Share the love

L-Osteoporożi hija kundizzjoni li tiżviluppa f’medda ta’ snin. Hija ddgħajjef l-għadam, tagħmilhom aktar fraġli u aktar probabbli li jinkisru. Ħafna drabi d-dijanjosi tiġi wara xi waqgħa jew impatt f’daqqa li tikkawża ksur, b’kumbinazzjoni.

Osteopenia’ (telf tal-għadam) tkun seħħet għal snin qabel ma sseħħ l-osteoporożi. Għalhekk huwa mportanti li tagħmel “bone density” (dejjem jiddependi l-eta’ u r-riskji) biex jiġi ċċekkjat kemm huma b’saħħithom l-għadam. Jekk għandek l-‘osteopenia’, hemm passi li jistgħu jittieħdu biex inaqqsu r-riskju li tiżviluppa l-osteoporożi u biex iżżomm l-għadam tiegħek b’saħħtu.

In-nisa għandhom aktar riskju li jiżviluppaw l-osteoporożi mill-irġiel, partikolarment jekk għaddew mill-menopawsa kmieni (qabel l-45 sena) jew jekk ikunu diġa’ neħħew l-ovarji tagħhom.

In-nisa jitilfu l-għadam tagħhom b’ rittmu mgħaġġel fl-ewwel snin ta’ wara l-menopawsa. Fattur ta’ riskju ieħor tat-telf tal-għadam huwa l-eta’ u anke jekk ikun hemm xi passat tal-familja li jinkludi l-osteoporożi.

Fatturi ta’ riskju oħra għall-osteoporożi jinkludu:

  • It-teħid ta’ sterojdi b’doża għolja għal aktar minn 3 xhur
  • Kundizzjonijiet infjammatorji relatati mal-ormoni
  • Storja fil-familja ta’ osteoporożi (b’mod partikolari jekk xi ġenitur kellu xi ksur fil-ġenbejn)
  • Użu fit-tul ta’ ċerti mediċini li jaffettwaw il-livelli tal-ormoni bħall-pilloli kontra l-estroġenu
  • Li jkollok disturb ta’ l-ikel (bħal l-anoreksja jew ‘bulimia nervosa’)
  • Li jkollok BMI (‘body mass index’) baxx
  • Li ma tagħmilx eżerċizzju regolarment
  • Xorb bl-addoċċ
  • It-tijpip

In-nisa b’ mod ġenerali għandhom jieħdu ħsieb is-saħħa tal-għadam tagħhom bl-għan li jipprevjenu l-osteoporożi.

Eżerċizzju regolari huwa essenzjali għall-adulti. Huwa rakkomandat li tagħmel total ta’ sagħtejn u nofs ta’ attività aerobika ta’ intensità moderata bħaċ-ċikliżmu jew il-mixi rapidu kull ġimgħa. Dan jammonta għal-30 minuta ta’ eżerċizzju għal 5 darbiet fil-ġimgħa. Attivitajiet li jsaħħu l-muskoli, bħall ‘workouts’ tas-saqajn/sider/spallejn u l-idejn huma rrakkomandati wkoll. Huwa veru mportanti li tnaqqas il-ħin bilqiegħda jew mimduda u tipprova taqsam perjodi twal mingħajr moviment b’xi attivita’ fiżika.

Bidliet fir-rutina tal-ħajja bħal li tieqaf tpejjep u tnaqqas l-ammont ta alkoħol li tikkonsma jkollhom impatt pożittiv fuq is-saħħa tal-għadam.

Minbarra l-eżerċizzju, dieta mimlija bil-Vitamina D u l-kalċju hija vitali għal għadam b’saħħtu. Ikel mimli bil-kalċju li huwa idealment inkluż f’dieta sana u bbilanċjata jinkludu ħxejjex ħodor bil-weraq bħall-fażola ħadra, il-brokkoli, l-ispinaċi; frott  imnixxef; prodotti tal-jogurt u tal-ħalib kif ukoll ħut żgħir bħas-sardin (jittiekel bl-għadam żgħir). ‘Pulses’, ‘sesame seeds’, u xi ġewż bħal lewż huma sorsi tajba tal-kalċju fid-dieta.

Sorsi tal-vitamina D jinkludu ħut żejtni bħas-salamun,  sardin, aringi u kavalli, laħam aħmar, fwied, isfar tal-bajd u ikel imsaħħaħ (ikel li kellu l-vitamina D miżjuda). Nistgħu nieħdu l-vitamina D minn ammonti kkontrollati tax-xemx. Għaxar minuti taħt xemx diretta kuljum hija biżżejjed, iżda f’Malta, l-indiċi UV normalment ikunu għoljin ħafna fix-xhur tas-sajf u b’hekk għandha tiġi użata l-krema tal-protezzjoni kontra r-raġġi tax-xemx b’SPF għoli. Is-supplimenti tal-kalċju u l-vitamina D jistgħu jittieħdu jekk jiġu rrakkomandati mit-tabib, speċjalment jekk ir-riżultati tat-testijiet tad-demm juru li għandek defiċenza tal-kalċju jew tal-vitamina D.

Dieta Mediterranja tgħin biex tnaqqas ir-riskju tal-osteoporożi. Huwa mportanti li fid-dieta tinkludu ħafna frott u ħaxix, legumi u ‘pulses’, ‘wholegrains’ u ‘lean protein’, inkluż laħam dejf, tjur, ħut, bajd, ħalib, ‘lentils’, fażola, ġewż u żrieragħ. Dawn jistgħu jgħinu fil-protezzjoni tal-għadam u anke jnaqqsu t-telf tal-għadam.

Għal dawk li ma jikkonsmawx prodotti magħmula mill-ħalib, jistgħu jinkludu salamun jew sardin bl-għadam ġol-bott u xorb magħmul mis-soja.

Jekk għandek xi mistoqsijiet fuq l-ostjoporożi u d-dieta, jew tkun trid tkun taf aktar fuq id-densita’ tal-għadam tiegħek, ikkuntattja lit-tabib tiegħek jew ‘dietitian’ direttament.


Share the love

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *