Share the love

F’dawn l-aħħar snin rajna żieda f’interess fuq is-saħħa mentali u fiżika ta’ l-irġiel, speċjalment fix-xahar ta’ Novembru. Fl-fatt, fil-bidu ta’ dan ix-xahar, li jġorr ukoll it-terminu ‘Movember‘, numru t’irġiel jibdewh mingħajr leħja, u matul ix-xahar ikabbru l-mustaċċi. Dan il-ġest isir bil-ħsieb li jqajjem kuxjenza dwar is-saħħa tar-raġel, b’mod aktar speċifiku, l-kanċer tal-prostata u tat-testikoli, dipressjoni, ansjeta’ u suwiċidju. Din il-kampanja tfittex li tħeġġeġ lill-irġiel biex jgħixu ħajja b’saħħa aħjar.

Il-moviment Movember jagħraf il-bidu tiegħu lis-sena 2003 fl-Awstralia. Madankollu llum huwa meqjuż bħala avveniment globali. Movember ma jiffokax biss fuq is-saħħa fiżika tar-raġel, iżda wkoll dik mentali.

L-idea ta’ tkabbir ta’ mustaċċi hija biss mezz li għandu l-kapaċita’ jqajjem diskussjoni dwar l-istigma relatata mas-saħħa mentali u fiżika fl-irġiel, li xi kultant taffettwa l-irġiel t’eta’ pjuttost żgħira.

Eżempju, skond l-‘American Foundation for Suicide Prevention’, l-irġiel tilfu ħajjithom b’suwiċidju b’rata ta’ 3.54% akbar minn nisa fl-2017. Fi studju ieħor f’Malta fl-istess sena, ir-riżultat kien aktar allarmanti, b’persentaġġ ta’ 80% ta’ rġiel li mietu b’suwiċidju, mit-total ta’ suwiċidji li ġraw.

Meta nagħtu ħarsa lejn is-saħħa fiżika ta’ l-irġiel nifhmu wkoll kemm hija essenzjali. Per eżempju, il-kanċer huwa sfida komuni fil-ħajja tal-llum, u sfortunatament il-biża’ xi kultant twaqqafna milli mmorru għand tabib għal- ‘check-up’. Għandna ninnormalizzaw testijiet mediċi regolari għax meta kanċer jiġi skopert kmieni, ir-rata ta’ possibilta’ ta’ fejqan ikun ħafn’aħjar. Sfortunatament minn mindu rajna l-bidu tal-pandemija tal-COVID, rajna wkoll nuqqas fl-ammont t’individwi jfittxu għajnuna medika minħabba li jħossuhom beżagħna jmorru għand it-tabib jew l-Isptar Mater Dei għal-‘check ups’. Jekk inti jew xi ħadd minn ta’ madwarek għandu xi sintomi inkwetanti, importanti ħafna li dawn jiġu ċċekkjati malajr kemm jista’ jkun filwaqt li jittieħdu l-prekawzjonijiet meħtieġa.

Ejjew inkunu onesti…

Ħafna rġiel tgħallmu tul iż-żmien, li li tkun b’saħħtek tfisser li żżomm kollox ġewwa fik u li tkun kapaċi ssolvi l-problemi inti stess. Spiss jibżgħu juru l-vulnerabbilta’ tagħhom għax jibżgħu li jiġu msejħa ‘dgħajfa’, ‘sissy’ jew ‘mhux raġel biżżejjed’.

Sfortunatament, anke fis-sena 2020, għad hemm stigma assoċjata mas-saħħa mentali u  fiżika tar-raġel. Hawn wisq irġiel li jżommu kollox mistur fihom infushom u jibqgħu jissaraw waħedhom mingħajr ma jitolbu għajnuna.

Kollha kemm aħna għandna rġiel f’ħajjitna: partners, aħwa, missirijiet, ulied subien, kollegi u ħbieb. Ejjew nipprovaw nibdew konverżazzjoni. Ejjew inkunu ġenwinament interessati fis-saħħa ta’dawk kollha ta’ madwarna. Hekk kif issa qed joqrob il-Milied, ejja nuru lil xulxin li verament nixtiequ nagħmlu differenza fil-ħajja ta’ xulxin.


Share the love

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *