Ħafna ommijiet spiss jitħassbu dwar l-aħjar eta’ li jrid ikollhom il-bniet tagħhom biex jibdew jużaw it-tampuni, jew kif nafuhom aktar, ‘tampons’, u filfatt spiss jiskuraġġixxu lill-uliedhom milli jibdew jużaw it-tampuni mill-ewwel ‘period’ tagħhom. Ħafna tfajliet fil-bidu tal-perjodu tal-puberta’ tagħhom jippreferu jużaw ‘sanitary pads’ għall-ewwel ftit xhur, waqt li ċertu tfajliet jibżgħu u m’ għandhom l-ebda ħsieb jipprovawhom.
Biex tieħu deċiżjoni tajba dwar jekk tfajla tistax tuża t-tampuni żomm dawn iż-żewġ ħsibijiet f’ moħħok: hija responsabbli biżżejjed biex tuża t-tampuni b’ mod sikur? U iktar importanti minn hekk, hija komda bl-idea li tużahom? Jekk ir-risposta hija ‘iva’, serraħ moħħok li huwa totalment sikur li t-tifla tibda tużahom mill-ewwel.
Ħafna tfajliet ma togħġobhom xejn l-idea li jibdew jużaw it-tampuni, u idealment dawn it-tfajliet lanqas jipprovawhom sakemm iħossuhom emozzjonalment lesti li jagħmlu dan.
Oħrajn jistgħu ikunu lesti jużawhom minn eta’ żgħira, u sakemm ikunu kapaċi jifhmu kif għandhom jużaw it-tampuni b’ mod sikur x’aktarx jippreferuhom minn ‘sanitary pads’, speċjalment jekk ikunu t-tip ta’ tfajliet li jħobbu l-għawn u l-isport.
Hawn ħafna tipi differenti ta’ tampuni fis-suq, u bħal ‘pads’, dawn jiġu b’ qisien skond il-bżonn ta’ assorbiment. Tfajliet żgħar għandhom jagħżlu tampuni rqaq minħabba li huma iżgħar, faċli aktar biex iddaħħalhom u tneħħihom, kif ukoll biex timmaniġġjahom. Ċertu tampuni jiġu b’ applikatur tal-kartun jew plastik li jiffaċilitaw l-ippużizzjonar tat-tampuni fil-vaġina. Tampuni oħra għandhom ‘stick applicators’ u oħrajn m’ għandhom xejn. Dawn ta’ l-aħħar jistgħu jintużaw billi t-tfajla tuża l-ponot ta’ subgħajha biex tressaq it-tampun f’ postu.
Il-proċess ta’ tagħlim dwar kif jiddaħħlu u jitneħħew it-tampuni spiss ikun wieħed twil, u kull tfajla taf tħossha xi ftit anzjuża għall-ewwel.
Taf ukoll tkun idea tajba li tagħti mera lit-tifla biex tużaha ħalli ssib l-entratura vaġinali qabel tipprova ddaħħal it-tampun. Aċċerta lit-tifla li meta t-tampun jiddaħħal kif suppost, ma jikkawża l-ebda uġigħ, u li jekk ikun qed iweġġagħha jkun ifisser li ma jkunx iddaħħal eżatt f’ postu.
Teżisti marda serja msejħa ‘toxic shock syndrome’ li hija direttament assoċjata mal-użu tat-tampuni. Għalkemm din il-marda hija rari, pero tajjeb li kull tfajla tkun taf b’ din il-possibilta’, kif ukoll tkun konxja dwar is-sintomi relatati magħha, speċjalment jekk tkun iddeċidiet li tibda tużahom.
Kull tfajla għandha tkun taf li jekk tuża t-tampuni b’ mod sikur, tbiddel spiss u tipprattika iġjene tajba, tkun qed tnaqqas ir-riskju tat-‘toxic shock syndrome’.
Tista taqra l-artiklu oriġinali hawn: https://www.verywellfamily.com/should-tween-girls-use-tampons-3288289