F’Marzu ta’ l-2019 sirt naf li kont tqila għall-ewwel darba. Jien u żewġi konna ferħanin ħa ntiru! Madankollu xi ftit ġranet wara, waqt li kont qiegħda xogħol innutajt ftit tikek kannella. Kellimt kollega tiegħi li qaltli biex immur niċċekkja x’inhu jiġri immedjatament. B’hekk ċempilt sptar privat lokali u għamluli appuntament għal siegħa wara.
It-tabib li rani hemm kien veru arroganti, benġilni waqt ‘ultrasound’ intern li għamilli u qalli biex immur id-dar u noqgħod nistenna biex inkorri t-tarbija!
Id-dmija waqfu dik il-lejla u l-ġurnata ta’ wara ikkonsultajt ma tabib ieħor li llum imlaħħaq bħala ġinekoloġista. Huwa kkonfermali t-tqala u qalli li seta jara borża, kien veru paċenzjuż miegħi u fehemni sew xħin irrakkontajtlu l-avvenimenti tal-ġurnata ta-qabel. Huwa qalli li l-konsultazzjoni li jmissni kienet ħa tkun 4 ġimgħat wara, eżattament fit-8 ġimgħa tat-tqala.
Kien fl-appuntament tat-8 ġimgħa meta qaluli li għalkemm sabu taħbita tal-qalb, it-tarbija kienet tidher żgħira aktar milli suppost. Qaluli li kienet anomalija u ġejt irreferuta għand konsulent ieħor li ikkonfermali l-istess ħaġa. Sfortunatament kien riżultat ta’ difett tal-qalb. Qalulna biex nistennew u naraw x’se jiġri kif ukoll li kienu se jimmoniterjaw is-sitwazzjoni tiegħi mill-qrib.
F’Sibt il-Għid tal-2019, waqt ‘ultrasound’, qalulna li l-qalb tat-tarbija kienet waqfet tħabbat.
Għalkemm konna qed nistennewha, xorta kienet xokkanti. Immaġinajt li se nintbagħat l-isptar u l-fetu jitneħħa minn ġo fija u b’hekk inkun nista’ nirritorna għall-ħajja normali.
Kemm mort żmerċ! Il-borża baqgħet xorta tikber ġo fija u xorta kien qed ikolli s-sintomi tat-tqala, bħal dardir, il-ġurnata sħiħa. Sa kont anke ntella’! Kont għadni qed nitqies bħala tqila. Il-ġinekoloġista qal lir-raġel tiegħi li sakemm ġismi jbattal id-dmija kolllha li kellu jitbattar, l-isptar jagħmlu serje ta’ ‘ultrasounds’ u testijiet biex ikunu ċerti li veru ma kienx hemm taħbita tal-qalb. Kull ‘ultrasound’ kien iseħħ kull għaxart’ijiem. Imbagħad wara kont se niġi mogħtija appuntament biex it-tobba jinduċu t-twelid. Kien se jkolli nqatta’ lejl l-isptar biex inbattal id-dmija kollha, u l-ġurnata ta’ wara kien se jkolli ‘ultrasound’ ieħor biex naraw jekk hux se jkun hemm bżonn ta raxkament. Dan il-proċess kollu kellu jieħu madwar ġimgħatejn.
Bkejt b’qalbi kollha waqt li bdejt ngħid li ma rridx nistenna daqshekk fit-tul jew li ma rridx ngħaddi minnha u li kull ma rrid hu li jkolli kollox mneħħi minn ġo fija. Ma stajtx nifhem, u għadni ma nistax nifhem il-fatt li llum il-ġurnata din għadha mhux ħaġa possibbli u li huwa proċess veru twil biex jitneħħa fetu mejjet.
In-nisa għandhom jiġu mogħtija għażla, jew jistennew, li l-fetu jitlaq b’mod naturali jew li l-fetu jitneħħa bil-mediċina jew b’xi operazzjoni. Tnejn minn sħabi qaluli li kienu għaddew minn din is-sitwazzjoni s-sena ta’ qabel. It-tnejn li huma kienu mpoġġija ġo kamra ma’ xi ħadd li kien se jwelled jew xi ħadd li diġa’ kien welled. U t-tnejn li huma qaluli li l-lejl tagħhom qattawh jiċċekkjaw id-demm għal xi fdalijiet tal-fetu, li sirt naf li jinżammu l-isptar għal xi testijiet.
Ma kontx stabbli biżżejjed emozzjonalment biex ngħaddi minn dan kollu u b’hekk bqajt ninsisti mal-ġinekoloġista biex isalvani minn dan kollu. Aktar bdejt nibki milli ninsisti. Il-ġinekoloġista staqsieni biex nistenna sal-Ħamis ta’ dik il-ġimgħa (5 t’ijiem) u filkas jipprova jara x’jista jagħmel. F’dawk il-ħamest’ ijiem ippruvajt kull tip ta’ ħrafa li qatt smajt biha fuq il-korrimenti, bħal nixrob il-‘gin’ u nerfa affarijiet tqal ħafna. Xorta waħda ma tliftx il-fetu. Kont il-ħin kollu mdardra u kelli uġigħ kontinwu fin-naħa ta’ taħt ta żaqqi. Ċempilt l-isptar kemm il-darba imma dejjem qaluli li sakemm ma narax dmija ma setgħu jagħmlu xejn.
Waqt l-appuntament li kien imiss, li kien il-Ħamis, il-ġinekoloġista tiegħi qalli biex immur l-Isptar Ġenerali t’Għawdex it-Tnejn ta’ wara. Qalli li se jitkellem ma ġinekoloġista oħra biex tarani hemmek, tikkonferma li t-tqala kienet waqfet u wara jitwettqu l-proċeduri neċessarji.
It-Tnejn, wara li ġejt mogħtija l-medikazzjoni biex noħroġ il-fetu mad-dmija filgħodu (li qatt ma ġrat), wara nofsinhar għaddejt minn ERPC (Evakwazzjoni ta’ Prodotti Miżmuma ta’ Konċepiment) taħt anestesija ġenerali.
Ir-raġel kien miegħi waqt il-proċess kollu sakemm ġejt mogħtija l-anestesija. Kont mibgħuta d-dar, Malta ftit siegħat wara l-ERPC. Nirringrazzja l’Alla li minħabba li insistejt, esperjenzajt dan f’biss ftit ġranet u mhux ġimgħat bħal ma esperjenzaw sħabi.
Aktar il-quddiem, fil-31 t’Awwissu 2019 biex inkunu eżatti, kont ix-xogħol u ftit minn sħabi nisa ddeċidew li jmorru pixxina wara x-xogħol. U jien iddeċidejt li mmur magħhom, imma irrealizzajt li dak inhar kellu jiġini l-‘period’. Wasal tard wara nofsinhar u kien għadu ma ġinix, u lanqas sintomi tiegħu ma kelli, b’hekk iddeċidejt li mmur sal-ispiżerija qabel ma mmur id-dar biex inbiddel, nieħu test, u meta jiġini negattiv jiġini l-‘period’.
X’sorpriża, it-test kien pożittiv!!! Ovjament dakinhar spiċċajt ma mortx il-pixxina. Bdejt nibki mingħajr kontroll u nitriegħed. Kont veru eċitata, tant li qajjimt ir-raġel mir-raqda ta’ wara nofsinhar. Hu kien qisu fis-seba’ sema. Kont eċitata ħafna imma fl-istess ħin imbeżża’.
Bgħattna messaġġ lill-ġinekoloġista, li minn naħa tiegħu irnexxielu jikkalmani u ftehmna biex jarani fi żmien ftit ġimgħat. Meta għaddejna l-marka tat-tmien ġimgħa, għidna lill-familji tagħna. It-tqala kienet waħda tajba, iżda mhux nieqsa minn dardir u tqalligħ. Filfatt kienet ħaġa komuni li nitlaq minn xi laqgħat tax-xogħol biex intella’, u jien u sejra d-dar jew sejra x-xogħol kemm il-darba kien ikolli nieqaf mall-ġenb biex intella’! Ħadt il-medikazzjoni kontra t-tqalligħ, imma donnu xejn ma ħadem.
Kont anzjuża matul it-tqala kollha, u qabel kull appuntament kont nibża’ li jgħiduli li hemm xi kumplikazzjoni. L-appuntamenti tiegħi kienu dejjem ġimagħtejn il-bogħod minn xulxin, xi kultant aktar frekwenti, imma qatt ma domna aktar minn 15-il ġurnata.
Imbagħad il-Covid-19 waslet Malta…kelli 32 ġimgħat tqala, kont ikkunsidrata vulnerabbli u b’hekk ġejt iżolata, u l-anzjetà tiegħi laħqet is-saqaf, speċjalment meta tħabbar li l-‘partners’ u l-irġiel ma kinux se jingħataw permess biex jidħlu magħna qabel l-aħħar stadju tal-ħlas!
Kien is-Sibt wara nofsinhar meta wara ġurnata nesperjenza kontrazzjonijiet, infaqagħli l-ilma. Il-ġinekoloġista qalli biex nibqa’ d-dar fuq il-ballun tal-eżerċizzju biex inġib il-kontrazzjonijiet aktar b’saħħithom sakemm kont niflaħ. Għal ħabta tas-7.30pm il-kontrazzjonijiet bdew jiġu aktar qawwija u l-ġinekoloġista tiegħi qalli biex nerħilha lejn l-isptar. Ċempilna lis-CDS u qalulna li stajna nidħlu. Meta wasalna hemm, jien kelli mmur nimla xi formoli fl-emerġenza l-antika, għalhekk morna bil-karozza. Meta wasalna hemm, l-infermiera qaltilna li l-proċedura kienet għada kif inbidlet imma infurmatna li kienet se timla l-formoli hi stess peress li aħna konna diġa hemm u ħadd ma kien għadu jaf bil-proċeduri l-ġodda.
