Il-frażi ‘COVID-19’ hija frażi li jibża’ minnha kulħadd. Nixtieq naqsam magħkom l-esperjenza tiegħi sabiex ma tħossukomx mitlufa daqsi jekk tesperjenzaw l-istess ħaġa li esperjenzajt jien.
Ftit ġimgħat ilu, ir-raġel tiegħi ma kienx qed iħossu sew, kull ma kellu kien uġiegħ fi griżmejh u uġiegħ madwar ġismu, imma deni ma kellux. Ħsibna li l-aħjar għażla kienet li jagħmel it-test qabel ma mmorru għand it-tabib tal-familja tagħna. It-test ġieħ ‘covid positive’.
Ix-xokk u l-biża’ li ħassejt kien ikbar minn dak kollu li kont ħassejt qabel. X’kienu se jaħsbu l-kollegi tax-xogħol tiegħi? X’se jaħsbu n-nies li kellna kuntatt magħhom? Kif se nżomm il-familja b’saħħitha meta għandna tarbija tat-twelid u persuna ażmatika jgħixu taħt l-istess saqaf?
l-informazzjoni li sibt fuq Google ma tantx kienet t’għajnuna. Ċempilt il-111 u anke il-‘helpline’ tan-nies li ġew pożittivi. Saqsejthom kull tip ta’ mistoqsija. Onestament, nista’ ngħid li huma kienu ta’ għajnuna kbira. Avżawni biex inżomm il-persuna infettata iżolata kemm jista jkun.
Ir-raġel iżola lilu nnifsu fil-kamra tat-tfal, li kienet l-aktar kamra l-bogħod imma l-aktar kamra viċin l-i’spare toilet’.
Provdejtlu xugamani, qliezet ta’ taħt kif ukoll prodotti tat-tindif li jista’ juża biex jiddisinfetta ż-żewġt ikmamar hu stess. Dawn kellhom iservuħ għal ġimgħatejn. Xtrajt affarijiet li jintremew wara l-użu biex wara li jiekol jarmi kollox. Kien proċess ta’ ġimgħatejn. Meta kien jaqbdu l-ġuħ, kien jibgħatli, filwaqt li jien kont inċempillu biex jilbes il-maskla u jien nilbes tiegħi. Kont inħallilu l-ikel wara l-bieb, u hekk kif nitlaq, kien jiftaħ il-bieb u jieħu l-ikel. Qatt ma ħadt l-affarijiet lura, minflok kien ipoġġi kollox f’borża taż-żibel fil-bitħa li kienet twassal għal kamra tiegħu.
Finalment wara ġimgħatejn, is-sitta li aħna rriżultajna negattivi għall-COVID-19.
Ma kienx l-aħjar xenarju, u kienet veru diffiċli biex nordna l-ikel u l-affarijiet tat-tindif kollox onlajn u li ngħid lil kull persuna li twasslilna l-affarijiet biex tħalli l-affarijiet wara l-bieb għaliex konna fi kwarantina. Imma jien ridt naqsam l-istorja tiegħi magħkom biex ngħid lil kulħadd li hija xi ħaġa li tista’ tiġi kkontrollata b’dan il-mod.
Jekk persuna waħda tiġi pożittiva, ma jfissirx li kull persuna li tgħix taħt dak is-saqaf se tiġi nfettata wkoll. L-aktar ħaġa mportanti hija li meta xi ħadd ma jkunx iħossu sew fid-dar tiegħek – iżola l-persuna sakemm tkun ċerta li mhux ‘Covid-19’. Tista’ ssib ħafna għajnuna mill-‘helpline’ 111. Uża l-għajnuna disponibbli u imxi wara l-pariri tagħhom. La jien irnexxieli, anke int jirnexxilek ukoll.