Korriment huwa t-telfa ta’ tqala fl-ewwel 22 ġimgħa, fejn it-tarbija tkun għadha tiżen inqas minn 500g. Hemm tipi differenti ta korrimenti, bħall m’hawn imniżżel hawn taħt:
- Korriment spontanju/komplut: meta l-ġuf jitbattal kompletament waħdu.
- Korriment sieket: meta t-tarbija tmut imma tibqa’ fil-ġuf.
- Korriment mhux komplut: meta jkun hemm fdalijiet ta’ ċelloli tat-tqala fil-ġuf
- ‘Blighted Ovum’: meta t-tqala ma tiżviluppax sew
Għalkemm xi kultant il-kawża ta’ korriment ma tkunx magħrufa, ġeneralment tiġri meta t-tqala ma tkunx iffurmat kif suppost, ħafna drabi minħabba kwistjoni kromosomali. Isiru testijiet fuq iċ-ċelloli li tgħaddi waqt korriment, u f’ħafna każijiet ma jkun hemm l-ebda problema identifikata, u l-koppja jirnexxilha tinqabad tqila u tgħaddi minn tqala kompluta wara sena.
“Is-sentiment ta’ ħtija u ħsibijiet ta’ xi stajt għamilt biex korrejt, jew xi stajt nagħmel biex nevita l-korriment, qatt ma telquni.”
Sinjali u sintomi ta’ korriment:
- Dmija vaġinali – Minn tikek ċari jew tnixxija kannella għal dmija qawwija u demm aħmar jgħajjat, jew emboli tad-demm (naqra dmija vaġinali hija ħaġa komuni fl-ewwel tliet xhur tat-tqala u ma jfissirx neċessarjment li tkun qed tesperjenza korriment jekk tesperjenzahom)
- Uġigħ qawwi fin-naħa ta’ taħt taż-żaqq
- Tnixxija ta’ fluwidu mill-vaġina
- Tnixxija ta’ ċelloli mill-vaġina
- Tnaqqis ta’ sintomi tat-tqala bħal meta ma tibqax tħossok ma tiflaħx u ma jibqax ikollok sidrek sensittiv
“Ta’ 13-il ġimgħa fit-tqala bdejt nitlef ħafna demm. Ħassni mkissra. Kont tqila darbtejn qabel u ż-żewġ tqaliet kienu ta’ suċċess, b’hekk dan kien xokk għalija. L-‘ultrasound’ uriena tarbija b’saħħitha, imma d-dmija baqgħu ġejjin. Sfortunatament, fit-tieni ‘ultrasound’, li kien ftit ġranet wara, ma sibniex taħbita tal-qalb tat-tarbija. Qaluli biex immur jumejn wara għal raxkament. Xejn ma qaluli aktar. Imma ġurnata qabel ma kelli l-appuntament, tlift it-tarbija meta kont fil-kamra tal-banju. Ġbart lit-tarbija tiegħi minn ġot-tojlit u bkejt b’qalbi kollha. Ir-raġel tiegħi u jien it-tnejn konna xxukkjati u ma konniex nafu x’se nagħmlu”.
Tqala Ektopika
Xi kultant korriment iseħħ minħabba tqala ektopika. Fi tqala ektopika, il-fetu jiġi impjantat barra mill-utru, ġeneralment fit-tubi fallopjani. Din it-tqala hija serja u tista’ tikkawża emoroġija nterna. Sintomi ta’ tqala ektopika ġeneralment jinħassu bejn il-5 ġimgħa u l-14-il ġimgħa, u dawn jinkludu:
- Uġigħ qawwi fuq naħa waħda ta’ l-istonku
- Dmija jew tikek vaġinali, ġeneralment jiġru wara li jibda l-uġigħ
- Uġigħ fit-tarf ta’ spalltek
- Dijarea u tqalliħ
- Tħossok ma tiflaħx (jew fil-fatt jaqbdek ħass ħażin) u storduta
“Darba waħda wara nofsinhar ħadna lill-ħabiba tagħna l-isptar għax kellha uġigħ qawwi. Aħna susspettajna li l-‘appendix’, imma meta fetħuha rrealizzaw li kellha tqala ektopika. Għal grazzja t’Alla wasalna hemmhekk eżatt fil-ħin, u filfatt dan kien li salvalha ħajjitha! Ma kontx naf li tqala ektopika tista tkun sitwazzjoni ta’ ħajja u mewt!”