Morna lura ic-CDS, u daħħlu lili waħdi. Dak il-ħin kont għadni ‘dilated’ biss 1. Qaluli li se jerġgħu jiċċekkjawni fis-1 ta’ filgħodu, u x’ħin ġew jiċċekjawni kont ‘dilated’ 2, b’hekk bdewli d-dripp. Il-kontrazzjonijiet bdew jiġu aktar frekwenti wara dan, u mal-5 ta’ wara nofsinhar, l-uġiegħ kien żied drastikament u kont ‘dilated’ 4. Il-qabla rrakkomandatli ‘epidural’, u jien aċċettajt. Dan sar f’bejn wieħed u ieħor 30 minuta.. Sfortunatament ma ħadimx fuqi u mat-8.30am stajt inħoss il-kontrazzjonijiet kollha mill-ġdid, b’hekk l-anestetista reġgħet ġiet imsejħa biex tamministra epidural ieħor. Sa dan il-ħin kont ‘dilated’ 6. U bqajt hekk sa wara nofsinhar.
F’dan il-punt qaluli li kienet ġejja tiċċekkjani qabla oħra għax il-qabla li kelli qabel kienet inkwetata fuq id-demm li ratli waqt li kienet iċċekkjatni.
Erġajt ġejt iċċekkjata mill-ġdid mis-superjur tagħha u mbagħad mit-tabib, li minn naħa tiegħu qal li kelli dak li probabbilment seta’ jkun ‘placenta rupture’, u bdew jaħsbu wkoll li t-tarbija tiegħi kienet f’ pożizzjoni trasversali. Issa kienu waslu s-1.15 ta’ wara nofsinhar.
It-tabib qalli li se jerġa jiċċekkjani bejn 30 minuta u 45 minuta oħra, imbagħad jiddeċiedu x’ kien l-aħjar li jagħmlu. Ħames minuti wara, it-taħbita tal-qalb tat-tarbija (li kienet tajba bil-lejl u anke filgħodu) bdiet tonqos drastikament, u b’hekk qaluli li kien se jkollhom jippreparawni għal ċesarja immedjatament. Ċempilt lir-raġel, li bil-grazzja t’Alla kien ilu jistenna fil-parkeġġ tal-isptar mid-9 ta’ filgħodu, u f’5 minuti kien qiegħed ħdejja. Kieku kien qed jistenna d-dar, żgur ma kienx ilaħħaq jiġi jassistini waqt it-twelid.
Daħħluni għaċ-ċesarja, u t-tifel ċkejken tagħna twieled fis-1.58pm. Il-plaċenta tiegħi fil-fatt kienet imċarrta u l-kurdun kien dar madwar għonq it-tarbija tagħna.
Ir-raġel kellu l-permess jidħol ħdejja għal għaxar minuti biss, minn xħin saret l-inċiżjoni sakemm twieldet it-tarbija. Huwa ra lit-tarbija u mbagħad ġie mitlub jitlaq u jirritorna biss lejn l-isptar meta kien ikun wasal iż-żmien li nitilqu.
Ġejt ‘swabbed’ għall-covid-19 fis-CDS f’madwar nofsinhar tal-Ħadd, u r-riżultati kienu għadhom ma ħarġux meta ħriġt miċ-ċesarja b’hekk ġejt trattata bħala każ possibilment pożittiv u ġejt trasferita lejn is-sezzjoni Covid-19 mat-tarbija tiegħi. Wara madwar siegħa, ir-riżultat ħareġ u t-tarbija tiegħi u jien ġejna trasferiti lejn is-sezzjoni normali.
Kont inkwetata ħafna dwar kif se nkampa b’tarbija tat-twelid waħdi filwaqt li kont ‘bed bound’ għal ftit ħin, u kont għajjiena wara 22 siegħa ta’ twelid, imma l-qwiebel u l-infermiera għenuni ħafna u filfatt ħadu ħsieb it-tarbija fl-ewwel lejl biex stajt norqod u nistrieħ ftit.
Ġejt irilaxxata f’inqas minn 48 siegħa wara ċ-ċesarja. Ibni u jien wasalna d-dar biex nibdew ħajjitna bħala familja ta’ 3. Żewġi kien ferħat li finalment konna d-dar. Huwa ma kienx reġa ra lil ibnu mit-twelid l-hawn peress li ma kienx tħalla jibqa’ magħna.
Kienet esperjenza ta’ emozzjonijiet drastiċi minn Marzu 2019 il-quddiem, u qatt ma mmaġinajt li kien se jkolli tarbija f’nofs pandemija globali, imma hekk kellu jkun għalija. Issa, it-tifel tagħna għandu xahrejn, u kull darba li nħares lejh nirrealizza kemm kelli nkun b’saħħti għal dan kollu. Iżda kien sewa tajjeb dan il-vjaġġ għax issa finalment stajt inħaddan miegħi l-ibni.