Li jien ‘pro-choice’ hija xi ħaġa verament għal qalbi, speċjalment bħala mara. Iżda xorta nsibha bi tqila biex nikteb fuq dan is-suġġett għax it-tip ta’ konverżazzjoni għadha mrażżna ħafna f’ pajjiżna u b’hekk nibża’ naqbadha fuq hekk. Din hija problema kbira għax l-unika mod li bih nistgħu nitgħallmu huwa billi nitkellmu b’mod liberu.
Mingħajr ebda dubju, il-konverżazzjonijiet u l-opinjonijiet differenti m’għandhomx jieħdu kontroll assolut fuq id-drittijiet riproduttivi tal-mara; l-idea bażika li persuna jkollha kontroll fuq l-awtonomija tagħha għandha dejjem tirbaħ.
Ġeneralment, l-argument komuni ta’ dan jisuġġerixxxi li l-fetu huwa persuna għalih (dan huwa argument ieħor fih innifsu u qed nikteb dan mill-perspettiva li l-fetu huwa potenzjalment persuna u mhux persuna li għandha potenzjal) u għandu jkollu d-drittijiet għalih innifsu b’ mod separat minn dawk tal-omm, iżda waqt it-tqala, dan il-fetu jagħmel parti mill-ġisem fiżiku tal-mara u l-aħħar li ċċekkjajt, din ma kinitx għażla tagħna n-nisa.
Nifhem li hemm ħafna koppji li jgħaddu min bosta problemi biex iġibu t-trabi fid-dinja, imma dan ma jfissirx li n-nisa kollha għandhom l-istess xewqat, għax din l-idea hija żbaljata. Kulħadd uman, u kulħadd huwa differenti. Li nisfurzaw mara biex jkollha tarbija li ġiet bi żball għax mara jew koppja tkun trid skont l-ideat soċjali jew reliġjużi tagħha, m’hijiex ħaġa ġusta.
Madankollu, l-idea li tkun ‘pro-choice’ hija sempliċiment li inti tissapportja l-kunċett li n-nisa kollha għandhom ikollhom awtorita’ kompluta fuq ġisimhom; ma jfissirx li int personalment għandek tagħmel abort; ifisser biss li inti tirrispetta d-dritt tal-għażla.
Fuq nota differenti, il-ġudizzju rigward l-abort huwa kwistjoni detrimentali fih innifsu, speċjalment meta jiġi minn xi ħadd li qatt ma jista’ jimmaġina li jkun f’sitwazzjoni li jesperjenza biss ftit mill-istress li koppja jew mara taffaċċja meta tikkunsidra l-abort. Dan ifisser li jew int raġel jew persuna li m’għandiex għalfejn tinkwieta li tinqabad tqila u ma tkunx tista’ tiflaħ tissaportja lilek nnifsek, aħseb u ara tarbija. B’hekk la s-soċjeta’, la r-reliġjon u lanqas il-gvern m’għandu jiddetta l-azzjonijiet fuq il-ġisem tal-mara li jaffettwaw b’mod inkreddibli l-futur tagħha għaliex huma qatt mhu se jgħaddu minn din it-tip ta’ sitwazzjoni.
Ngħid dan bħala persuna li għandha simpatija tremenda lejn dawk li qed jgħaddu mill-proċess tal-abort. M’hijiex ċirkustanza li xi ħadd irid jgħaddi minnha għax iġġib magħha trawma mentali u fiżika tremenda li ħadd ma jixtieq jesperjenza. Konsegwentement, wieħed għandu jafda lil dawk li jagħżlu jagħmlu abort, li żgur ħasbuha sew u kkunsidraw l-għażliet kollha. M’HIJIEX sitwazzjoni ħafifa.
Aspett ieħor ta’ dan l-argument, li huwa wkoll xi ħaġa li nemmen ħafna fiha, hija li la l-abort huwa legali f’pajjiżi barranin, nies li qiegħdin sew finanzjarjament, jistgħu faċilment isiefru u jagħmluh.
Li żżomm l-abort illegali f’Malta jkisser kompletament iċ-ċans lill-dawk li ma jaffordjawx isiefru għal din il-proċedura biex jagħmlu abort sikur u rregolat, u b’hekk din ir-regola tiddiskrimina lil dawk li m’humiex fortunati finanzjarjament.
Fl-aħħar mill-aħħar, li ma naċċettawx l-abort ma jfissirx li jitneħħa wkoll l-ammont kbir ta’ tqaliet li ma kienux mixtieqa. Din il-problema għandha tiġi solvuta mill-oriġini tagħha u b’hekk nemmen li din tista’ ssir permezz ta’ edukazzjoni sesswali aħjar u metodi ta’ kontraċettivi b’ xejn. It-tfal kollha għandhom jiġu mgħallma kif jiproteġu lilhom infushom sesswalment, meta jilħqu l-puberta’, u kull forma ta’ kontroll ta’ twelid sikur għandu jkun mitkellem u jitħalla jkun vijabli għal kull persuna.
Dan is-suġġett huwa wieħed li nista nargumenta fuqu għal żmien twil, imma jien se naqbeż dan kollu u ngħidlek li billi tneħħi l-għażla ta l-abort tkun qed tneħħi wkoll id-dritt fundamentali tal-mara fuq ġisimha stess, u jekk għandna nkunu onesti, il-ġisem huwa l-unika ħaġa li huwa dejjem tagħna.
Dwar l-Awtriċi
A.S.T. hija tfajla ta’ 19-il sena li qed tistudja u hija interessata ħafna fuq id-drittijiet umanitarji. Hija kontra kull forma ta’ diskriminazzjoni u b’hekk hija se tipprova tagħmel dak kollu li tista’ biex issemma l-opinjonijiet tagħha u tħalli mpatt permezz tal-kitbiet tagħha.