ ta’ madwarek.
Diffikulta’ fl-irqad: regolarment issibha diffiċli biex torqod.
Burdati ħżiena: tħossok imdejqa u anke tibda tħossok li ma tistax tiffunzjona b’mod normali.
Ansjeta‘: tibda tiffunzjona b’mod differenti kemm fiżikament kif ukoll mentalment.
Vaġina xotta: dan jista’ jikkawża ħakk u wġiegħ, u tista’ tesperjenza skumdita’ u wġiegħ waqt is-sess; tista’ tikkawża wkoll infezzjonijiet fil-pajp tal-urina (UTI’s) b’mod rikorrenti.
Nuqqas ta’ ‘libido’: nuqqas ta’ xewqa għas-sess.
Nuqqas ta’ konċentrazzjoni u memorja: issibha bi tqila biex tiffoka u tħaddem il-memorja.
Trattamenti Disponibbli u Suġġerimenti li Jgħinu Biex Itaffu s-Sintomi tal-Menopawsa
Jekk qed tesperjenza sintomi li qed jillimitawk milli tgħix il-ħajja li kont tgħix qabel, dawn is-suġġerimenti li ġejjin jistgħu ikunu t’għajnuna…
HRT (‘Hormone Replacement Therapy’) –HRT jiġi fil-forma ta’ pilloli, ġelijiet, impjanti u ‘skin patches’. L-HRT toffri eżenzjoni mis-sintomi tal-menopawsa billi tissostitwixxi n-nuqqas t’ estroġen esperjenzat waqt l-istadju tal-menopawsa. Xi tipi t’ HRT jistgħu iżidu r-riskju li tiżviluppa l-kanċer tas-sider. F’ħafna każijiet hemm it-twemmin li l-benefiċċji tal-HRT huma akbar mir-riskji, iżda huwa mportanti li tkellem lill-GP tiegħek speċjalment jekk għandek xi dubji rigward it-teħid tal-HRT jew jekk għandek storja tal-kanċer fil-familja.
Kremi vaġinali, lubrikanti u ‘moisturisers’ – dawn jgħinuk billi jipprovdu estroġen topikali u jimmiraw speċifikament il-problema tal-‘vaginal dryness’.
Dieta tajba – li timxi ma dieta tajba li tikkonsisti varjeta’ t’ikel fil-proporzjonijiet u l-ammonti tajbin jista’ jgħinek iżżomm mal-piż ideali, waqt li ttejjeb ukoll xi sintomi.
Eżerċizzju regolari – dan jgħinek iżżomm ġismek b’saħħtu, li wkoll inaqqas is-sintomi.
CBT (‘Cognitive Behavioural Therapy’) – CBT jiġi provdut minn sessjonijiet tal-konsulenza/terapija li jkunu mmirati lejn il-burdati ħżiena u ansjeta’: żewġ sintomi komuni ħafna. Permezz tas-CBT terapista tkun tista’ tgħinek timmaniġja l-problemi tiegħek billi taħseb u tirreaġixxi b’mod differenti.
Ikkonsulta GP jew Ġinekoloġista
Dijanjosi tal-‘premenopause’ tista tiġi mogħtija wara ħarsa lejn l-istorja medika u tal-menstrwazzjoni tal-mara, kif ukoll lejn is-sinjali u s-sintomi preżenti.
Jekk qed tesperjenza sintomi li qed jinkwetawk, jew qed tesperjenza dawn is-sintomi qabel il-45 sena, idealment ikkonsulta ma GP jew Ġinekoloġista. Dawn jistgħu jikkonfermaw jekk is-sintomi tiegħek humiex sintomi tal-menopawsa, u jkunu jistgħu jordnaw testijiet tad-demm biex jikkalkulawlek il-livelli tal-ormoni tiegħek, speċjalment jekk għandek inqas minn 45 sena. Madankollu, huwa kruċjali li tkun taf li l-livelli tal-ormoni jinbidlu waqt iċ-ċiklu tal-mara u għalhekk it-testijiet jistgħu ma jipprovdux riżultat eżatt mingħajr ma jiġu evalwati possibilitajiet oħra.
Il-GP tal-familja jew GP fiċ-ċentru tas-saħħa lokali tiegħek jista’ jiggwidak u jista’ anke jirreferik għall-konsultazzjoni fil-klinika tal-Ġinekoloġija.
Jekk is-sintomi tiegħek jippersistu waqt li tieħu t-trattamenti preskritti, jew jekk inti għal xi raġuni jew oħra ma tistax tieħu HRT, il-GP tiegħek jista’ jirreferik ukoll għal għand speċjalista tal-menopawsa.
Sal-lum il-ġurnata għad m’hemmx testijiiet sempliċi li jipproduċu riżultati eżatti li jbassru jew jikkonfermaw il-menopawsa jew ‘premenopause’, imma r-riċerka għadha għaddejja.
Referenzi:
NHS. 2018. Menopause. Accessed on 26th September 2020 at https://www.nhs.uk/conditions/menopause/
The North American Menopause Society. 2020. How do I know I’m in menopause? Accessed on 26th September 2020 at https://www.menopause.org/for-women/menopauseflashes/menopause-symptoms-and-treatments/how-do-i-know-i%27m-in-menopause-
Tista’ taqra esperjenza relatata dwar l-isterektomija u l-HRT hawnhekk…
Jekk għandek esperjenza relatat mal-menopawsa li tixtieq taqsam magħna, ibgħatilna imejl fuq [email protected]
Claire Galea hija omm ta’ tlieta li bħalissa qed issegwi Degree fin-Nursing fil-Faculty of Health Sciences, fl-Universita’ ta’ Malta, bħala studenta matura. Hija ħerqana ħafna dwar l-edukazzjoni pubblika rigward suġġetti relatati mas-saħħa kif ukoll fuq il-kura ħolistika tal-pazjent.
Hi tħobb ukoll toħloq għarfien dwar l-impatt negattiv li tħalli l-vjolenza domestika fuq is-saħħa mentali, emozzjonali, soċjali u fiżika tal-vittmi.
Għal aktar informazzjoni dwar Claire kif ukoll għal lista ta’ artikli miktuba minnha agħfas hawn