Share the love

X’inhu l-Virus tal-Papilloma Umana (HPV)?

•Il-Virus tal-Papilloma Umana (HPV) huwa grupp ta vajrusis li jikkonsistu f’aktar minn 100 tip differenti.

•Il-maġġoranza ta’ persuni li jkollhom dan il-virus ma jkunux jafu li għandhom.

•Ħafna drabi ma jkun hemm l-ebda sintomu.

•Tista’ tgħaddi l-HPV lil ħaddieħor mingħajr ma tkun taf.

•Hemm ħafna tipi differenti ta’ HPV. Ċertu tipi jistgħu jikkawżaw problemi relatati mas-saħħa inkluż felul ġenitali u kanċers.

•Jeżisti tilqim li jista’ jwaqqaf dawn il-problemi relatati mas-saħħa milli jiġru.

Kif jista’ xi ħadd jiġi nfettat bil-Virus tal-Papilloma Umana?

HPV jiġi trażmess permezz ta’ kuntatt ta’ ġilda ma ġilda fiz-zona ġenitali li jseħħ waqt is-sess. Għalhekk, meta l-HPV jaffettwa z-zona ġenitali jiġi kkunsidrat bħala infezzjoni trażmessa sesswalment.

Ħafna drabi, felul ġenitali jiġi trażmess waqt sess bla protezzjoni, madankollu dan jista’ jseħħ ukoll waqt kuntatt ta’ ġilda ma ġilda, anke jekk sintomi ma jkunx hemm. Għadu mhux magħruf kemm jonqos ir-riskju t’infezzjoni wara t-trattament. Il-kondoms jistgħu inaqqsu r-riskju tat-trażmissjoni.

Il-virus tal-papilloma umana jista’ jiġi trażmess ukoll permezz ta’ sess orali u self ta’ sex toys bejn persuni bl-HPV. Anke jekk l-ebda sintomu ma jkun magħruf, il-virus xorta jista’ jiġi trażmess lil ħaddieħor.

Ma tistax tiġi nfettata b’felul ġenitali waqt bews, tgħanniq, banjijiet jew xugamani, pixxini, toilet seats jew tazzi, platti u cutlery.

Fatturi ta’ riskju t’infezzjoni HPV:

  • Attivita’ sesswali t’eta’ żgħira
  • Attivita’ sesswali ma aktar minn persuna waħda
  • Jekk il-partner ikollu relazzjonijiet sesswali oħra
  • F’persuni b’immunita’ baxxa, l-HPV tiġi identifikata b’mod aktar faċli u tippersisti aktar
  • Riskju akbar f-irġiel mhux ċirkonċiżi

X’inhuma l-effetti tal-Virus tal-Papilloma Umana fuq is-saħħa?

Ċertu tipi ta HPV jistgħu jikkawżaw problemi tas-saħħa bħal felul ġenitali u kanċer.

L-infezzjoni ġenitali tal HPV ħafna drabi ma tippreżentax b’fatturi kliniċi jew kumplikazzjonijiet, u ħafna drabi tiġi kkawżata minn HPV tat-tipi 6 u 11. Mhux kull min ikollu dan il-virus jiżviluppa felul ġenitali. Xi kultant dan il-virus jitlaq waħdu, iżda jista’ jagħti l-każ ukoll li ma tkunx taf li għandek il-virus, u l-felul ġenitali jiżviluppaw ġimgħat, xhur jew saħansitra snin wara ma l-persuna jkollha kuntatt ma xi ħadd infettat. Fil-maġġoranza tal-każi, il-felul ma jikkawżax uġigħ jew problemi serji. Fid-dehra tagħhom dawn jistgħu jiżviluppaw fiz-zona ġenitali jew qrib l-anus; jistgħu ikunu ċatti jew imqabbża, waħdiet jew fi gruppi, żgħar jew kbar, jew anke b’dehra simili għal pastard. Il-felul jista’ jitlaq mingħajr trattament, iżda jistgħu ukoll jibqgħu kif ukoll jikbru fid-daqs u n-numru. Jistgħu jikkawżaw dmija mill-anus jew l-uretra u jistgħu ukoll jaffettwaw il-fluss tal-awrina.

Nisa bl-HPV jistgħu jiżviluppaw felul fil-vaġina, vulva u ċerviċi. L-irġiel jistgħu jiżviluppawhom fuq il-pene, skrotum u l-uretra. Felul ġenitali jistgħu jinstabu wkoll in-naħa ta’ fuq tal-koxox, fl-anus jew fil-madwar.

L-infezzjonijiet tal-HPV xi kultant jistgħu ukoll jiżviluppaw f’kanċer, bħal kanċers ċervikali, fil-vulva, vaġina, pene u l-anus. Il-kanċer ċervikali huwa ir-raba’ tip ta’ kanċer l-aktar komuni fin-nisa. L-HPV jista’ wkoll jikkawża kanċer fin-naħa ta’ wara tal-griżmejn, inkluż il-bażi tal-ilsien u t-tunsilli.