Għażliet ta’ trattamenti wara korriment
Xi kultant wara eżaminazzjoni u diskussjoni mat-tabib, tista tingħata l-parir li ma tagħmel xejn u tħalli l-korriment isir waħdu, li jista jieħu tul ta’ ħin. Tista wkoll tingħata l-parir li tibda l-korriment minn trattament medikali. Din issir billi tiddaħħal pillola ormonali fil-vaġina. Wara siegħa mimduda bil-pillola ġo fik, tista tibda tesperjenza uġiegħ simili ta’ dak tal-menstrwazzjoni, dmija vaġinali u deni baxx. Tista’ tistaqsi għall-mediċina għall-uġiegħ jekk tħoss il-bżonn.
Għażla oħra tista’ tkun intervent kirurġiku msejjħa ‘Evacuation of Retained Products of Conception (ERPC)’, li hija operazzjoni żgħira mwettqa taħt anastesija ġenerali biex jitneħħew iċ-ċelloli żejda mill-utru. Wara ftit ħin taħt osservazzjoni titħalla tmur id-dar (ġeneralment fl-istess ġurnata jew il-ġurnata ta’ wara).
“Jien esperjenzajt 4 korrimenti. L-ewwel tnejn lanqas kont konxja li kont qed nesperjenza korriment sakemm wasalt l-isptar għax kont qisni qed nesperjenza l-menstrwazzjoni iżda fil-fatt ma kienx hekk. L-aħħar żewġ korrimenti kienu aktar trawmatiċi speċjalment peress li għamilt dak kollu li nista biex nevita problemi jew kumplikazzjonijiet, imma sfortunatament ma rnexxilix. Is-sapport tal-familja tiegħi u s-sapport li tagħni s-sieħeb tiegħi għenuni ħafna fil-proċess tal-fejqan.”
Dmija wara korriment
Waqt korriment naturali jew korriment fejn jiġi użat trattament mediku, tista’ tesperjenza dmija qawwija u uġiegħ qawwi addominali. Hawnhekk tiġi mogħtija l-parir li tuża xugamani sanitarji minflok tampuni. Id-dmija eventwalment tbatti imma tista’ tieħu madwar 6 ġimgħat biex tgħaddi kompletament.
Wara intervent kirurġiku, tista’ tesperjenza dmija u jista jseħħ f’bażi ‘on and off’ għal 6 ġimgħat.
Importanti li tikkuntattja lit-tabib jekk tkun qed tesperjenza korriment u jibqa’ jkollok ħafna dmija jew tesperjenza tnixxija spjaċevoli jew temperaturi għoljin u uġiegħ addominali (mhux uġiegħ in-naħa ta’ taħt taż-żaqq biss)
Il-menstrwazzjoni għandha tirritorna wara 6 ġimgħat.
Tislima lit-tarbija
Kull fetu identifikat (ġeneralment itwal minn 20mm) jista’ jiġi nkluż mad-dfin komunali organizzat mill-‘Obstetrics & Gynaecology Department ‘ b’kollaborazzjoni ma ‘SANDS (Stillbirths And Neonatal Death Society)’ b’xejn. Din issir fil-kappella taċ-Ċimiterju tal-Addolorata fl-aħħar ta’ Novembru.
Jekk it-tarbija tkun ikkunsidrata żgħira wisq biex tifforma parti mid-difna komunali (minħabba li jkun intilef kmieni ħafna fit-tqala), xorta tista tattendi.
Tista’ tagħżel li torganizza difna privata għat-tarbija tiegħek. F’dan il-każ ikkuntattja lil-‘Practice Midwife (Bereavement & Support)‘ kemm jista’ jkun kmieni biex jiġu diskussi l-arranġamenti neċessarji.
Emozzjonijiet esperjenzati wara korriment
“Għaddejt minn korriment fl-2016, u kienet esperjenza veru iebsa għalija. Kont nibki waħdi meta kont nara n-nies għaddejjin bil-‘pushchairs’ u l-‘prams’. Għadni nibki sal-lum u għadni nsemmi l-anġlu ż-żgħir tiegħi li għandi fil ġenna jħarisni sal-lum il-ġurnata. Kienet veru esperjenza iebsa, minkejja li kelli biss 6 ġimgħat tqala kont diġa’ qed nimmġinani nżommu f’idejja.”
Korriment jista’ jħalli effett ħażin fuq il-persuna. L-impatt emozzjonali ta’ korriment jista’ jiġi esperjenzat immedjatament, jew saħansitra wara ħafna ġimgħat. Fil-perjodu ta’ wara t-telfa tat-tarbija, l-emozzjonijjiet u s-sintomi fiżiċi, bħall-nuqqas t’aptit, li tħossok għajjiena, ħatja, xxukjata, mdejqa u anke bin-nervi, huma komuni ħafna.
Jekk qed tesperjenza wħud minn dawn is=sintomi tista’ tagħmel użu minn konsultazzjoni personali u sapport offrut mill-‘Practice Midwife (Bereavement & Support)’.
“Għaddejt minn korriment kemm il-darba fi ftit snin. Veru kont waqajt ħażin u ħsibt li mhux se nerġa nsib lili nnifsi. Kelli ħafna sapport mill-familja u l-ħbieb, imma emmint li kelli bżonn aktar minn hekk. Għamilt 5 snin nattendi konsultazzjonijiet privati. Dan kien li salvali ħajti! Tgħallimt naprezza l-ħajja, l-familja, l-ħbieb u l-aqwa ħaġa s-saħħa. Eventwalment spiċċajt tqila b’mod mhux mistenni u bdejt nibża’ ħafna. Wara ftit kellna l-grazza li nwelled tifel! Li titkellem fuq is-sitwazzjoni jgħinek ittaffi l-uġiegħ, imma xi kultant hemm bżonn sapport professjonali.”
Is-sess wara l-korriment
Evita s-sess sakemm is-sintomi tal-korriment ikunu telqu kompletament. Ġeneralment, mara tibda tesperjenza il-menstrwazzjoni wara 4 sa 8 ġimgħat, għalkemm hija komuni li ċ-ċiklu jkun irregolari għall-ewwel ftit xhur. Jekk ma tkunx trid terġa tinqabad, uża kontraċezzjoni millewwel. Jekk tkun trid tinqabad tqila, iddiskuti l-għażliet mal-GP tiegħek, ġinekoloġista jew persuna fil-qasam tas-saħħa.
Valutazzjoni tar-riskju għal korrimenti
Riskji ta’ Korriment fl-Ewwel Trimestru:
- L-Eta – nisa minn 35 sena l-fuq huma aktar f’ riskju għal korriment
- L-Obeżita’
- It-tipjip, l-alkoħol u l-użu tad-drogi
- Konsum eċċessiv ta’ kafeina
Riskji ta’ Korriment fit-Tieni Trimestru:
- Dijabete mhux ikkontrollata
- Pressjoni għolja
- ‘Lupus’
- Mard tal-kliewi
- ‘Hyperthyroidism’ u ‘hypothyroidism’
- ‘Antiphospholipid Syndrome’ (APS)
- Infezzjonijiet bħal Rubella, HIV, ċerti infezzjonijiet trażmessi sesswalment, u malarja
- Avvelenament bl-ikel eż. ‘Listeriosis’, ‘toxoplasmosis’ u ‘salmonella’
- Medikazzjoni mhux sikura (kontraindikata fit-tqala)
- Fibromi (tqala sħiħa u b’ suċċess hija possibbli anke f’ każ fejn ikun hemm il-fibromi)
- Ċerviċi dgħajjef minħabba dgħjufija fil-muskoli jew ħsara preċedenti (possibbilment kirurġika)
- ‘Polycystic Ovary Syndrome’ PCOS
Informazzjoni utli
- ‘Practice Midwife (Bereavement & Support)’ fl-isptar Mater Dei 25454442
- Grupp fuq Facebook imsejjaħ ‘Miscarriages Malta’: Grupp maħluq minn Martina Maria Hili li joffri sapport lil dawk li jesperjenzaw korriment; sapport għal dawk li qed jipprovaw jinqabdu tqal wara korriment jew bħalissa tqal wara korriment u sapport għall-irġiel tagħhom, sieħba, u ħbieb ta’ dawk li għaddew minn korriment, biex tkun infurmata, edukata u ssib konsolazzjoni.
Referenzi:
NHS (2018). Miscarriage. https://www.nhs.uk/conditions/miscarriage/ accessed on 2nd August 2020
Claire Galea hija omm ta’ tlieta li bħalissa qed issegwi Degree fin-Nursing fil-Faculty of Health Sciences, fl-Universita’ ta’ Malta, bħala studenta matura. Hija ħerqana ħafna dwar l-edukazzjoni pubblika rigward suġġetti relatati mas-saħħa kif ukoll fuq il-kura ħolistika tal-pazjent.
Hi tħobb ukoll toħloq għarfien dwar l-impatt negattiv li tħalli l-vjolenza domestika fuq is-saħħa mentali, emozzjonali, soċjali u fiżika tal-vittmi.
Għal aktar informazzjoni dwar Claire kif ukoll għal lista ta’ artikli miktuba minnha agħfas hawn