Jista’ jiġi mfejjaq il-Virus tal-Papilloma Umana?

Jekk għandek felul ġenitali tajjeb li tiġi ttestjata wkoll għal STIs oħra bħal HIV, gonorrhoea jew sifilide, minħabba li jista’ jkollok aktar minn infezzjoni waħda fl-istess ħin. It-trattament għandu jiġi diskuss mat-tabib tiegħek. Hemm ħafna modi kif l-HPV jista’ jiġi trattat. Felul ġenitali jista’ jerġa jiżviluppa anke wara t-trattament. Madankollu, sistema immunitarja tajba għandha l-abbilta’ teħles mill-virus jew trażżnu.

Kanċer ċervikali jista’ jiġi skopert u trattat b’suċċess jekk jinstab kmieni ħafna waqt pap smear. L-istess jista’ jingħad għal tipi ta kanċers oħra li jiżviluppaw mill-HPV: aktar ma jiġu skoperti malajr, aktar ikun hemm ċans li t-trattament ikun suċċess.

Jista’ jkolli x’naqsam sesswalment jekk għandi felul ġenitali?

Huwa mportanti li tittestja lilek innifsek għal STIs oħrajn qabel ma jkollok x’taqsam sesswalment. Huwa rakkomandat li tuża l-kondoms waqt is-sess speċjalment jekk għandek il-felul.

Jeżisti vaċċin kontra l-Virus tal-Papilloma Umana?

F’Malta, il-Gvern joffri l-vaċċin tal-HPV b’xejn lit-tfajliet kollha ta 12-il sena li twieldu wara s-sena 2000. Jekk inti ma taqax taħt din il-kriterja, tista’ tixtri l-vaċċin inti stess. Dan il-vaċċin jingħata fi 3 dożi fuq perjodu ta’ 6 xhur.

Il-felul ġenitali u t-tqala

Il-felul ġenitali ma jaffettwax il-fertilita’. Jekk tinsab tqila u għandek felul ġenitali idealment kellem tabib. Huwa rari li l-felul ġenitali jaffettwa t-tarbija, u nisa tqal b’felul ġenitali ma jkollhomx bżonn iwelldu ċesarja sakemm il-felul ma jkunx qed jibblokka l-kanal tat-twelid.

Tagħrif importanti għall-persuni b’felul ġenitali

  • It-tipi ta’ HPV li jikkawżaw felul ġenitali huma differenti mit-tipi li jikkawżaw il-kanċer. Nisa b’felul ġenitali ma jkollhomx bżonn jagħmlu Pap Smear aktar frekwenti minn nisa oħra.
  • Qatt ma tista’ tagħraf iż-żmien li fih tkun akkwistajt il-Virus tal-Pappilloma Umana minħabba li l-felul ġenitali jistgħu jiżviluppaw xhur u anke snin wara li tkun ħadt l-HPV. L-infezzjoni tista’ tgħaddi minn persuna għal oħra anke jekk ma jkunx hemm sinjal ta’ felul. Partners sesswali jgħaddu l-HPV anke fejn sintomi bħall-felul joħorġu biss f’ partner wieħed biss.
  • It-trattament ma jikkurax il-virus direttament, u l-felul jista’ jitfaċċa anke wara t-trattament.
  • Minħabba li felul ġenitali jista’ biss jiġi trażmess sesswalment, pazjenti b’felul ġenitali jibbenefikaw mill-ittestjar għal STIs oħra.
  • Il-vaċċin Gardasil 9 jista’ jingħata kemm lill-irġiel kif ukoll lin-nisa biex jiġi pprevenut il-felul ġenitali kif ukoll jipproteġi kontra tipi ta’ HPV li huma relatati mal-kanċer, iżda ma jitrattax infezzjonijiet jew felul ġenitali eżistenti.
  • Persuni li għandhom felul ġenitali għandhom jinformaw lill-partners kurrenti tagħhom minħabba li dawn jista’ jkun diġa’ għandhom l-HPV anke jekk ma jkunx hemm sinjali ta’ felul.
  • Għadu mhux ċar kemm idum jippersisti l-virus wara li l-felul jiġi trattat, u għalhekk għad m’hemmx rakkomandazzjonijiet dwar jekk partners sesswali futuri għandhomx jiġu nformati dwar dijanjosi ta’ felul ġenitali.

Referenzi:

-https://www.cdc.gov/hpv/

-https://www.cdc.gov/std/hpv/the-facts/genital_hpv_bro508-2017.pdf

-https://www.who.int/immunization/diseases/hpv/en/

-https://www.ecdc.europa.eu/en/human-papillomavirus

-https://iusti.org/wp-content/uploads/2019/11/GenitalWarts2019.pdf


Share the love